Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Ewropea – reġim tal-VAT fuq yachts

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif il-Gvern qed jirribatti l-argumenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regim tal-VAT fuq yachts li għandna f’pajjiżna?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta’ tqegħid fil-mora lill-Gvern Malti dwar ir-reġim nazzjonali tal-VAT fuq il-jottijiet nhar it-8 ta’ Marzu 2018. Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa l-Gvern għaddej b’diversi diskussjonijiet fuq livell tekniku sabiex jindirizza l-punti mqajma mill-Kummisjoni bl-aħjar mod possibli u jibghat ir-risposta fi żmien xahrejn. Ir-risposta se tkun qiegħda tintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni permezz tal-proċeduri stabbiliti.

Ftehim li l-Unjoni Ewropea laħqet mar-Renju Unit fuq Brexit

Question

Dwar il-ftehim li laħqet l-EU mar-Renju Unit fuq Brexit fejn ġie elenkat dak li ġie maqbul u dak li ġie maqbul fil-prinċipju imma baqa’ aktar xogħol sabiex ikun hemm qbil fid-dettal, kif ser jiġu affettwati ċ-ċittadini Maltin li qegħdin għal xi raġuni jew oħra fir-Renju Unit?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dan il-ftehim ġie negozjat min-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropeja u permezz tiegħu dawk iċ-ċittadini kollha li eżerċitaw id-drittijiet fit-trattati tal-Unjoni Ewropea u dawk li joħorġu mill-acquis marbuta mal-moviment ta’ persuni se jkollhom l-aspettazzjonijiet leġittimi tagħhom protetti. Dan ifisser li dawk iċ-ċittadini Maltin li qegħdin fir-Renju Unit sad-data tat-tmiem tal-perjodu tranżitorju se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji ta’ dan il-qbil biex jibqgħu fir-Renju Unit taħt l-istess kundizzjonijiet eżistenti tagħhom, inkluż dawk relatati mal-koordinazzjoni tas-sigurta soċjali, dritt ta’ residenza, ħidma, servizzi tas-saħħa u edukazzjoni. Biex jibbenefikaw minn dan l-arranġament, iċ-ċittadini Maltin li jgħixu fir-Renju Unit – bħal kwalunkwe ċittadin Ewropew ieħor fir-Renju Unit - ser ikollhom żmien mill-bidu tal-perjodu tranżitorju (cioe mid-29 ta’ Marzu 2019) sa sitt xhur wara li jispiċċa l-perjodu ta’ tranzizzjoni (li bħalissa previst li jintemm fit-30 ta’ Diċembru 2020) biex japplikaw mal-awtoritajiet tar-Renju Unit taħt proċess simplifikat għal status speċjali. Dan l-istatus ser jiggarantilhom dawn id-drittijiet u jiddistingwihom minn ċittadini oħra tal-Unjoni li jmorru lejn ir-Renju Unit wara l-perjodu tranżitorju u li mhumiex membri tal-familja ta’ nies li jibbenefikaw minn dan il-ftehim. Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li l-arranġament jispeċifika wkoll id-dokumenti meħtieġa biex wieħed japplika u jikkwalifika għal dawn il-benefiċċji, kif ukoll il-mod kif jiġu evalwati l-applikazzjonijiet u r-rimedji. Dan l-arranġament huwa suġġett għal qbil fuq il-bqija tal-arranġament legali taħt l-artikolu 50 TUE, inkluż fuq il-kwistjonijiet ta’ l-Irlanda u l-governanza, u jrid jiġi wkoll rratifikat mill-Parlament Ewropew u l-Parlament Ingliż, qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.

Ħatra ta’ Regolatur ikkontemplat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħatarx ir-Regolatur ikkontemplat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi li daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena 2017? Jekk fl-affermattiv, kemm-il applikazzjoni rċieva sa issa? Kemm-il applikazzjoni minn entitajiet sportivi ġew approvati minn dan ir-Regolatur u ta’ liema entità sportiva huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-Kummissjoni għall-Faċilitajiet Sportivi Kummerċjali ġiet maħtura f'Diċembru tal-2017. Infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Għaqdiet sportivi interessati li jippreżentaw proġetti kummerċjali dwar il-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll għaddejjin diskussjonijiet oħra mal-awtoritajiet l-oħra tal-Gvern interessati sabiex jiġi stabbilit proċess mexxej dwar kif għandhom jibdew jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet.

