Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-ogħla uffiċjal tal-Court Services Agency li qed imexxi l-Qorti tal-Ġustizzja f’Għawdex bħalissa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ogħla uffiċjal tal-Court Services Agency hija l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dwar is-Servizzi tal-Qrati, s-Sinjura Eunice Grech Fiorini. Inoltre hemm tlett Reġistraturi/Direttur, fosthom Dr. Mary Debono Borg illi tamministra l-Qorti tal-Ġustizzja f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni jekk min-naħa tal-Gvern intlaħqux xi transazzjonijiet [compromise] skont il-liġi f’dawn l-aħħar sentejn f’kawżi ċivili li kien hemm pendenti jew li infetħu? Jekk iva, jista’ jagħti lista ta’ x’kienu l-kawżi u l-ftehim ta’ transazzjoni relattiv?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid liema huma s-source markets attwali li huma ta’ prijorità turistika għal pajjiżna sabiex issir il-qabża ta’ kwalità tant meħtieġa fis-settur u x-xogħol li qed isir f’dan ir-rigward?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-attrazzjoni ta’ aktar turiżmu ta’ kwalita’ qiegħed isir abbażi ta’ spettru wiesgħa ta’ attivitajiet fi swieq ġeografiċi u motivazzjonali sabiex nattiraw ishma u numri akbar ta’ turisti ta’ impatt superjuri għad-destinazzjoni tagħna u għall-ekonomija Maltija. It-turiżmu ta’ kwalita’ m’huwiex definit biss mil-lat ta’ nefqa iżda ukoll minn numru ta’ fatturi oħrajn li jamalgamaw u jżewwġu dak li jkun qed ifittex it-turist ma dak li toffri id-destinazzjoni b’mod aktar sostenibbli. Dan ifisser li wara li ġew identifikati karatteristici, aspetti u esperjenzi li d-destinazzjoni teċċella fihom, dawn imbagħad qegħdin jiġu preżentati fis-swieq li jkollhom l-akbar potenzjal u propensita’ li jżuru pajjiżna għalihom. Dawn l-offerti turistiċi li jiddistingwuna mill-kompetituri tagħna jeżistu f’bosta oqsma bħal ngħidu aħna l-istorja u l-kultura, l-arkitettura, il-festi u avvenimenti popolari mifruxa matul is-sena, l-esperjenzi varji tal-ibħra tagħna, il-gastronomija, il-kampanja u l-pajsaġġ rurali u urban, id-divertiment, turiżmu attiv, it-tagħlim tal-Ingliż specjalizzat u aspetti edukattivi oħra u is-suq tal-konferenzi u inċentivi fost ħafna oħrajn. B’dan il-mod inkunu qegħdin mhux biss nattiraw turisti li jiġu appożitament sabiex jesperjenzaw dak li jagħmilna Maltin iżda fl-istess waqt inkunu qegħdin nużaw lit-turiżmu sabiex jipproteġi, jaħji u jagħti sostenn lil dawn l-elementi tanġibbli u intanġibbli li huma tant importanti għas-soċjeta’ Maltija. B’hekk tinħoloq relazzjoni pożittiva fejn il-karatteristiċi uniċi isostnu lit-turiżmu li fl-istess ħin isostni lilhom sabiex jinħoloq ċiklu pożittiv. Is-source markets huma varji. Infittxu dawn in-niċeċ demografiċi f’pajjiżi bħall-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza, I-Italja, l-Isvizzera u l-Awstrija fl-Ewropa filwaqt li jeżistu aktar opportunitajiet fl-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Awstralja. Infittxu l-profili turistiċi li jaqblu mal-offerti varji tagħna f’numru ta’ pajjiżi. Iridu jkunu pajjiżi fejn hemm konnettivita’ bl-ajru tajba għal Malta, kif ukoll li għandhom ekonomija b’saħħitha u popolazzjoni b’livell għoli ta’ edukazzjoni u bi dħul li jippermetti s-safar matul is-sena kollha. Filwaqt li nkomplu nindirizzaw it-turisti li nixtiequ minn dawn is-swieq, inħarsu wkoll lejn swieq fejn bħalissa Malta hija inqas magħrufa u mhux konnessa b’titjiriet diretti sabiex nibdew inkabbru l-volumi minnhom fis-snin li ġejjin. Permezz ta’ dawn l-istrateġiji qegħdin niżguraw li jkollna turiżmu matul is-sena kollha li jfittex esperjenzi minn firxa aktar titwessa tal-komunita’. Dan jirriżulta f’turisti aktar sodisfatti, popolazzjoni lokali li tgawdi b’mod aktar dirett u tapprezza l-importanza u l-impatti tat-turiżmu, u fl-aħħar mill-aħħar, turiżmu li abbażi ta’ dak kollu li qed isir ikun lest iħalli kontribut ekonomiku akbar minħabba esperjenza sodisfaċenti fil-Gżejjer Maltin.
