Jista’ l-Ministru jindika liema hi l-awtorità regolatorja fid-dekasteru tiegħu li tawtorizza l-ħruġ ta’ bonds u jekk hemmx kriterji fissi li jiġu kkunsidrati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-awtorità regolatorja responsabbli mill-approvazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ammissibbiltà għat-tqegħid ta’ bonds fuq Suq Regolat hija l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Fil-proċess ta’ evalwazzjoni, l-applikazzjonijiet jiġu vvalutati skont tliet kriterji ewlenin:
Is-saħħa finanzjarja;
Il-governanza korporattiva; u
It-trasparenza.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fi ħdan il-Ministeru tiegħu hemmx entità li tissorvelja l-ħruġ tal-bonds u l-prestazzjoni tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont il-Financial Markets Act, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) hija l-awtorità responsabbli għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ securities, inkluż bonds, għal tqegħid fuq Suq Regolat.
L-Awtorità għandha wkoll ir-responsabbiltà li tiżgura li l-kumpaniji li għandhom securities mqegħdin fuq Suq Regolat jissodisfaw ir-regoli tal-Capital Markets Rules, li jimplimentaw diversi direttivi tal-Unjoni Ewropea. L-iskop prinċipali tar-regoli tas-Swieq tal-Kapital huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza fis-suq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kirjiet kummerċjali ‘protetti’ li ser jintlaqtu minn dak dispost fl-artikolu 1531I tal-Kodiċi Ċivili u ċjoè li jintemmu fl-1 ta’ Ġunju, 2028? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-kirjiet is-sid tagħhom huwa l-Gvern ta’ Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Unit li tissorvelja l-konċessjonijiet li jagħti l-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fi ħdan il-Ministeru tiegħu jew fi ħdan il-Gvern hemmx unit li tissorvelja l-konċessjonijiet li jagħti l-Gvern għal proġetti u jekk min ingħata tali konċessjonijiet hux qed iżomm mal-istess konċessjoni?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-Ministeru jissorvelja l-konċessjonijiet mogħtijin minnu permezz tad-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi, filwaqt li l-Entitajiet u l-Awtoritajiet jissorveljaw il-konċessjonijiet mogħtijin minnhom, rispettivament.
F’kull kaz, meta u jekk ikun hemm xi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-konċessjoni, il-Ministeru, l-Entita jew l-Awtorita responsabbli tieħu passi skond l-istess konċessjoni
.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dettaljat tal-konċessjonijiet kollha li ngħataw minn Gvernijiet qabel is-sena 2013 u li għadhom sal-lum il-ġurnata ma tlestewx? Jista’ jagħti lista ta’ liema huma u lil min ingħataw?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Blat fiż-żona tat-Torri ta’ Għajn Tuffieħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru jew li qed isiru in konnessjoni mal-blat fiż-żona tat-Torri t’Għajn Tuffieħa? In konnessjoni mal-istess żona, saru xi studji mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubblici? Jekk iva, x’kienu dawn?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dawn l-aħħar sentejn, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jagħmel monitoraġġ kull erba’ xhur sabiex jiġi stabbilit kull moviment li jseħħ fil-blat li hu maqtugħ mill-irdum fiż-żona tat-Torri t’Għajn Tuffieħa. Barra minn hekk, id-Dipartiment qed iħejji diversi studji dettaljati ħalli jiġu stabbiliti l-proċessi ta’ erożjoni kostali f’dawn l-inħawi u qed jitħejja studju ġeoloġiku u ieħor ġeotekniku ta’ dan l-irdum.
B’referenza għas-settur marittimu, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex jinġiebu fiżikament uffiċini ta’ ‘shipping companies’ hawn Malta u Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm x’impatti speċifiċi bid-dħul tal-Emission Trading Scheme [ETS] fuq pajjiżna? Jekk iva, x’kienu b’mod dettaljat?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xogħol fuq toroq ġewwa Birkirkara f’dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol hemm proġettat sabiex isir fl-istess lokalità għas-sentejn li ġejjin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet fi Triq Sqaq Il-Ibgħal, Triq Is-Sienja , P/o Triq Kan. Injazju Scibberas Psaila, p/o Triq It-Tabib Victor Thuema, Triq Naxxar, p/o Triq l-Intonjatur, Triq l-Għadam, Triq Birrerija, Triq Giovanni Felice, Triq Papa Urbanus VIII, Triq Laurent Ropa, Triq Madre Tereza Spinelli, Triq E.B Vella, Triq Sir Anthony Mamo, p/o Triq Dun Karm (bypass) fil viċinanzi ta’ Mater Dei, Triq il-Ftieħ u Triq Giovanni Mamo.
