Legislature:
Category:
Reset
Active:

Plant Quarantine Act — rapporti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13839 u għal Plant Quarantine Act, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti huma mistennija li jsiru minn dawk il-persuni li (1) jkunu qed jimpurtaw prodotti minn pajjiżi terzi għal Unjoni Ewropea u (2) li jkunu qed jittrasportaw prodotti lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, fil-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, jistenna notifiki dwar prodotti li huma rregolati u għaldaqstant jeħtieġ li ssir spezzjoni fuqhom, kif imsemmi hawn taħt. 1. Importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi għall-Unjoni Ewropea: L-importatur għandu jinnotifika lis-Sezzjoni tal-Ispettorat kif ukoll jissottometti d-dokumenti meħtieġa sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jiġu rilaxxati. Fil-każ ta’ prodotti mhux regolati, l-importatur jibgħat d-dokumenti permezz ta’ imejl, u jsir ir-rilaxx tal-prodott b’mod elettroniku. 2. Trasportazzjoni ta’ prodotti lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea: Dawn il-prodotti jiġu nnotifikati lid-Direttorat permezz ta’ sistema onlajn li tintuża minn diversi Dipartimenti kkonċernati.

Il-Magħtab – volum ta’ blat li tneħħa mill-barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-kejl f’volum ta’ blat li tneħħa minn dik li fil-preżent hija ħofra f’forma ta’ barriera li qed titħaffer fil-Magħtab, bil-ħsieb li maż-żmien issir landfill?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-volum ta’ blat li tneħħa mis-sit li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant huwa ta’ madwar 390 elf metru kubu.

Magħtab –wasteserve

Question

Jista’ l-Ministru jieħu deċiżjoni li jerġa’ jirrevedi l-aħħar deċiżjoni li ħa fir-rigward ta’ raba’ fl-inħawi tal-Magħtab, sabiex il-proġetti li qed jgħid li jridu jsiru, ikunu jistgħu jsiru fuq l-art li diġà hija użata mill-WasteServ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ghamel l-kunsiderazzjonijiet kollha mehtiega sabiex jassigura li l-art li tittiehed titnaqqas kemm jista’ jkun. Kien ghalhekk li mill-pjan originali li immedjatament niehdu 279 elf metru kwadru ta’ art nizzilniha ghal 82,000 metru kwadru kif spjegajt fl-Istqarrija Ghall-Istampa PR200668 mahruga fl-15 ta’ April li ghadda, liem stqarrija qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kieku stajna naghmlu kif qed jissuggerixxi hu u ma niehdu xejn art ahna konna wkoll naghmluh imma dan ma setax isir ghax il-bini tal-impjanti fuq il-mizbliet hija ghazla projbittiva.

Plant Quarantine Act — rapporti

Question

B’referenza għall-Plant Quarantine Act, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti kif mitluba minn din il-Legal Notice, li daħlu fl-uffiċċju mitlub li jirċievi l-informazzjoni li dan l-Avviż Legali jitlob li jinġabar f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema tip ta’ rapporti qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu.

Plant Protection Directorate — rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ rapporti li saru lill-Plant Protection Directorate b’referenza għal Vegetable Propagation and Planting Material (Amendment) Regulations, 2020 (Avviż Legali 89 tal-2020) li jemenda d-Direttiva 2008/72/EC etc, kif mitlub li jsiru wkoll mill-istess direttiva qabel dawn l-aħħar emendi, bl-użu tal-EU - Plant Notification Form f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll jekk ikunux infurmati 48 siegħa qabel ma jaslu l-prodotti li l-istess aAvviż Legali titlob li din l-entità msemmija tkun informata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan d-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, fl-aħħar tlett snin ma kellu l-ebda notifika bl-EU - Plant Notification Form għal xitel u materjal ieħor għat-tħawwil ta’ ħaxix tal-ikel miġjuba minn utenti finali u mhux professjonali skont l-Avviż Legali 89 tal-2020.

Open Centre tal-Marsa – tests għall-COVID-19

Question

Ladarba qed tingħata informazzjoni dwar kemm qed isiru tests fl-Open Centre ta' Ħal Far, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qed isiru tests fl-Open Centre tal-Marsa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-ċentru tal-immigranti fil-Marsa saru 20 test għal COVID-19. Dawn it-testijiet irriżultaw kollha fin-negattiv.