Transport Malta — Qasma fi tliet entitajiet separati
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjanijiet li jkun hemm qasma ta’ Transport Malta fi tliet entitajiet separati, waħda tirregola t-Trasport, l-oħra l-aspett Marittimu u l-oħra l-Avjazzjoni Ċivili u dan tenendo li l-esperjenza ta’ pajjiżna dejjem kienet li qdejna l-investitur u lil min ġie f’pajjiżna aħjar meta tajna servizz iffokat u speċjalizzat?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’entità bħal Transport Malta, ir-ristrutturar huwa xi ħaġa kostanti. Is-servizz lejn l-investitur għadu wieħed mill-aqwa, u ser jibqa’ jitjieb u jispeċjalizza ruħu, irrilevanti tkunx entita’ waħda jew le.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jidħol is-settur marittimu u apparti l-aspett ta’ reġistrazzjoni ta’ bastimenti, x’inhuma l-oqsma ta’ prijorità attwali ta’ Transport Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prijorità ewlenija tad-Direttorat għall-Bastimenti Merkantili hija r-reġistrazzjoni ta’ bastimenti Maltin. Madankollu, dan id-Direttorat għandu wkoll dawn il-prijoritajiet:
Taħriġ u ċertifikazzjoni ta’ baħħara (inkluż l-akkreditazzjoni ta’ fornituri tat-taħriġ, korsijiet, u l-organizzazzjoni ta’ eżamijiet);
L-iżgurar tal-konformità abbord bastimenti Maltin (Flag State Control) u fuq il-bastimenti kollha fit-territorju Malti (Port State Control);
Servizzi oħra ta’ sostenn relatati mar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti.
Il-prijoritajiet prinċipali tad-Direttorat għall-Portijiet u l-Yachting huma:
Tisħiħ tal-infrastruttura marittima;
Promozzjoni ta’ bidla lejn it-trasport marittimu sabiex jitnaqqas it-traffiku fuq it-toroq permezz ta’ diversi servizzi;
Konformità mar-regolamenti u d-direttivi relatati mal-emissjonijiet fl-arja, inkluż l-introduzzjoni ta’
alternative
fuels
;
Promozzjoni tal-użu tal-Provvista ta’ Enerġija mill-Art (Onshore Power Supply) biex titnaqqas it-tniġġis tal-arja fil-portijiet tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jidħol is-settur tal-avjazzjoni ċivili u apparti l-aspett ta’ reġistrazzjoni, x’inhuma l-oqsma ta’ prijorità attwali ta’ Transport Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-missjoni tal-Awtorita’ f’dan ir-rigward hija li nattiraw aktar kumpaniji sabiex jiksbu liċenzja ta’ operat minn Malta, jistabbilixxu l-uffiċċji tagħhom f’pajjiżna, u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Għandna wkoll interess speċjali fit-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ewlieni għall-kiri tal-ajruplani, b’enfasi fuq l-aspett regolatorju u l-capacity building tad-direttorat.
