Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċimiterju tal-Addolorata

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-entratura għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata min-naħa tal-Marsa tkun aċċessibbli għal min irid iżur dan iċ-ċimiterju u juża l-entratura prinċipali? Jista’ jara li jittieħdu l-passi sabiex ikun hemm ħidma ta’ ndafa f’dan iċ-ċimiterju għaliex l-ilmenti dwar it-telqa qed jiżdiedu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li bħalissa għaddej xogħol minn Infrastruttura Malta ta’ bini ta’ fly-overs fil-parti ta’ quddiem taċ-ċimiterju, hemm aċċess minn naħa ta’ Santa Luċija.

Uniformijiet — iġjene

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk persuni li jaħdmu fl-isptarijiet eċċ, u li jaħdmu b’uniformi humiex iġenikament korretti li sabiex iżommu lura milli jdaħħlu magħhom xi kontaminazzjoni fuq il-post tax-xogħol tagħhom, għal dan iż-żmien ta’ biża’, jieqfu milli jmorru fuq ix-xogħol jew lura lejn id-dar bl-uniformi tax-xogħol tagħhom fl-isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudji xjentifiċi juru li ma hemmx riskju għan-nies barra mill-isptar jekk xi professjonist tas-saħħa joħroġ mil-isptar bl-uniformi. Madanakollu d-dress policy tal-isptar tesiġi li l-impjegati kollha jiġu u jmorru lura d-dar bl-ilbies pajzan tagħhom.

Użu ta’ barrieri – rapport

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li l-Ministru preċedenti kien għamel dwar l-użu tal-barrieri bil-ħsieb li dawn il-barrieri jintużaw għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-istudju in kwistjoni fil-fatt qed isir mill-ERA u beda f’Settembru 2019 bil-mira ewlenija tkun li tinġabar informazzjoni dwar kull barriera sabiex isservi bħala parti mill-bażi ta’ proposta għall-konsiderazzjoni tal-Gvern dwar il-kwistjoni tal-materjal tal-kostruzzjoni. Din il-materja għadha għall-konsiderazzjonijiet tal-Kabinett u għalhekk mhuxf’pożizzjoni li nagħti aktar dettalji.

Ex ħaddiema tal-Enemalta fi skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex diversi ex ħaddiema tal-Enemalta li tpoġġew f’taqsima, tqassmu kollha fl-iskejjel tan-naħa t’isfel ta’ Malta, filwaqt li fit-tramuntana ta’ Malta kull ma hemm minn dawn il-ħaddiema imqassma fl-iskejjel huma tnejn biss?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ex ħaddiema tal-Enemalta li jiġu mqassma fl-iskejjel, dawn tal-aħħar jintgħażlu skont l-esiġenza li jkun hawn.

Skola tas-Samra fil-Ħamrun – gardening section

Question

Jista’ l-Ministru jara għaliex persuna mill-Gardening Section fl-Iskola tas-Samra fil-Ħamrun inħariġlu log book tal-fuel tal-karozza meta l-muturi tal-ħart iġorrhom il-ġardinier stess?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li riċentement ħareġ log book tal-fuel lill-vettura ta’ membru tas-sezzjoni tal-ġardinara. Dan sar minħabba li din il-persuna tuża l-vettura personali għall-ġarr ta’ skart agrikolu ġenerat bħala parti mix-xogħol awtorizzat tal-istess sezzjoni.

Coronavirus — Numru ta’ passiġġieri fuq vettura tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu regolamenti dwar kemm jista’ jkun in-numru ta’ passiġġieri fuq vettura tat-trasport pubbliku, kemm-il darba l-awtoritajiet tas-saħħa javżaw lill-pubbliku biex minħabba l-coronavirus, meta persuni jitkellmu għandhom ikunu metru 'lbogħod minn xulxin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li waqt li s-sitwazzjoni tibqa’ tiġi monitorjata b’mod kostanti, ġejt infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li nħarġu struzzjonijiet lill-operatur tat-trasport pubbliku biex matul il-vjaġġi l-vetturi joperaw mingħajr l-użu tal-arja kundizzjonata u bi twieqi miftuħin.