Aġenzija ġdida dwar it-toroq – business plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija l-ġdida dwar it-toroq għandhiex business plan għall-ewwel sena li ser tkun qegħda topera? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi prijorità ta’ toroq jew żoni partikolari?

Response (BORG, IAN)

B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 5019 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar l-aġenzija ġdida li ser tmexxi l-investiment tal-Gvern għat-titjib fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f'pajjiżna ser titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament fil-jiem li ġejjin. Hekk kif titwaqqaf, din l-aġenzija ser ikollha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex tkompli l-ħidma bla preċedent li bdiet din l-amministrazzjoni, sabiex nibnu mill-ġdid, u nżommu fi stat tajjeb, it-toroq ta' pajjiżna. L-aġenzija ser tieħu f'idejha diversi proġetti infrastrutturali għall-bini mill-ġdid, twessigħ u titjib ieħor f'għadd ta' toroq arterjali. Uħud minnhom diġa bdew jitwettqu, waqt li oħrajn ser jibdew mill-aġenzija fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha. Fl-istess waqt, l-aġenzija ser tieħu f'idejha gradwalment ukoll ir-responsabilitajiet tal-manutenzjoni tat-toroq residenzjali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kunsilli lokali. Kif nafu, għal snin twal, il-kunsilli lokali tgħabbew b'din ir-responsabilità mingħajr ma ngħataw ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol meħtieġ biex it-toroq residenzjali jinżammu fi stat tajjeb. Diġà bdejna din il-ħidma permezz tad-Direttorat għat-Toroq u l-Infrastruttura ta' Transport Malta, bħal ma qed nagħmlu fi Triq Bontadini, f'Birkirkara, fi Triq il-Keffa fis-Swieqi u f'ħafna toroq residenzjali oħra. Ir-riżorsi ta' dan id-direttorat ser ikunu fost it-tim ta' professjonisti, tekniċi u ħaddiema oħra li jiffurmaw l-aġenzija l-ġdida. Malli titwaqqaf, l-aġenzija l-ġdida ser tibda taħdem biex fl-ewwel sena tagħha, minbarra diversi proġetti f'toroq arterjali, bħall-Marsa Junction Project, tibda tibni mill-ġdid diversi toroq residenzjali madwar il-pajjiż kollu. Priorità ewlenija ser tkun madwar 160 triq li s'issa għadhom qatt ma ġew mibnija jew asfaltati. Magħhom ser isiru wkoll toroq oħra residenzjali li jeħtieġu attenzjoni mill-aktar fis. L-aġenzija ser toħroġ diversi sejħiet għall-offerti għal kuntratti tal-bini u rranġar ta' toroq sa mill-ewwel xhur tal-operat tagħha.

Transport Malta – tisħiħ tas-Civil Aviation Directorate

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’qed isir sabiex is-Civil Aviation Directorate fi ħdan Transport Malta jissaħħaħ, sabiex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber ta’ dan is-settur?

Response (BORG, IAN)

Kif intqal tajjeb mill-Onor. Interpellant, is-settur tal-Avjazzjoni baqa’ jissaħħaħ, kemm f’terminu ta’ kumpaniji stabbiliti Malta li baqgħu jkabbru l-operat tagħhom, kif ukoll fid-domanda li d-Direttorat qed ikollu b’mod kostanti minn kumpaniji ġodda sabiex jirreġistraw ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni Maltija. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li d-domanda ma tikkonċernax biss ir-reġistrazzjoni t’ajruplani imma wkoll informazzjoni dwar il-proċess meħtieg sabiex wieħed jotjeni Air Operator Licence, liema proċess jinvolvi numru ta’ persuni fi ħdan id-Direttorat sabiex jintlaħaq il-livell meħtieg. Għalhekk, id-Direttorat baqa’ jinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema kif ukoll jżid l-ammont ta’ nies sabiex id-domanda tinqeda b’mod l-aktar professjonali. Nixtieq nenfasizza li x-xogħol ma jieqafx mar-registrazzjoni jew ma’ l-Air Operator Licence; id-Direttorat huwa obbligat li jagħmel oversight kostanti skont il-liġijiet applikabli fis-settur ta’ l-Avjazzjoni. Dan l-oversight, mhux biss jissalvagwardja l-istandards meħtiega għall-ġurisdizzjoni b’saħħitha, iżda jagħti wkoll serħan tal-moħħ għall-operaturi serji li jagħmlu parti minnha. Filwaqt li kif diġa għidt, kien hemm tkabbir fir-riżorsi umani tad-Direttorat, f’terminu ta’ numri u taħrig provdut; id-Direttorat għandu wkoll l-opportunita’ li jġib riżorsi esterni skont il-ħtiega u n-natura ta’ l-operat li jkollu l-ħtiega ta’ liċenzja speċifika. Dejjem inħeġġu l-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali sabiex jorganizzaw korsijiet relatati ma’ l-avjazzjoni li jaqdu l-ħtigijiet tar-regolatur, l-industrija u l-aspirazzjonijiet ta’ l-istudenti.