Linji tal-ajru — Titjiriet diretti minn u għall-bliet fil-Marokk
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk hemmx pjanijiet sabiex iħajjar linji tal-ajru sabiex jibdew titjiriet diretti minn u għall-bliet fil-Marokk?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bidu ta’ titjiriet diretti ma’ bliet Marokkini m’huwiex prijoritarju fl-istrategija kurrenti tal-konnettivita’ bl-ajru imħaddna mill-Awtorita’ għat-Turiżmu. Għaldaqstant m’humiex qegħdin jiġu mfittxija linji sabiex joperaw dawn ir-rotot sabiex l-attenzjoni tibqa fuq l-iżvilupp ta’ servizzi minn pajjizi, reġjuni u bliet li joffru potenzjal aktar għoli għat-turiżmu lejn pajjiżna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm żviluppi fuq livell ta’ Unjoni Ewropea sabiex tiġi estiża l-proċedura tal-Qualified Majority Voting f’kompetenzi jew setturi ġodda? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont konċiż ta’ x’kienu tali żviluppi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin, fid-dawl tal-kriżijiet u d-deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu fuq livell Ewropew, inbdiet diskussjoni dwar riformi li huma meqjusa meħtieġa sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiffunzjona u tieħu deċiżjonijiet f’waqthom b’mod effiċjenti, filwaqt li ma jiġux ippreġudikati l-interessi leġittimi ta’ l-Istati Membri. Waħda mill-proposti hija dik dwar l-estensjoni tal-użu tal-votazzjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata (QMV) permezz tal-mekkaniżmu passerelle. Il-proposta, li għad qed tiġi kkunsidrata mill-Kunsill, hija bbażata fuq ix-xewqa li jkollna deċiżjonijiet u implementazzjoni ta’ riformi aktar mgħaġġla. Sa’ issa, id-diskussjoni ffukat fuq estensjoni f’oqsma fejn it-Trattati diġa’ jippermettu dan, bi qbil bejn l-Istati Membri. Sabiex ikun hemm estensjoni sħiħa u permanenti tal-QMV irid ikun hemm bidla ħolistika fit-Trattati, u sa’ issa m’hemmx qbil bejn l-Istati Membri fuq il-ħtieġa għal dan.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif se tkun qed tintlaqat Malta mill-Mercusor Agreement konkluż mill-Unjoni Ewropea reċentement mil-lat, inter alia, ta’ konsumatur, impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Unjoni Ewropea (UE) u l-MERCOSUR ilhom jinnegozjaw ftehim kummerċjali mis-sena 2000 wara l-adozzjoni tal-mandat mill-Kunsill u l-Kummissjoni fl-1999. Waqt li dawn n-negozjati ġew sospiżi numru ta’ drabi matul is-snin, fis-6 ta’ Diċembru 2024, l-UE u l-blokk tal-MERCOSUR – li jinkludi lill-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj, u l-Urugwaj – iffinalizzaw in-negozjati għal-ftehim kummerċjali komprensiv.
Waqt li Malta ġa għandha relazzjonijiet kummerċjali, u qegħda tiżviluppa r-relazzjonijiet politiċi tagħha ma’ dan ir-reġjun, kif jidher ċar mill-ftuħ tal-Ambaxxata fi Brasilia fl-2022, il-ftehim tal-UE mal-MERCOSUR se jiftaħ opportunitajiet ġodda billi jdaħħal dixxiplini ġodda fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, bħala Membru Stat tal-UE, ma’ dawn l-erba’ pajjiżi.
Il-ftehim mistenni jżid il-kummerċ ħieles bejn Malta u l-pajjiżi tal-MERCOSUR, b’effetti pożittivi fuq il-konsumatur, l-intrapriżi Maltin u l-ekonomija Maltija. Dan ser iseħħ bl-impenn tal-imsieħba fuq kummerċ ta’ prodotti u servizzi, aċċess itjeb għall-investiment u akkwisti pubbliċi, tnaqqis ta’ burokrazija u dixxiplini biex jiġi faċilitat il-kummerċ, żieda fiċ-ċertezza legali, kif ukoll sistema ta’ soluzzjoni fejn ikun hemm tilwim fuq il-ftehim bejn l-UE u l-MERCOSUR.
Il-ftehim jorbot lill-imsieħba biex jeliminaw b’mod gradwali d-dazji u impedimenti oħra għall-kummerċ fuq l-importazzjoni ta’ prodotti. Għalkemm Malta esportat ’il fuq minn €50 miljun fl-2023 lejn dan ir-reġjun, l-aktar fis-setturi ta’ oġġetti ta’ stampar (partikularment karti tal-flus) makkinarju u apparat elettroniku, l-ammonti jvarjaw ħafna minn sena għall-oħra, bil-medja aktar qrib ta’ €3.5 miljun fis-sena (ikkalkulata fuq l-importazzjoni bejn l-2017 u l-2021). Mil-banda l-oħra, Malta timporta medja ta’ madwar €20.8 miljun fis-sena kkalkulata fuq is-snin mill-2017 sal-2023, l-aktar fis-setturi taz-zokkor, żjut kif ukoll oġġetti tal-ħadid.
Jekk il-ftehim jidħol fis-seħħ, ser jitnaqqsu tariffi fuq importazzjoni ta’ numru ta’ prodotti, fosthom iz-zokkor, fuel, laħmijiet varji taċ-ċanga u tat-tiġieġ, prodotti kimiċi, kif ukoll dawk tal-kafè. Dawn huma setturi fejn Malta, ġa timporta minn dawn il-pajjiżi u ma tipproduċix, jew ma tipproduċix fi kwantitajiet suffiċjenti għad-domanda tal-ekonomija Maltija, u għalhekk it-tnaqqis tat-tariffi ser jirriżulta f’aktar għażla u prezzijiet orħos għal-konsumaturi Maltin, waqt li ma jikkompetux ma’ produzzjoni lokali.