COVID-19 — tests

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex waqt li fil-pajjiżi milquta mill-COVID-19 qed jiżdiedu t-tests, għaliex f’pajjiżna jidher li n-numru ta' tests qed jonqos u infatti jidhru li naqsu b'50%?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,072 swab test għal COVID-19, b’żieda ta’ 53% fuq l-24 siegħa ta’ qabel.

Wasteserv – ħlas lil kuntratturi għal tħaffir ta’ blat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li sar mill-Wasteserv lill-kuntratturi li qed iħaffru l-blat minn dik li fil-preżent hija ħofra/barriera u li maż-żmien se tintuża biex tkun landfill? Jista’ jagħti l-ħlas li ngħata fl-aħħar tliet snin, separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghada qed tingabar u se tinghata f’seduta ohra.

San Pawl il-Baħar – Moll tal-Veċċa — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li titranġa l-ħsara li hemm fil-Moll tal-Veċċa f’San Pawl il-Baħar?

Response (REFALO, ANTON)

Il-manutenzjoni fuq mollijiet hija r-responsabilità ta’ Transport Malta u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Sorveljanza fuq il-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li jkun hemm sorveljanza fuq il-mollijiet f’Malta sabiex jara li fil-mollijiet jingħataw l-aħjar servizzi possibbli qabel ma jibda l-istaġun tas-sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Xogħol fuq mollijiet huwa r-responsabilità ta’ Transport Malta u mhux ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Prezz tat-tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prezzijiet tat-tonn li bħala Ministru għandu konoxxenza tagħhom, u li dawn il-prezzijiet ser ikunu gwida għall-prezzijiet li bihom ser jitħallsu s-sajjieda tagħna li jistadu għat-tonn?

Response (REFALO, ANTON)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed tiġi mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Barra minn hekk, f’dan l-istadju, il-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni uffiċjali rigward il-prezzijiet tat-tonn.

Persuni li għandhom firearms pass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm hu n-numru ta’ persuni li għandhom il- “Pass dwar l-armi tan-nar” kif inhu referit fl-Avviż Legali 121 tal-2020 rigward “Regolamenti tal-2020 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Moviment ta’ Arni tan-Nar u Munizzjoni fi Stati Membri u Provvedimenti Oħra”?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li għandhom il-Pass dwar l-armi tan-nar, skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 480.01, emendat bl-Avviż Legali 121 tal-2020, dwar il-Moviment ta’ Armi tan-Nar u Munizzjoni fi Stati Membri u Provvedimenti oħra, huwa ta’ elf sitt mija u sebgħa u ħamsin (1657).

Entitajiet li jiġbru informazzjoni rigward importazzjoni ta’ prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom id-dover li jiġbru l-informazzjoni rigward l-importazzjoni f’pajjiżna ta’ prodotti ta’ ħaxix, siġar u prodotti oħra tas-suq agrikolu, kemm jekk ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea kif ukoll għal dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għal twassil lejn Malta u Għawdex tal-istess prodotti agrikoli?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, jiġbor tali informazzjoni.

Magħtab – raba’

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-miżura li jirrevedi l-ordni tal-President li permezz tagħha l-Gvern irid jieħu il-226 tomna raba’ li kienet id-doppju tal-oriġinali tal-Gvern fir-rigward ta’ raba’ li l-Gvern irid jieħu fl-inħawi tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li sa issa ma kien sar ebda avviż ta' esproprju imma nħarġet biss dikjarazzjoni biex ikun jista' jsir survey. Sadanittant filwaqt li nfakkar fl-istqarrija għall-istampa numru PR200668 maħruġa fil-15 ta’ April u li tagħha qed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nikkomunikaw mal-Awtorità tal-Artijiet bħala awtorità kompetenti dwar esproprjazzjoni ta’ artijiet, sabiex ikun assigurat li tittieħed biss l-art li hemm bżonn kif ddikjarat fl-imsemmija Stqarrija.