Aircraft Registration Act — emendi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont jekk l-emendi li saru fl-Aircraft Registration Act fl-aħħar leġislatura waslux sabiex attiraw aktar xogħol ta’ aircraft financing u aircraft leasing lejn pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Xtaqt nibda billi ngħid li l-emendi li seħħew fl-Att dwar ir-Registrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru, Kap.503, huma r-riżultat tal-esperjenzi li l-Gvern u l-istakeholders ikkonċernati, kisbu wara iktar minn seba’ snin ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti u għalhekk kien meħtieg li jiġu riflessi l-ħtigijiet tal-industrija u l-partijiet interessati f’dawn ir-regolamenti. L-emendi jikkunsidraw l-iżviluppi attwali u futuri f’dan is-settur sabiex Malta dejjem tkun ġurisdizzjoni b’saħħitha u minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi li qegħdin jiffukaw fuq is-settur ta’ l-avjazzjoni. L-abbozz jirrifletti emendi magħmula mhux biss fl-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru, Kap. 503, innifsu imma wkoll liġijiet oħra li huma anċillari għal dan l-Att, li huma: - CAP 218 Emendi għar-Regolamenti dwar Drittijiet għal Ċertifikati ta’ Operaturi tal-Ajru - CAP 12 Emendi għall-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili - CAP 16 Kodici Civili - CAP 376 Emendi għall-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji - SL 218.01 Emenda ta’ l-Iskeda li tinsab mar-Regolamenti dwar Drittijiet għal Certifikati ta’ Operaturi tal-Ajru - SL 16.06 Emendi għar-Regolamenti dwar Eżenzjoni mir-Rati ta’ Mgħax L-emendi, fis-sustanza, jinqasmu fi tliet partijiet principali: (i) Emendi ta’ natura generali ghall-Att dwar ir-Registrazzjoni tal-Ingenji ta’ l-Ajru, Kap.503; (ii) Każi ta’ insolvenza u infurzar; (iii) Emendi għall-Kodici Civili Dak li nixtiequ nottjenu permezz ta’ dawn l-emendi huwa s-segwenti: - Inkomplu nibnu fuq il-momentum li l-pajjiż kiseb f’dan is-settur u nkomplu nġibu operaturi ġodda u nsaħħu dawk e¿istenti - Nagħmlu lil Malta aktar attraenti għall-istituzzjonijiet u individwi li jiffinanzjaw dan is-settur - Intejbu l-liġijiet tagħna fuq infurzar, f’dak li għandu x’jaqsam claims u titli li huma bi dritt għall-kredituri - Niġbdu lejna kumpaniji li joperaw fis-settur tal- leasing Tajjeb li ngħidu li n-numru ta’ ajruplani rreġistrati mill-2012 ‘il hawn irdoppja, u n-numru ta’ Air Operator Certificates żdied għal 35 minn 18 fl-2012. Id-domanda fi ħdan id-Direttorat għall-Avjazzjoni kompliet tiżdied hekk kif mhux inqas minn sitt kumpaniji ġodda qegħdin jikkunsidraw liċenzja taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, f’dawn l-aħħar xhur. Dan flimkien ma’ kumpaniji li jħaddnu Air Operator Certificate Malti u li qegħdin iwessgħu l-operat tagħhom filwaqt li jaħdmu sabiex iġibu licenzji oħra validi għall-business tagħhom. Tajjeb wieħed jgħid li s-settur tal-manutenzjoni u tat-taħriġ fl-avjazzjoni qegħdin ikunu iktar attrati lejn il-gzejjer tagħna propju għar-reputazzjoni serja, legali u regulatorja li pajjiżna jħaddan u li qiegħed isaħħah anki permezz t’emendi kif imsemmija hawn fuq.