Mill-perspettiva ta’ esportazzjoni Malta tista’ tibbenefika minn tariffi orħos u inqas impediment għall-importazzjoni fuq prodotti li jinkludu oġġetti ta’ stampar (partikularment karti tal-flus), makkinarju jew partijiet ta’ makkinarju, mediċini, kimika, u oġġetti tal-elettronika, fost affarijiet oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħargu permessi sabiex jinħolqu stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni tursitika f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll:
i. kemm minn dawn il-permessi ntużaw u tlestew proġetti;
ii. kemm minn dawn hemm proġetti li attwalment għadhom għaddejjin;
iii. kemm minn dawn il-permessi għadhom lanqas bdew jiġu utilizzati;
u f’kull każ tingħata informazzjoni ta’ xi jfisser dan f’termini ta’ żieda fil-bed-stock?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal fini tal-mistoqsija, ‘permessi’ qed jiġu kkunsidrati li huma Tourism Policy Compliance Certificates li huma bżonnjużi fil-bidu ta’ żvilupp sabiex applikant ikun jista japplika għal permess ta’ żvilupp jew estensjoni ta’ akkommodazzjoni turistika kollettiva mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, filwaqt li meta jitlesta proġett ikun hemm proċess ieħor ta’ licenzjar. Bejn l-ewwel permess u li wieħed tinħariġlu liċenzja jgħaddi ftit żmien u mhux garantit li dan iseħħ għax jistgħu jinbidlu iċ-ċirkustanzi.
Għaldaqstant, in-numru ta’ permessi li nħarġu f’dawn l-aħħar tlett snin kien jammonta għal 291 għal total ta’ 15,783 sodda. Minn dawn laħqu ġew liċenzjati 10 stabbilimenti għal total ta’ 950 sodda.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti informazzjoni dwar liema setturi qiegħda taħdem l-Ambaxxata Maltija fi Brasilia fil-Brażil, wara d-deċiżjoni tajba tal-Gvern Malti li jiftaħ tali Ambaxxata fis-sena 2022, sabiex issaħħet ir-relazzjoni ta’ Malta mal-Brażil u mal-Amerika Latina b’mod ġenerali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-preżenza fiżika ta’ Malta f’wieħed mill-akbar pajjiżi fid-dinja, għadha fil-bidu tagħha, iżda l-opportunitajiet għall-kummerċ, kif ukoll għal setturi oħra għal-Malta, sew fil-Brażil stess, kif ukoll fil-kontinent tal-Amerika Latina huma vasti, u diversi, daqs il-pajjiż stess.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Brażil, l-Ambaxxata Maltija fi Brasilia qegħda tinnegozja diversi Ftehim u Memoranda ta’ Ftehim (MOUs), f’setturi varji li jinkludu l-avjazzjoni, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni. L-Ambaxxata qegħda wkoll taħdem biex issaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Brażil fis-setturi tat-tagħlim tal-Ingliż, iGaming, teknoloġija diġitali, industrija u kummerċ.
L-Ambaxxata Maltija fi Brasilia qegħda wkoll twassal biex Malta taħdem mal-Brażil fis-settur umanitarju. Fl-2024 Malta saret firmatarja tal-“Impenn għall-Alleanza Globali Kontra l-Ġuħ u l-Faqar” tal-Brażil u ffirmat mal-inizjattiva tal-G20 tal-Brażil ta’ “Sejħa għall-Azzjoni dwar Riforma tal-Governanza”.
Il-preżenza ta’ Malta ġewwa il-Brażil, qegħda twassal biex Malta taħdem id f’id mal-Unjoni Ewropeja, fi proġetti ġewwa l-Amerika Latina, f’setturi mportanti bħad-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, id-deforestazzjoni, l-ambjent u l-baħar, passaġġi tal-ilma siguri u rotot tal-kummerċ tal-baħar kif ukoll għadd ta’ kwistjonijiet oħra ta’ sinifikat fid-dinja.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Rapprezentanza fl-Ambaxxati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk jikkonsidrax li l-Ambaxxati diġà miftuħa mill-Gvern Malti jkun hemm rappreżentant min-naħa tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu sabiex jissaħħaħ l-inbound tourism minn source markets ġodda u/jew strateġiċi?
Response (BORG, IAN)
L-għaqda tal-portafoll tat-Turiżmu ma’ dak tal-Affarijiet Barranin u Ewropej taħt Ministeru wieħed qed tiftaħ opportunitajiet għal iżjed kollaborazzjoni mill-qrib bejn dipartimenti u entitajiet differenti, bħal ma’ qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant.
