Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilitajiet sportivi - Kummerċjalizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb ta’ tibdil dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi, kemm tibdil mil-lat leġiżlattiv u kemm mill-aspett ta’ regoli ta’ kif dawn għandhom jiġu żviluppati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament mhux ser ikun hemm tibdil.

Tribunal Speċjali tal-Ukrajna - Żviluppi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika jekk, mill-jum tal-iffirmar tal-ftehim ’il hawn, kienx hemm xi żviluppi dwar it-Tribunal Speċjali tal-Ukrajna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara sentejn ta’ ħidma fuq livell tekniku fi ħdan il-Core Group dwar it-Twaqqif tat-Tribunal Specjali dwar ir-Reat t’Aggressjoni fil-konfont tal-Ukrajna, fil-25 ta' Ġunju 2025, Malta, bħala Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, iffaċilitat l-iffirmar tal-qbil bilaterali bejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa Alain Berset dwar dan it-Tribunal (inkluż l-Istatut tiegħu). Dan l-iffirmar immarka t-tkomplija ta’ ħidma intensiva biex jiġi mwaqqaf it-Tribunal, inkluż in-negozjati għat-twaqqif tal-Enlarged Partial Agreement on the Management Committee of the Special Tribunal. Dan ser jipprovdi qafas għall-proċeduri tat-Tribunal, kif ukoll materji oħra amministrattivi, bħal kif ser jiġu definiti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji. Sakemm il-Ftehim jiġi ffinalizzat, Stati li huma interessati jissieħbu f’dan il-Ftehim qegħdin ilestu l-preparamenti interni tagħhom biex eventwalment jindikaw l-intenzjonijiet tagħhom li jipparteċipaw fi ħdan il-Ftehim. Malli l-Istati jindikaw din l-intenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri jkun jista' jiffinalizza xogħolu f’dan ir-rigward. Mill-aspett nazzjonali, Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem fis-sapport tagħha għat-twaqqif ta’ dan it-Tribunal. Ser nkomplu naħdmu bis-sħiħ għat-twaqqif tiegħu anka wara li tispiċċa l-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex inkomplu npoġġu l-ġustizzja kriminali internazzjonali fuq quddiem tal-aġenda, u naħdmu biex tiġi żgurata r-responsabbiltà għad-delitti mwettqa hemmhekk.

Tourism Police

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika jekk hemmx il-ħsieb li tiġi riattivata l-inizjattiva tat-Tourism Police li kien hemm proġett pilota dwaru fil-passat fl-interess tal-aħjar sigurtà tat-turist u tar-residenti tal-lokalitajiet partikolari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva tat-Tourism Police kienet inizjattiva tal-Fondazzjoni taz-Zoni Turistiċi li llum inbidlet f’Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taz-Zoni Turistiċi u li llum taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi. B’dan ma jfissirx li l-Ministeru u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu mhux jinteressaw ruħhom mis-suġġett, u huma nvoluti f’diversi inizjattivi mal-forzi differenti tal-infurzar, il-kumitati varji ta’ Town Centre Management li twaqqfu u anke Kunsilli Lokali.

Is-Sirja – Relazzjonijiet mal-Amministrazzjoni l-ġdida

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika x’inhi r-relazzjoni mal-aAmministrazzjoni ġdida fis-Sirja sal-lum il-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu tat-tranżizzjoni li għaddejja bħalissa fis-Sirja, Malta qed taħdem biex terġa tibni rabtiet bilaterali mal-Awtoritajiet Sirjani, wara snin ta’ ffriżar fir-relazzjonijiet. Dan l-impenn qed jitwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab tagħna fl-UE, u jiddependi fuq l-iżviluppi fil-pajjiż, fejn is-sitwazzjoni għadha waħda volatili, b’rapporti ta’ vjolenza etnika u settarja, kif ukoll il-persistenza tat-theddid terroristiku. Biex tiġi stabbilita ħidma bilaterali effettiva, Malta ħatret Mibgħut Speċjali għas-Sirja, sabiex issaħħaħ il-kuntatti diplomatiċi u tiffaċilita l-isforzi ta’ koordinazzjoni ma’ diversi ‘ stakeholders ’ internazzjonali u reġjonali. Fuq livell multilaterali, Malta qed tfittex li tindirizza l-aktar bżonnijiet urġenti tal-poplu Sirjan, li jibqgħu preżenti minkejja l-bidla fl-amministrazzjoni. Il-popolazzjoni Sirjana qed tiffaċċja sfidi umanitarji serji. Servizzi essenzjali bħal kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sigurtà tal-ikel, għadhom nieqsa, u s-sitwazzjoni qed tiġi aggravata bi sfidi fiskali u ekonomiċi estensivi. Għal dan il-għan, Malta qed tikkoordina l-ħidma tagħha mas-sħab internazzjonali, fejn ikkommettejna s-somma ta’ €75,000 għal-għajnuna umanitarja għas-Sirja waqt id-Disa’ Konferenza ta’ Brussell dwar is-Sirja f’Marzu 2025.