Applikazzjonijiet approvati għal boutique hotels

Question

Kemm-il applikazzjoni saret u ġiet approvata għal-boutique hotel, sena b’sena, minn 2011 sas-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5023, L-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippubblikat ħamsa u erbgħin (45) applikazzjoni u approvat erbgħa u tletin (34) applikazzjoni għal-boutique hotel mis-sena 2011 sas-sena 2017. Annessa hawn tabelli li jagħtu t-totali sena b’sena kif inhu mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Ivvalidati / Ippublikati 2011 2 2012 2 2013 1 2014 5 2015 10 2016 13 2017 12 Approvati 2012 1 2013 2 2014 2 2015 5 2016 10 2017 14 Din l-informazzjoni ġiet miġbura mis-sistema tal-Informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippubblikati u applikazzjonijiet deċiżi u approvati bejn l-2011 u l-2017 li fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom għandhom xi waħda mill-kliem segwenti. · Boutique + hotel · Palazzino

Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni – rendikont dwar progress fil-ħames oġġettivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed iżomm rendikont dwar progress li sar dwar il-ħames oġġettivi stabbiliti fil-Valletta Summit dwar l-Immigrazzjoni u jagħti rendikont konċiż ta’ dan?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pajjiżi sħab li ħadu sehem fil-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni qablu unanimament li I-ICMPD (International Centre for Migration Policy Development), li għandu l-kompitu li jmexxi s-segretarjat tal-Proċessi tar-Rabat u ta’ Khartoum, ikollu wkoll ir-responsabbiltà tas-segretarjat tal-Valletta Framework. Bħala parti minn dan ix-xogħol, l-ICMPD fassal bażi tad-dejta elettronika ħalli kull pajjiż sieħeb ikun jista’ jdaħħal l-aħħar informazzjoni fuq dak li jkun għamel taħt il-ħames objettivi stabbiliti fil-Valletta Action Plan. Bħalissa qed isir taħrig mill-ICMPD stess għall-uffiċjali tal-gvernijiet rispettivi fuq kif għandha tintuża din il-bażi tad-dejta u fuq kif għandhom idaħħlu l-informazzjoni meħtieġa fiha. Ta’ min jgħid ukoll li, fi Frar li għadda, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti stieden lil uffiċjali għolja minn dawn il-pajjiżi biex issir analiżi tal-progress li kien sar sa dak il-mument biex jitwettqu l-ħames objettivi stabbiliti fil-Valletta Action Plan. F’din il-laqgħa, il-pajjiżi sħab esprimejna s-sodisfazzjon li kienu ġew konklużi 625 inizjattiva u ntefqu 6.5 biljun ewro fi proġetti mqassmin kif ġej, skont il-ħames pilastri tal-Joint Valletta Action Plan: 1) L-indirizzar tal-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament sfurzat: 307 inizjattivi b’valur ta’ 3.8 biljun ewro; 2) Il-migrazzjoni legali u l-mobilità: 16-il inizjattiva b’valur ta’ 61 miljun ewro; 3) Protezzjoni u ażil: 99 inizjattiva b’valur ta’ 837 miljun ewro; 4) Il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u tal-iffaċilitar tagħha, u tat-traffikar tal-bnedmin, u l-ġlieda kontrihom: 77 inizjattiva b’valur ta’ 465 miljun ewro; 5) Ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid: 63 inizjattiva b’valur ta’ 307 miljun ewro. - Inizjattivi trasversali: 65 inizjattiva b’valur ta’ 1.05 biljun ewro. Dan huwa suġġett li għandu rilevanza kbira, b’mod speċjali għal pajjiżna, li jinstab fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, fin-nofs tar-rotta tal-migrazzjoni mill-pajjiżi tan-nofsinhar għal dawk tat-tramuntana. L-isfida tagħna tibqa’ li, flimkien mal-pajjiżi sħabna, inkomplu naħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Valletta Joint Action Plan u tal-ħames pilastri tiegħu.