Huwa ppjanat li jsiru xogħolijiet fi Triq Fluer De Lys, Triq Santu Rokku u Triq San Ġiljan.
B’referenza għat-tweġiba tall-mistoqsija parlamentari 24438, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jibda proċess sabiex ikun hemm reġistru jew jintuża reġistru eżistenti fejn kull prokura li tingħata hawn Malta, jew anke fl-esteru, tiġi irreġistrata sabiex ikollha effikaċja legali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jistudja u jirrivedi fejn meħtieġ, diversi aspetti tal-liġijiet, inkluż fil-Kodiċi Ċivili u kull żvilupp jew avviżi dwar din il-ħidma jsiru fiż-żmien opportun, kif dejjem sar.
Qorti Dwar il-Jeddjiet Fundamentali tal-Bniedem – causa petendi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista u informazzjoni dwar il-‘causa petendi’ ta’ kawżi li hemm pendenti kontra Malta quddiem il-Qorti dwar il-Jeddijiet Fundamentali tal-Bniedem?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala kawżi pendent quddiem il-Qorti dwar il-Jeddijiet Fundamentali tal-Bniedem hemm erbgħin (40) kawża, b’erbgħa minn dawn il-kawżi qegħdin fil-proċess fejn possibilment jintlaħaq ftehim. Il-kumplament qedin fi stadju avvanzat li jiġu deċiżi u jitrattaw allegat ksur tal-artikoli 3,5, 6, 8, 13, 14 u l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll.
Għal kull buon fini, għandu jiġi ppreċiżat illi jista’ jkun li l-Avukat tal-Istat għadu m’huwiex innotifikat b’ xi atti ġudizzjarji mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minkejja illi tali kawżi jkunu ġew istitwiti.
Settur tal-kostruzzjoni — Aġġornament tal-Kompendju ta’ liġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi aġġornat il-kompendju ta’ liġijiet speċifiċi għas-settur tal-kostruzzjoni u jekk hemmx ‘time-line’ dwar meta ser jitlesta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jistudja u jirrivedi fejn meħtieġ, diversi aspetti tal-liġijiet, inkluż fil-Kodiċi Ċivili u kull żvilupp jew avviżi dwar din il-ħidma jsiru fiż-żmien opportun, kif dejjem sar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi aġġornata l-liġi tal-Condominium u jekk hemmx ‘time-line’ dwar meta dan il-proċess ser jitlesta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jistudja u jirrivedi fejn meħtieġ, diversi aspetti tal-liġijiet, inkluż fil-Kodiċi Ċivili u kull żvilupp jew avviżi dwar din il-ħidma jsiru fiż-żmien opportun, kif dejjem sar.
Kodiċi Ċivili — Proposti ta’ emendi li tirregola l-konvenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed iwettaq studju sabiex jipproponi emendi għal dik il-parti tal-Kodiċi Ċivili li tirregola l-konvenji sabiex jinqatgħu ċertu inċertezzi legali tal-Maltin u l-Għawdxin f’ċertu każijiet li huma qed jiltaqgħu magħhom [Art. 1357]?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jistudja u jirrivedi fejn meħtieġ, diversi aspetti tal-liġijiet, inkluż fil-Kodiċi Ċivili u kull żvilupp jew avviżi dwar din il-ħidma jsiru fiż-żmien opportun, kif dejjem sar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24443 u jagħti informazzjoni preċiża dwar min kienu l-konsulenti legali tal-Malta Gaming Authority jew il-preċedessur tagħha mis-sena 2008 ’il quddiem u sal-lum il-gurnata, u kemm tħallsu għas-servizzi professjonali tagħhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni hekk kif provduta mill-awtorità.