Turisti - Nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika kemm kienet in-nefqa ras għal ras ta’ kull turist li ġie fil-gżejjer Maltin mis-sena 2013 ’il quddiem?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Din it-tabella turi n-nefqa totali ras għal ras ta’ kull turist li żar il-gżejjer Maltin mis-sena 2013 sas-sena 2024. In-nefqa ras għal ras ta’ kull turist żdiedet minn €910.4 fis-sena 2013 għal €923.6 fis-sena 2024. Ta’ min jinnota li f’dan il-perjodu żdiedu kemm in-numru ta’ turisti kif ukoll in-numru ta’ ljieli, iżda l-medja ta’ ljieli li kull turist iqatta’ fil-gżejjer Maltin niżlet minn 8.1 għal 6.4, iġifieri naqset b’ 21 fil-mija. Dan ifisser li n-nefqa f’ kull lejl żdiedet b’mod aktar għoli. Skond l-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn Jannar u Lulju 2025, in-nefqa ras għal ras ta’ kull turist ammontat għal €912.0, żieda ta’ €54 meta mqabbla ma’ l-istess perjodu fis-sena 2024. Nefqa ras għal ras ta’ kull turist li ġie fil-gżejjer Maltin mis-sena 2013 sa Lulju 2025 Ewro Numru ta' turisti Numru ta' Iljieli ALOS 2013 910.4 1,582,153 12,890,263 8.1 2014 904.6 1,689,809 13,522,112 8.0 2015 919.1 1,783,366 14,151,599 7.9 2016 869.3 1,965,928 14,961,366 7.6 2017 856.2 2,273,837 16,509,141 7.3 2018 808.8 2,598,690 18,569,716 7.1 2019 806.6 2,753,239 19,338,860 7.0 2020 691.1 658,567 5,227,229 7.9 2021 899.4 968,136 8,389,545 8.7 2022 880.1 2,286,597 16,608,131 7.3 2023 897.2 2,981,476 20,289,051 6.8 2024 923.6 3,563,618 22,916,616 6.4 Jannar sa Lulju 2024 858.1 1,972,576 12,174,622 6.2 Jannar sa Lulju 2025 912.0 2,210,992 13,443,967 6.1 Source: NSO

MTA u l-Awtorità tal-Ippjanar - Permessi għall-bed stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jindika jekk attwalment hemmx koordinament bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-Awtorità tal-Ippjanar dwar permessi għall-bed-stock fil-qasam tal-ospitalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġett huwa meqjus ta’ mportanza speċjalment fl-isfond tal-istrateġija tat-turiżmu 2030, filwaqt li huwa wkoll magħruf li l-Ministeru qed jikkonsulta fuq diversi inizjattivi f’dan il-qasam. Infakkar ukoll li kull applikazzjoni għal akkomodazzjoni kollettiva trid l-ewwel tgħaddi mill -Awtorità Maltija għat-Turiżmu ( MTA) qabel ma tmur għand l- Awtorità tal-Ippjanar ( PA) sabiex tigi kkunsidrata.