Commonwealth – diskussjoni fuq Brexit u l-impatt fuq il-membri tal-Commonwealth

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-ambitu tal-Commonwealth ġietx diskussa Brexit u l-impatt ta’ dan anke fuq il-membri tal-Commonwealth u r-rilevanza tal-istess Commonwealth fis-snin li ġejjin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-suġġett ta’ Brexit u l-effetti li potenzjalment jista’ jkollu fuq l-pajjiżi tal-Commonwealth qed jiġu diskussa u fil-fatt ġew ċirkolati diġà diversi studji ta’ esperti dwar implikazjonijiet possibli b’mod speċjali għal dawk il-pajjiżi tal-Commonwealth li huma żgħar u vulnerabbli. Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet fl-Unjoni Erwopea dwar Brexit li ma nixtieqx nidħol fihom bħalissa minħabba n-natura tad-domanda tiegħek, huwa opportun li nagħmel referenza għall-preparamenti intensivi għall-organiżżazjoni taċ-CHOGM 2018 li ser jiltaqa' f’April li ġej u li fost is-suġġetti ewlenija mistenni jkollu taħdidiet dwar il-proposta li tinsab fuq il-mejda msejħa il-“Commonwealth Connectivity Agenda for Trade and Investment”. Huwa ovvju li l-effetti ta’ Brexit, għalkemm mhumiex magħrufa fi sħiħ, jistgħu jħallu effetti kunsiderevoli fuq il-pajjiżi tal- Commonwealth minħabba tibdiliet inevitabli fil-politika dwar il-kummerċ tar-Renju Unit li taffettwa; lir-Renju Unit u r-Relazzjoni tiegħu mall-pajjiżi Ewropej, kif ukoll dawk il-pajjiżi li bħalissa għad-għandhom aċċess favoribli lejn is-suq tal–Unjoni Ewropea. Ċerti membri tal-Commonwealth jiddependu ħafna fuq is-suq tar-Renju Unit għall-esportazzjoni ta’ diversi prodotti agrikoli kif ukoll minerali. Barra minn hekk, possibilità ta’ Sterlina iktar dgħajfa f’xenarju ta' post Brexit, jista' jkollu effett negattiv ukoll fuq dawn il-pajjiżi. Kif diġà semmejt kollox jiddependi mill-mod ta’ kif ir-Renju Unit jinnegozja l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa importanti li nkomplu nħeġġu li jsiru diskussjonijiet u studji mirati kollha meħtieġa ħalli kemm jista’ jkunu jistgħu jiġu indirizzati dawk l-effetti negattivi filwaqt li fl-istess ħin inkomplu nimbuttaw sabiex jiżdied il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-Commonwealth li nfakkar, jirrappreżenta suq ta’ iktar minn 2.4 biljun persuna. Sadanittant, qed naħdmu fil-qrib mal-pajjiżi sieħba biex nippreparaw il-Laqgħa tal-Commonwealth tal-Kapijiet tal-Gvern (CHOGM) f’April li ġej, għall-Summit li għalih hemm aspettativa partikolari, kemm minħabba l-kwestjoni ta’ Brexit kif ukoll, kif semma tajjeb l-Onor. Interpellant, biex inkomplu niżguraw ir-relevanza tal-Commonwealth għas-snin li ġejjin. Tajjeb ngħidu li Malta ħadmet bis-sħiħ f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, bħala Chair in Office tal-organiżżazjoni, biex tippromwovi l-valuri tal-Commonwealth. Insemmi biss ir-rilevanza kbira tal-Commonwealth billi nfakkar il-qbil li sar f’Malta minn 52 Kapijiet preżenti fiċ-CHOGM tal-2015 favur il-Climate Action session, liema Ftehim kien importanti ħafna sabiex ftit ġimgħat wara jiġi maqbul it-Trattat ta’ Pariġi dwar il-Klima jiġifieri f’Diċembru 2015. Ninsab konvint li r-Renju Unit ser ikomplu fuq il-passi tagħna sabiex din il-familja tkompli tissaħħaħ dejjem iktar kemm f’dik li hija rilevanza kif ukoll fl-effikaċċja tax-xogħol tagħha kemm favur il-membri tagħha kif ukoll għal kontribuzzjoni f’livell dinji.

National Emergency Plans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex a national emergency plan bħal pereżempju f’każ ta’ diżastru naturali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza li kien ġie approvat mill-Kabinett fl-1996. Fl-2016 kien tlesta National Risk Assessment kif implikat minn direttiva tal-UE. Mill-1996 sa llum saru wkoll pjanijiet esterni f’diversi lokazzjonijiet imsejħa COMAH. Fil-preżent, il-pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza qed jiġi rivedut biex ikun ikopri dawn il-pjanijiet esterni u jkun kompattibli man-National Risk Assessment.