Water Services Corporation – new water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) sabiex bħala l-korporazzjoni responsabbli mis-servizz tan-New Water tara li dan l-ilma li qed jitqassam fir-raba’ ma jkunx hemm ħela tiegħu? Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex il-WSC tara li fir-raba’ fl-inħawi tal-Popeye Village fil-Mellieħa ma jkunx hemm ħela ta’ ilma minħabba abbuż jew ħsara fil-pajpijiet tal-ilma?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi: North u Gozo; Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twassal l-ilma mill-impjant tagħha sal-ġibjuni tat-tqassim. Fil- mains tad-dħul u tal-ħruġ tal-ġibjun jeżistu numru ta’ dispensers tal-ilma li jitħaddmu mill-bdiewa permezz ta’ użu ta’ ‘ aquacard’ . Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha sistemi simili għal dawk li tuża fuq networks oħra biex tiżgura li ma jkunx hemm leakages . Meta leaks jiġu identifikati, il-Korporazzjoni issewwi dan minnufih. Minn dawn l-eżerċizzji ma jirriżultax li hemm xi volumi ta’ ilma li m’għaddewx mid-dispensers. Madanakollu bħalissa qed isir investiment ta’ madwar ħamsa u tletin miljun Ewro u dan barra li ser ikompli jestendi l-firxa ta’ dan l-ilma ser ikun qed jagħti aktar għodod lill-Korporazzjoni biex tkun tista’ tuża informazzjoni ġdida ħalli flimkien mal-awtoritajiet konċernati ssib l-iktar mod ekwu li bih jista’ jitqassam dan l-ilma. Il-Korporazzjoni ma jirriżultalhiex li hemm xi ħsarat fil-pajpijiet tan- New Water fl-inħawi ta’ Popeye Village. Kull suspett ta’ ħsara fuq kwalunkwe network tal-Korporazzjoni għandu jiġi rrapurtat minnufih fuq www.wsc.com.mt South ; Il-Korporazzjoni twassal l-ilma mill-impjant tagħha sal-ġibjuni tat-tqassim. It-tqassim tal-ilma mill-ġibjuni jsir minn ġo kanali li huma amministrati mid-Dipartiment tal-Agrikoltura. Bħala parti mill-investiment imsemmi, din is-sistema qed tinbidel u ser tiġi mibdula b’network modern u b’ dispensers awtomatiċi. Barra minn hekk qed isir xogħol fuq ħames ġibjuni li għandhom iwasslu stabbilta’ ferm aħjar fis-servizz. Ta’ min wieħed jerġa’ jsemmi li l-impjant tas-South hu affettwat ukoll minn rimi llegali li qiegħed itellef fil-produzzjoni. Pjan ħolistiku biex dan jiġi indirizzat qed jiġi attwat.

Servizz ta’ carer/helper – refund mogħti fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta dawk il-carers/helpers li jnaddfu d-djar ikunu bis-sick leave eċċ, u f’ċertu ċirkostanzi ma jkunx provdut reliever, għalfejn ir-refunds fil-pensjoni mhumiex qed jiġu mogħtija lura sabiex dan jagħmel tajjeb għall-ħlas nominali li jkun sar għas-servizz tal-carer/helper fi djar meta dan attwalment ma jkunx ingħata?

Response (FALZON, MICHAEL)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Każijiet ta’ inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħaddiem jitkeċċa b’mod inġust mix-xogħol jew ikun akkużat b’mod inġust, x’hawn fil-pajjiż li jista’ jagħmel tajjeb għar-ristituzzjoni tad-danni morali għal din il-persuna li tkun soffriet minn tkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol b’mod inġust jew li tkun soffriet inġustizzja b’akkuża inġusta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Moniteraġġ tal-kumdità ta’ persuni li jgħixu weħidhom

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi neċessarji biex jistħarreġ il-possibilità li persuni li jgħixu waħedhom, ikunu reġistrati sabiex l-entità responsabbli tkun tista’ iżżomm moniteraġġ tal-kumdità fil-ħajja tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), l-Aġenzija Sapport kif ukoll l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, jaħdem ma’ kull kategorija ta’ nies vulnerabbli fis-soċjetà, inkluż familji li għaddejjin minn diversi problemi, tfal li mhux qed jgħixu mal-familjari tagħhom, persuni b’diżabilità, kif ukoll anzjani li jgħixu waħidhom fil-kommunità. It-tlett aġenziji imsemmija jaħdmu ma’ kull kas li jiġi riferut għall-attenzjoni tagħħhom bil-għajnuna tal-professjonisti fil-qasam speċjalizzat tagħhom. Permezz tal-mezzi soċjali tal-entitajiet imsemmija, kif ukoll permezz ta’ informazzjoni li kontinwament qiegħda tingħata fuq il-mezzi soċjali, il-Ministeru qiegħed jara li nwassli l-għarfien meħtieġ u kemm jista’ jkun vast, dwar is-servizzi li joffru id-dipartimenti u l-entitatjiet tagħna, sabiex kull persuna tkun mgħarrfa dwar fejn għandha tirrikorri għal għajnuna skont in-neċessitajiet u l-bżonnijiet tagħha. Wara li jsir dan il-kuntatt mill-individwu, l-entita’ rispettiva taħdem fuq il-każ imressaq għall-attenzjoni tagħha sabiex l-individwu li jkun resaq għall-għajnuna jew għal xi servizz, jingħata l-għajnuna meħtieġa skont iċ-ċirkustanzi tal-każ imressaq quddiemha

Armata – rapporti ta’ inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1) Jekk fil-preżent hemmx bord ta’ inkjesti fuq rapporti ta’ inġustizzji li allegatament saru fl-armata; 2) Meta beda jopera l-aħħar bord għall-inkjesti tar-rapporti ta’ inġustizzji; 3) F’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet tar-rapporti li saru; u 4) Meta ser ikun ffinalizzat u ppubblikat ir-rapport tal-inkjesti fuq l-allegatament rapporti li tressqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 12919.