Pajjiżi tal-Amerika Latina - Ftehim ta’ Estradizzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx  ħsieb li jkun hemm ftehim ta’ estradizzjoni ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina? Jekk iva, ma’ liema pajjiż/i?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern iżomm relazzjonijiet diplomatiċi u djalogu kontinwu ma’ diversi pajjiżi dwar diversi oqsma ta’ interess komuni. F’dan l-istadju, m’hemmx informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun provduta dwar dan is-suġġett.

Pajjiżi tal-Amerika Latina - Trattati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti rendikont tat-trattati li hemm ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha diversi trattati ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina. L-iktar trattati komuni li ġew iffirmati huma dawk li jistabbilixxu r-relazzjonijiet diplomatiċi. Fost il-pajjiżi fl-Amerika Latina li ġew iffirmati dawn it-tip ta’ trattati nsibu: Antigwa u Barbuda, l-Arġentina, il-Commonwealth tal-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċili, il-Kolombia, il-Kosta Rika, il-Kuba, il-Commonwealth tad-Dominika, ir-Repubblika Dominikana, l-El Salvador, l-Ekwador, il-Grenada, il-Gwatemala, il-Gujana, il-Honduras, il-Ġamajka, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, is-Surinam, l-Urugwaj u l-Venezwela. Barra minn hekk, Malta għandha trattati dwar il-Konsultazzjonijiet Bilaterali mal-Arġentina, maċ-Ċili, mal-Kuba, l-El Salvador u mal-Messiku. Fejn jidħlu suġġetti relatati ma’ taxxa, kwistjonijiet fiskali, inkluż dħul minn tfaddil ta’ taxxa, jew eviżjoni ta’ taxxa doppja, ġew iffirmati trattati mal-Aruba, il-Baħamas, il-Bermuda, il-Barbados u mal-Urugwaj. Fost trattati oħra insibu dawk li jirrigwardjaw l-eżenzjonijiet mill-viża għal detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u speċjali, li ġew iffirmati mal-Kosta Rika u mal-Perù. Nsibu wkoll Memorandum ta’ Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru li ġie iffirmat mal-Awtoritajiet Aeronawtiċi tal-Brażil, kif ukoll Protokoll relatat ma’ emenda għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li ġie iffirmat mal-Urugwaj. Fl-aħħar nett insibu wkoll Memoranda ta’ ftehim oħrajn li jinkludu: Kooperazzjoni Kulturali bejn Malta u l-Kolombja; Kooperazzjoni fit-Turiżmu mal-Kuba; Kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza medika u l-kura tas-saħħa mal-Kuba; u Kooperazzjoni fil-qasam tat-taħriġ diplomatiku mal-Messiku.

Kodiċi Ċivili - Kirjiet kummerċjali ‘protetti’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kirjiet kummerċjali ‘protetti’ li ser jintlaqtu minn dak dispost fl-artikolu 1531I tal-Kodiċi Ċivili u ċjoè li jintemmu fl-1 ta’ Ġunju, 2028? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-kirjiet is-sid tagħhom huwa l-Gvern ta’ Malta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Falliment ta’ bonds

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx in place jew hux qed jaħseb li jkun hemm mekkaniżmu li jaħseb għal meta tfalli bond u dan sabiex jiġi minimizzat l-effett negattiv fuq is-settur finanzjarju, ekonomiku u ċ-ċittadini b’mod ġenerali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MGA - Konsulenti legali esterni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema proċedura jintgħażlu l-konsulenti legali barranin tal-Malta Gaming Authority (MGA)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Awtorita tagħzel l-konsulenti legali barranin tagħha abbażi ta’ kompetenza, esperjenza u għarfien tas-suġġett li dwaru tkun qed tintalab konsulenza skond proċeduri stabiliti tul iż-żmien.

Qorti Ċivili - Sezzjoni marittima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jkun hemm sezzjoni ad hoc tal-Qorti Ċivili li tittratta biss affarijiet marittimi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi materji relatati mal-marittimu se jkunu jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kummerċjali u bħalissa hemm abbozz tal-Liġi li ġie mressaq quddiem il-Parlament li jipprovdi għat-twaqqif tal-Qorti tal-Kummerċ.