Suldati Maltin involuti barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti barra minn Malta f’taħriġ u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa hemm 26 membru tal-FAM fuq taħriġ barra mill-pajjiż. Hemm 19 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjali fl-Irlanda u fir-Renju Unit, 4 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjal navali fl-Italja u fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ formazzjoni tal-uffiċjali tal-avjazzjoni fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ instructor fir-Republika Ċeka u 1 fuq munizzjon fir-Renju Unit.

Suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta ta’ paċi u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa ma hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet ta’ żamma ta’ paċi barra minn Malta.

Persuni li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’infurzar qed isir in konnessjoni ma’ persuni li jinstabu li qegħdin jabbużaw mill-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji, f’każijiet ta’ suspett ta’ abbuż mill-akkomodazzjoni soċjali u jiġi kkonfermat it-tali abbuż, jittieħdu l-miżuri biex isir l-iżgumbrament. Abbużi fl-akkomodazzjoni soċjali jinkludu l-kirja ta’ binja tal- housing lil terzi persuni, ir-rilokazzjoni ta’ persuni ġo proprjeta’ wara l-mewt tal-inkwilin oriġinali, u squatters li jaqbdu u jidħlu f’binjiet tal-Awtorita’ tad-Djar mingħajr permess.

Units tal-Housing – skemi ta’ xiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi sabiex jinxtraw unit tal-housing mill-pubbliku?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fi Frar tas-sena 2014 ġiet varata skema fejn inkwilin fi proprjetà tal-Gvern jingħata l-opportunita` li jixtri r-residenza mikrija lilu bi prezz issussidjat. Is-sussidju jingħata jekk l-applikant ma jkollux assi aktar minn €150,000 u dan is-sussidju ilaħħaq għal 50% tal-prezz maħruġ mill-Awtorità tad-Djar. Aktar dettalji fuq din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Awtorità tad-Djar.

Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara – ftuħ ta’ poliklinika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-poliklinika fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara tibda tiftaħ ukoll bil-lejl?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja perjodikament jagħmel eżerċizzju biex jidentifika fejn tinħass l-aktar il-ħtieġa għal-żieda fis-servizzi offruti minn dan il-qasam biex b’hekk jutilizza r-riżorsi li għandu disponibbli għalih bl-aktar mod għaqli u xieraq. Għaldaqstant jidher li għalissa għad m’hemmx biżżejjed domanda biex iċ-ċentri tas-saħħa ż-żgħar, fosthom dak ta’ Birkirkara, jibqgħu miftuħa matul il-lejl. Madanakollu dan id-dipartiment ma jeskludix din il-possibilita’ milli sseħħ fil-futur; bħal ma ġara fis-snin li għaddew meta kien ġie estiż il-ħin tal-operat ta’ dan iċ-Ċentru tas-Saħħa.

Kappara Flyover — targets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-każ tal-flyover tal-Kappara nżammux it-targets li l-Ministeru kellu prestabbiliti, kemm mil-lat ta’ infiq, kif ukoll mil-lat ta’ timeline?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ tal-proġett tal-Kappara, kien hemm diversi targets stabiliti tul ix-xogħlijiet, dan bl-għan prinċipali li jinbnew żewġ flyovers u roundabout fil-Junction tal-Kappara sabiex il-konġestjoni tat-traffiku fiż-żona li taqdi aktar minn 90,000 vettura kuljum tkun indirizzata. Nibda billi nsemmi li kif ippjanat : · Ix-xogħol fuq is-sit inbeda f’April tat-2016, billi ġew traspjantati l-palmi li kien hemm fir- roundabout eżistenti, dan filwaqt li tlestew diversi toroq alternattivi · Sar xogħol estensiv biex jitwessaw it-toroq eżistenti fuq in-naħa tal-Gżira dan filwaqt li nbnew service culverts u ġew imressqa s-servizzi infrastrutturali · L-ewwel toroq, parti mill-proġett ingħataw l-asfalt f’Marzu 2017, ftit inqas minn sena wara li kien inbeda l-proġett u għaldaqstant setgħu jinbdew jintużaw is- slip roads tal-ġnub · F’April tal-2017 beda jitpoġġa fil-post l-ewwel flyover u beda jintuża mill-pubbliku f’Lulju tal-istess sena · Iż-żewġ pontijiet imbagħad infetħu għall-pubbliku, kif ippjanat f’Settembru tal-2017. Wara dan bdew jitwessgħu it-toroq fuq in-naħa ta’ San Ġwann u t-toroq kollha kienu disponibli għall-pubbliku fl-ewwel jiem ta’ Jannar tal-2018, kif ippjanat. Dan kien possibli ukoll billi xi wħud mix-xogħijiet saru anke matul il-lejl biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent għall-pubbliku u x-xogħol jitħaffef. Għaldaqstant, il-proġett ġie inawgurat fil-25 ta’ Jannar tal-2018 u bħalissa qed isir xogħol ta’ snagging . L-Awtorità ser tkun qed tagħmel ukoll xi xogħlijiet fil-madwar, bhal perezempju ser tkun qed taħdem fuq underpasses għall-uzu pedonali u ser tkun qed tagħmel ukoll xi xogħol fuq it-toroq tal-universita’ biex tagħti access aħjar għall- underpass li nbidel bħala parti mill-proġett tal-Kappara stess. Il-proġett huwa stmat mat-€23 miljun mill-lat ta’ xogħlijiet, huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropwa u jifforma parti min- network TEN-T; dan filwaqt li bħalissa qed jiġu iffinlizzati l-kontijiet u jidher li l- budget imsemmi ser ikun qed jinżamm ukoll.