Kif irrimarkajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24443, bejn l-2008 u 2013 ma kienux jin¿ammu records diġitali fl-MGA u b’hekk l-informazzjoni provduta qabel l-2014 taf tkun inkompleta.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra dwar l-isforzi li qed jagħmel il-Ministeru tiegħu, il-Gvern u pajjiżna b’mod ġenerali in konnessjoni u sabiex inżommu ‘a competitive corporate tax rate’ bħala ġurisdizzjoni, fl-isfond tal-iżviluppi fuq livell ta’ Unjoni Ewropea u OECD dwar regolamenti u qafas u mudelli proposti ta’ ‘tax transparency’?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem biex ifassal sistema li tkun konformi mal-izviluppi fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tal-OECD, u li zzomm il-kompetittività ta’ Malta b’sistema ta’ għotjiet.
Dawn l-isforzi qed isiru bl-għajnuna ta’ esperti barranin u f’diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea, u sar progress fuq dan il-front. Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw, ladarba jkollna indikazzjoni aktar ċara, b'mod partikolari mill-Kummissjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk il-Gvern hux qiegħed fil-proċess jew ser jimbarka fuq proċess sabiex jirriforma r-reġim tal-‘fringe benefits tax framework’ u dana sabiex jiġi aċċertat li jkun hemm inċentivi effikaċi għal min jimpjega sabiex jagħti dawn it-tip ta’ benefiċċji lill-impjegati u ħaddiema tiegħu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan l-istadju, l-‘fringe benefits’ se jibqgħu jiġu mħaddma fuq l-istess framework li hemm bħalissa, imma ma neskludix li jittieħdu inkonsiderazzjoni suġġerimenti għal inċentivi oħra jew alternattivi, sabiex dan il-framework jitjieb jew jkun aktar effikaċi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inċentivi hemm bħalissa fl-istruttura tal-Korp tal-Pulizija sabiex wieħed jew waħda jilħaq internament fil-grad ta’ Spettur fl-istrutturi tal-istess Korp?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-aħħar snin mhux biss issaħħaħ ir-reklutaġġ i¿da qed titħaddem ukoll il-prassi ta’ reklutaġġ kontinwu ta’ spetturi ġodda fil-Korp tal-Pulizija kif indikat f’mistoqsija Parlamentari 20380. L-ispetturi mill-2015 sal-lum żdiedu b’154, meta kkumparat ma ebda żieda bejn l-2008 u l-2010. Illum il-ħaddiema tal-Korp mhux biss għandhom in-service training biex ikunu mħarrġa mill-Akkademja, li għandha korsijiet akkreditati, tul il-karriera Polizjeska iżda permezz tal-Continous Professional Development u anke ftehimiet ma’ istituzzjonijiet edukattivi bħall-Universita ta’ Malta għandhom ukoll l-opportunita li jitħarrġu u jipprogressaw fil-karriera tagħhom. Dan kollu jingħaqad ma’ kundizzjonijiet aqwa li qed tagħmel din il-karriera aktar attraenti, filfatt, is-salarju ta’ Spettur jibda bi ta’ Skala ta' Salarju 8, wara sentejn (2) servizz f’dan il-grad, is-salarju jitla għal Skala 7, jekk tali uffiċjal jaqdi dmiru b’mod sodisfaċenti. Wara erba’ snin servizz fi grad ta’ Spettur fi Skala 7, dejjem jekk tali persuna tkun qdiet dmirha b’mod sodisfaċenti, din tiġi promossa għal grad ta’ Spettur Anzjan fi Skala 6. F’kull skala jkun hemm iż-żidiet marbuta mal-istess skala. Dan barra milli Spettur jibbenefika minn performance bonus annwali ta’ 10% fuq is-salarju bażiku u jgawdi wkoll minn disturbance allowance skont il-ħin addizzjonali li jkun għamel, kull tlett xhur. Bħal uffiċjali oħra fil-Korp, Spettur jirċievi wkoll il-Police Force Allowance, l-Active Duty Allowance, allowance għal użu tal-vettura personali għal skopijiet ta’ xogħol u allowance għal u¿u ta’ apparat personali.
Sabiex wieħed jilħaq Spettur fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kweżit ta’ esperjenza fil-Korp jew f’xi qasam relatat għall-istess?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-aħħar sejħa għal post fir-rank ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kienet kif indikat fid-dokumenti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.