Qorti tal-Familja - Riforma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ fiex waslet ir-riforma tal-Qorti tal-Familja u jekk hemmx xi tibdil konkret li ser isir fiż-żmien li ġej f’dan ir-rigward?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, ġie analizzat il-feedback kollu li nġabar u minn hemm bdew id-diskussjonijiet sabiex ikun hemm tibdil leġiżlattiv, u jinħolqu l-istrutturi neċessarji sabiex tiġi implimentata r-riforma. Din l-ħidma wasslet sabiex bħalissa qed jiġi iffinalizzat abbozz ġdid li jindirizza l-problemi li din ir-riforma kien hemm bżonn li tindirizza, b’risponsabbilita’ lejn prinċipji legali tas-saltna tad-dritt, drittijiet u responsabbiltajiet, l-awtorita’ tal-qrati, u fuq kollox, l’aħjar interess tat-tfal.L-abbozz tal-liġi li ser ikun qed jiġi ppreżentat iktar tard fis-sena ser inhiedi process ta’ implimentazzjoni sabiex b’hekk il-qafas legali, l-politika (policy) u l-prattika jiġu allinjati. Dan qed isir sabiex insaħħu l-Qorti tal-Familja, bi professjonisti speċjalizżżati u b’servizz immirat li jassisti lil kull min ikun għaddej minn proċessi fi ħdan din l-Qorti.

Prokuri - Reġistru

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24954, jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-istudji u r-reviżjonijiet li qed isiru, irriżultax li għandu jibda proċess sabiex ikun hemm reġistru li fih tkun reġistrata kull prokura li tingħata hawn Malta jew anke barra minn Malta sabiex ikollha effikaċja legali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) - Kawżi maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) minn meta twaqqfet din is-sezzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ kawżi li nqatgħu quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) mill-2024 sad-19 ta’ Settembru 2025, kien ta 72 fl-2024 u 84 fl-2025

Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) - Kawżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu kawżi quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) minn meta twaqqfet din is-sezzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kawżi quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Kummerċjali) mill-2024 sad-19 ta’ Settembru 2025, daħlu 122 fl-2024 u 82 fl-2025

Kodiċi Ċivili - Kirjiet kummerċjali ‘protetti’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kirjiet kummerċjali ‘protetti’ li ser jintlaqtu minn dak dispost fl-artikolu 1531I tal-Kodiċi Ċivili u ċjoè li jintemmu fl-1 ta’ Ġunju, 2028? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-kirjiet is-sid tagħhom huwa l-Gvern ta’ Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma tinżammx din l-istatistika.

Falliment ta’ bonds

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx in place jew hux qed jaħseb li jkun hemm mekkaniżmu li jaħseb għal meta tfalli bond u dan sabiex jiġi minimizzat l-effett negattiv fuq is-settur finanzjarju, ekonomiku u ċ-ċittadini b’mod ġenerali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) tirrikjedi u tħeġġeġ trasparenza fis-suq, fejn kumpaniji b’securities mqegħdin fuq Suq Regolat huma mitluba jinfurmaw is-suq dwar kwalunkwe diffikultà finanzjarja li qed jiffaċċjaw u dwar kwalunkwe miżuri rimedjali li qed jieħdu biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ default u/jew it-telf għall-investituri. Kumpaniji mqegħdin fuq is-suq huma mitluba li jkollhom post fuq il-websajt tagħhom iddedikat, fejn id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu faċilment disponibbli sabiex l-investituri jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament magħhom. Din it-trasparenza tgħin biex jiġu evitati informazzjoni żbaljata u paniku fis-suq. F’każijiet bħal dawn, l-MFSA tiżgura li l-kumpaniji mqegħdin fuq is-suq qed jissodisfaw il- ‘provisions’ fil-prospett, li jiddettaljaw l-Avvenimenti ta’ Default u d-drittijiet tal-bondholders. Meta hemm xi tip ta' security taghmel tajjeb ghal bonds, l-MFSA tiżgura li s-Security Trustee (li normalment huma entitajiet regolati mill-istess Awtorità) qed jissodisfa d-dmirijiet tiegħu skont is-Security Trust Deed. Huwa importanti li wieħed jinnota li d-defaults fis-swieq tal-kapital huma parti mir-riskju ġenerali li l-investituri jaċċettaw meta jinvestu f’bonds.