Ħ’Attard – xogħlijiet fuq triq ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu pproġettat li x-xogħol fuq triq ġdida f’Ħ’Attard, parrallela għal Triq in-Nutar Zarb f’Ħ’Attard, jibda? Kemm hu maħsub li dan ix-xogħol se jieħu żmien?

Response (BORG, IAN)

It-toroq ewlenin li jwasslu mill-Imrieħel lejn Birkirkara, Ħ'Attard u diversi lokalitajiet oħra fin-naħa ta' fuq tal-pajjiż jinkludu għadd ta' diffikultajiet strutturali li ta' kuljum ixekklu eluf ta' persuni li jgħaddu minn dawn l-inħawi. F'ċertu partijiet ta' din ir-rotta, it-triq eżistenti tidjieq ħafna, saħansitra tonqos għal korsija ( lane ) waħda. Dawn l-ostakli joħolqu konġestjoni tat-traffiku bil-vetturi, li jwasslu għal żieda fit-tniġġiż tal-arja f'dawn il-lokalitajiet. Fl-istess waqt, qed jintlaqtu ħażin ukoll iż-żoni residenzjali ta' Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-inħawi, hekk kif ħafna sewwieqa jfittxu li jevitaw din ir-rotta ewlenija billi jgħaddu minn toroq residenzjali. Dan ifisser aktar inkonvenjenti għar-residenti li jgħixu f'dawn l-inħawi. Sabiex dawn id-diffikultajiet jittaffew, id-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta' Transport Malta qed jipproponi proġett ta' titjib li jinkludi disinn ġdid għal dawn it-toroq arterjali u għal xi toroq sekondarji oħra eżistenti, sabiex jitneħħew l-ostakli li hemm bħalissa waqt li jiġu introdotti diversi faċilitajiet ġodda għal aktar sigurtà u effiċjenza għal dawk kollha li jużaw it-toroq, fosthom sewwieqa, residenti, dawk li jsuqu r-roti u oħrajn. Il-proposta tressqet quddiem l-awtoritajiet tal-ippjanar sabiex tiġi studjata skont il-proċeduri stabbiliti, ħalli jkunu jistgħu jinkisbu l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa. Fl-istess waqt, qed jiġu kkonsultati wkoll l-entitajiet kollha konċernati, sabiex jiġu ffinalizzati l-pjanijiet ta' dan il-proġett. Periti tad-Direttorat qed ifasslu wkoll ir-rekwiżiti tekniċi tal-proġett sabiex dalwaqt toħroġ is-sejħa għall-offerti għall-kuntratturi meħtieġa biex dan il-proġett jitwettaq. Il-Ministeru, permezz ta' Transport Malta u dalwaqt anke permezz tal-aġenzija ġdida li ser tieħu ħsieb l-iżvilupp infrastrutturali tat-toroq f'pajjiżna, huwa impenjat li jkompli jinvesti f'diversi miżuri biex intejbu l-kwalità tat-toroq tagħna, biex nagħmluhom aktar sikuri għal dawk kollha li jużawhom, u biex niżviluppaw mezzi ta' vjaġġar aktar sostenibbli li jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-lum u tal-futur, ta' pajjiżna.