Filwaqt li nirrikonoxxu li diġa hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-turiżmu u r-rappreżentazzjonijiet ta’ Malta f’pajjiżi oħra, inħares 'il quddiem sabiex fix-xhur li ġejjin nesploraw u nqisu ħidmiet ġodda sabiex insaħħu l-promozzjoni tal-prodott turistiku Malti f’pajjiżi fejn għandna ambaxxati u rappreżentanzi oħra, filwaqt li nimmassimizzaw ir-riżorsi li issa qed jingħaqdu taħt Ministeru wieħed.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dwar kemm infetħu kawżi quddiem il-Bord Li Jirregola l-Kera (RRB) f’dawn l-aħħar tliet snin sabiex is-sid jawmenta l-kera ta’ fond mikri?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti legali tal-Malta Gaming Authority (MGA) jew il-predeċessur tagħha mis-sena 2008 ’l quddiem u sal-lum il-ġurnata, u kemm tħallsu għas-servizzi professjonali tagħhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress bejn l-2008 u 2013 ma kinux jinżammu records diġitali fl-MGA, hemm bżonn iktar ħin biex tinġabar l-informazzjoni.
Gvern Malti u l-Amministrazzjoni ġdida Sirjana — Rapprochement
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm xi rapprochement bejn il-Gvern Malti u l-Amministrazzjoni ġdida Sirjana?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta s'issa għadha ma ingaġġatx direttament mal-awtoritajiet ġodda Sirjani. Minkejja l-waqgħa tar-Reġim ta’ Assad, is-sanzjonijiet imposti fuq il-pajjż għadhom fis-seħħ. Hekk kif maqbul fil-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea ġiet mistiedna sabiex tipproponi miżuri kif l-Unjoni tista’ tagħti s-sostenn tagħha lis-Sirja. Għaldaqstant Malta se tkompli ssegwi l-iżviluppi fis-Sirja fil-kuntest tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, u tingaġġa mal-awtoritajiet Sirjani abbażi ta’ dawn il-kriterji u skont il-qari tas-sitwazzjoni minn żmien għal żmien.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm diskussjonijiet formali fl-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi fis-Sirja u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni mal-Amministrazzjoni Sirjana?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar diskussjonijiet li saru fil-livell ta' Unjoni Ewropea dwar is-Sirja, saru waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-16 ta’ Diċembru u l-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2024. F’dawn iż-żewġ laqgħat, l-Unjoni Ewropea enfasizzat il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tas-Sirja. Saret enfasi wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet tal-minoranzi u tan-nisa. Saħqu wkoll li l-proċess ta’ tranżizzjoni jeħtieġ li jkun immexxi mis-Sirjani u li jkun proprjetà tas-Sirja. Barra minn hekk, waqt l-aħħar żjara mwettqa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u ta’ Franza f'isem l-Unjoni Ewropea f'Jannar 2025, l-awtoritajiet Sirjani ġew infurmati li l-Unjoni Ewropea ser tingaġġa mal-awtoritajiet Sirjani u li dan se jkun kundizzjonali, sabiex jiġi żgurat proċess ta’ tranżizzjoni inklussiv. F'eventwalità bħal din jistgħu jseħħu diskussjonijiet dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jippubblika l-annual accounts jew jagħti rendikont konċiż tal-finanzi tal-Mediterranean Conference Centre mis-sena 2008 sal-lum il-ġurnata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mediterranean Conference Centre — Kap Eżekuttiv u Chairperson
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid min kienu l-Kap Eżekuttiv u c-Chairperson tal-Mediterranean Conference Centre mis-sena 2008 sal-lum il-ġurnata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt:
Kap Eżekuttiv:
01/01/2008 sa 03/05/2009 - Nil
04/05/2009 sa 30/09/2014 - Sur Raymond Attard
01/10/2014 sa 01/02/2015 - Vakanti
02/02/2015 sal-lum - Sur Pierre Fenech
Chairman:
01/01/2008 sa 31/05/2013 - Dr Peter Fenech
01/06/2013 sal-lum - Dr Kenneth Spiteri
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li kkontrattaw iż-żwieġ tagħhom f’dawn l-aħħar tliet snin, għażlu li jirregolaw il-patrimonju fiż-żwieġ tagħhom bis-sistema tas-separazzjoni tal-beni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Kuntratti ta’ żwieġ — Community of Residue Under Separate Administration
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li kkontrattaw iż-żwieġ tagħhom f’dawn l-aħħar tliet snin, għażlu li jirregolaw il-patrimonju fiż-żwieġ tagħhom bis-sistema tal-Community of Residue Under Separate Administration?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.