Xogħol importat minn barra l-Unjoni Ewropea – ħlas ta’ VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ladarba l-Gvern wiegħed li l-ħlas tal-VAT u t-Taxxa ġie pospost, kif u għaliex xorta qed jintbagħtu kontijiet issa tat-taxxa u għaliex min qed jimporta x-xogħol minn barra l-Unjoni Ewropea, qed ikun mitlub iħallas il-VAT u jekk le ma jkunx jista’ jirtira l-merkanzija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu li tinġabar l-informazzjoni fuq VAT u taxxa dovuta baqgħet hemm għal kulħadd. L-istess jingħad rigward l-informazzjoni fuq il-VAT u taxxa dovuta. Xogħol li jiġi impurtat minn barra l-Unjoni Ewropeja huwa suġġett għad-Dazju ta’ importazzjoni u VAT. Id-Dazju ta’ importazzjoni jinġabar u jgħaddi għand il-Kummissjoni Ewropeja. Madankollu, id-Dwana tħaddem proċeduri, bħal Proċedura tal-Magazzinaġġ ( Warehousing Procedure ) li jistgħu jgħinu lill-importaturi f’dan il-mument. Taħt din il-proċedura ikun hemm sospensjoni ta’ ħlasijiet ta’ taxxa. Barra minn hekk, ġie ppubblikat Avviz Legali fejn il-ħlas tat-taxxi dovuti fuq prodotti mpurtati, qed jiġu wkoll diferuti b’xahrejn.

Raba’ li jinsab fil-limiti tal-Magħtab

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-deċiżjoni tal-Ministru rigward it-talba tal-bdiewa, li b’referenza għal 226 tomna ta’ raba' li bħala Ministru talab li jieħu mingħand il-bdiewa, tali raba’ jinsab fil-limiti tal-Magħtab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghall-istqarrija għall-istampa Numru PR200668 maħruġa mill-Ministeru tiegħi fil-15 ta’ April li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Taxis – regolamenti dwar numru ta’ passiġġiera

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13594 jista’ l-Ministru jgħid jekk allura ċ-ċirkostanzi ta’ din id-domanda, jekk sarx xi tibdil mir-regolamenti li diġà jistipulaw li taxi tista’ ġġorr mhux aktar minn ħames passiġġieri, speċjalment ladarba ħames persuni f’taxi jista’ jkun ta’ periklu għall-istess taxi driver u l-istess passiġġiera?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ikkollaborat mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika sabiex inħarġu sett ta’ linji gwida għas-sewwieqa tat-taxis u ta’ vetturi bil-mutur għall-kiri. Dawn il-linji gwida qed jitqiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra; ġew ukoll ippubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa u jistgħu wkoll jiġu aċċessati minn dan il-link elettroniku: COVID-19 outbreak Gwida għas-sewwieqa tat-taxis u ta’ vetturi żgħar tat-trasport tal-passiġġieri Barra minn hekk, l-Awtorità ħadet ħsieb tibgħat kopja ta’ dawn il-linji gwida lis-sidien kollha tat-taxi.

COVID-19 – xufiera ta’ containers li jiġu f’Malta bil-catamaran u bastimenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir f’pajjiżna sabiex naċċertaw li xufiera ta’ containers li jidħlu f’Malta via l-catamaran u bastimenti oħra, mhux qed ikunu ta’ periklu għall-poplu tagħna bit-tixrid tal-marda tal-COVID-19? Jista’ jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex naċċertaw li f’pajjiżna dawn ix-xufiera mhumiex ta’ periklu għalihom infushom, għall-familji tagħhom u għal sħabhom fuq il-post tax-xogħol?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xufiera ta’ trakkijiet li jkunu embarkaw minn Sqallija mhux qed jitħallew joħorġu mill-Virtu Sea Terminal jew xi bastiment ieħor.

Użu ta’ karozzi mikrija u taxis — regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti rigward in-numru ta’ persuni li jistgħu ġustament ikunu aċċettati li jużaw taxi jew karozzi tal-kiri b’xufier?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-regolamenti viġenti, taxi tista’ ġġorr mhux aktar minn ħames passiġġieri minbarra x-xufier, filwaqt illi vettura bil-mutur għall-kiri tista’ ġġorr mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra x-xufier.

COVID – 19 — Palm Readers System

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-użu tal-palm readers system fuq il-postijiet ta’ xogħol humiex ġustifikati jew le f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parir tal-Superintendent tas-Saħħa Pubblika hu li ma hemm l-ebda problema li jibqgħu jintużaw il-palm readers sakemm l-impjegati jingħataw il-faċilità ta iġene tal-idejn effettiva biswit il-palm reader.