Ministeru għall-Finanzi – spiża ta’ għat-tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għat-tindif kull xahar minn Ġunju 2017 sal-lum fil-Ministeru tiegħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – bord li jilqa’ ilmenti ta’ inġustizzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Jekk hemmx bord li jilqa’ l-ilmenti ta’ inġustizzja fil-Forzi Armati ta’ Malta; b. Jekk il-każijiet imressqa jirriżultaw fl-affermattiv, f’liema fażi wasal sabiex dan il-bord jippubblika r-riżultat tal-investigazzjoni; u c. Kemm-il darba hemm l-investigazzjonijiet, kemm hu n-numru ta’ ilmenti li tressqu li l-investigazzjoni dwarhom għadha għaddejja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12919, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li kien hemm Bord li nħatar fl-2017 u sema 746 każ. Min għamel l-ilment ikun mgħarraf bl-eżitu la darba l-proċess ikun ingħalaq għal kollox.

Inizjattiva għall-promozzjoni tal-prodott Malti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11450 u jgħid kemm intefqu flus fuq l-inizjattiva sabiex il-Ministeru jaħdem biex jippromwovi l-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lilll-Onor. Interperllant li l-promozzjoni tal-prodott Malti bħala wieħed ta’ kwalità bdiet fl-2015. In-nefqa sal-llum fuq din l-inizjattiva hija ta’ €635,604 (VAT eskluża).

Refund għas-servizz ta’ carer – Rifużjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jagħti rifużjonijiet r-refund lill-persuni li jkunu intitolati għasll-servizz tal-carer? Meta s-servizz tal-carer ma tgħatiex jingħatax, is-servizz tagħha, l-persuni li tkun obbligata jkollha d-dritt li tirċievi s-servizz tkun ukoll intitolata għal refund? Jista’ jgħid jekk din an ir-refund rifużjoni hijiex huwx jingħata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunita`, jgħin lil dawk l-anzjani li japplikaw għas-servizz illi qed issir referenza għalih. Din l-għajnuna tingħata permezz ta’ għajnuna finanzjarja, lil dawk l-anzjani li jkunu ġew approvati sabiex jimpjegaw Carer kwalifikat, sabiex ikunu assisti ġewwa darhom. Kull benefiċjarju (anzjan/a) jitħallas xahar b’lura, wara li jkun hemm prova tal-pagament illi jkun sar bejn il-benefiċjarju u l- Carer . Jekk il- Carer ma jipprovdix is-servizz f’xi ġurnata jew ġranet partikolari, l-anzjan/a ma jħallasx ta’ dawn il-ġranet lil Carer . Bl-istess mod, l-anzjan/a ma jingħatax l-għajnuna finanzjarja għall-ġranet illi l- Carer ma jkunx ipprovda s-servizzi lill-anzjan/a.

Gaming Authority — promozzjoniiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet u f’liema gradi ngħataw minn Ġunju 2017 sal-lum fil-Gaming Authority?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat kien hemm 54 promozzjoni fil-varji livelli ta’ tmexxija tal-Gaming Authority. Il-gradi involuti huma Manager, Head, Chief Officer, Senior Executive, Shift Leader, Officer, Executive u Administrator.

Dipartiment tad-Dwana — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet u f’liema gradi minn Ġunju 2017 sal-lum fid-Dipartiment tad-Dwana?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat kien hemm 76 promozzjoni fil-varji livelli ta’ tmexxija tad-Dwana ta’ Malta. Minn dawn, 73 promozzjoni ngħataw wara sejħiet għal applikazzjonijiet interni, waqt li l-bqija ngħataw b’riżultat ta’ esperjenza u snin ta’ servizz jew assimilazzjoni fil-grad. Il-gradi involuti huma Senior Principal, Assistant Principal, Executive Officer, Senior Clerk, Manager of Customs, Senior Inspector of Customs, Inspector of Customs, Customs Officers, ICT Support Assistant, Systems Analyst, Technical Officer, Assistant Technical Officer, Foreman, Senior Tradesman, Senior Operative IV, Manager II (Accounting & Finance).

Ministeru għall-Finanzi – xiri ta’ karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi minn Ġunju 2017 sal-lum fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilta responsabbiltà tiegħu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2017 sal-lum inxtraw tnax (12) il-karozza fil-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u l-entitajiet tiegħu. Peress illi din ir risposta ma tinkludix lill-Bank Ċentrali nitlob lill-Onorevoli Interpellant illi jekk jixtieq tali informazzjoni jagħmel mistoqsija speċifika.