Legislature:
Category:
Reset
Active:

Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir bl-‘asphalt’ u skont is-sengħa u l-arti li tirrikjedi l-liġi fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq, it-Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar hija waħda mit-toroq li ġiet proposta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokkat skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.

Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Permessi għal cranes

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar permess jew permessi li hemm sabiex persuni jew kumpaniji joperaw bi crane fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru u jekk huwa l-każ, jgħid jekk hemmx terminu meta dan l-istess xogħol għandu jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Esportaturi Maltin tal-patata - Skema biex jingħataw titolu validu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentarI 31181, u jgħid jekk fil-qasam tal-esportaturi Maltin tal-patata li ilhom joperaw minn ‘sheds’ f’Ta’ Qali għal għexieren ta’ snin, l-Awtorità tal-Artijiet hijiex fi proċess li toħroġ skema jew xort’oħra sabiex dawn jingħataw titolu validu fil-liġi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi għalkemm ma hemm l-ebda skema partikolari għal esportaturi tal-patata,  l-Awotrità tal-Artijiet qiegħda tevalwa tliet applikazzjonijiet sottomessi minn esportaturi tal-patata sabiex jiksbu titolu fuq imħazen sabiex jissalvagwardjaw il-futur ta’ l-attivita` tagħhom.

Vittmi ta’ inġustizzji - Fond speċifiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentaru 31180 u jgħid jekk hemmx xi fond speċifiku għall-vittmi ta’ inġustizzji sia politiċi u sia ta’ xort’oħra, liema vittmi jkunu wkoll fl-impossibbilità fattwali, legali jew xort’oħra li jiġbru danni mill-persuna jew persuni li jkunu ikkaġunawlhom tali danni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Public Liability Insurances/Professional Indemnity Insurances - Vittmi li jsofru danni  kawża ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-rigward ta’ Public Liability Insurances jew Professional Indemnity Insurances inġenerali, għandux intenzjoni jew hux qed jaħdem attwalment fuq qafas leġislattiv dwar vittmi li jsofru danni kawża ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet oħra, jew f’każ ta’ terzi li jfittxu professjonisti in konnessjoni max-xogħol tagħhom b’mod li t-terzi jkunu jistgħu jinnegozjaw jew eventwalment jipproċedu direttament kontra l-assikurazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Assikurazzjonijiet - Impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol - Dritt ta’ ‘direct action’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir fuq qafas leġislattiv ġdid jew jekk hux opportun li jiddaħlu emendi dwar il-possibiltà li jiġi introdott b’mod ċar id-dritt ta’ ‘direct action’ favur l-impjegati u l-ħaddiema tagħna, direttament kontra l-assikurazzjonijiet li jipprovdu kopertura lill-‘employers’ fir-rigward ta’ ‘claims’ għal danni jew ġrieħi minn impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol, simili għal dak li hu provdut fl-Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur għar-Riskji ta’ Terzi Persuni, Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod li min iweġġa’ jkun jista’ jinnegozja jew eventwalment jipproċedi direttament kontra l-kumpanija tal-assikurazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Settur tal-ġustizzja - Intelliġenza Artifiċjali - Inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont b’mod konċiż, (jekk huwa l-każ) x’inizjattivi qegħdin jittieħdu biex l-iżviluppi mgħaġġla u pożittivi li qegħdin isiru fl-Intelliġenza Artifiċjali jiġu applikati għas-settur tal-ġustizzja u jelenka wkoll x’vantaġġi hemm minn tali applikazzjoni għal dan is-settur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Swatar, Birkirkara - Triq Maestro Giuseppe Busuttil - Permessi għal cranes

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar permess jew permessi li hemm sabiex persuni jew kumpaniji joperaw bi crane fi Triq Maestro Giuseppe Busuttil, is-Swatar, f’Birkirkara, minn entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru u jekk huwa l-każ, jgħid jekk hemmx terminu meta dan l-istess xogħol għandu jitlesta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-aħħar aġġornament li rċievejna, il-crane nkwistjoni ġie re-allokat ġewwa plot vojta.  Dan għadu kemm tressaq f’din il-plot u f’dan l-istadju qiegħed jiġi ċ-ċertifikat mill-Inġinier qabel ma jibda joppera, u dan sabiex ikun konformi mar-regolamenti. Preċedentament għal din ir-rilokazzjoni tal-crane, kien hemm il-clearance meħtieġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Dan filwaqt li l-uffiċċjali tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-xogħol wara spezzjoni kienu kkonfermaw ukoll li l-crane kien kopert biċ-ċertifikati kollha.

Reklamazzjoni tal-art - Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li fil-futur qarib joħroġ bi proġetti konkreti għar-reklamazzjoni tal-art (land reclamation)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej studju fuq diversi siti sabiex jigu identifikati tali proġetti.

Esportaturi Maltin tal-patata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet hijiex fi proċess li toħroġ skema jew xort’oħra sabiex l-esportaturi Maltin tal-patata li ilhom joperaw minn ‘sheds’ f’Ta’ Qali għal għexieren ta’ snin, jingħataw titolu validu tal-art?

Response (BONNICI, OWEN)

-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Vittmi ta’ inġustizzji - Fond speċifiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi fond speċifiku għall-vittmi ta’ inġustizzji sia politiċi u sia ta’ xorta oħra, liema vittmi wkoll ikunu fl-impossibbilità fattwali, legali jew xorta oħra li jiġbru danni mill-persuna jew persuni li jkunu ikkaġunawlhom tali danni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Dritt ta’ ‘direct action’ - Diskussjonijiet leġislattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi diskussjonijiet leġislattivi dwar il-possibiltà li jiġi introdott b’mod ċar id-dritt ta’ ‘direct action’ favur l-impjegati u l-ħaddiema, direttament kontra l-assikurazzjonijiet li jipprovdu kopertura lill-‘employers’ fir-rigward ta’ ‘claims’ għal danni jew ġrieħi minn impjegati li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol simili għal dak li hu provdut fl-Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur għar-Riskji ta’ Terzi Persuni Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’mod li min iweġġa’ jkun jista’ jinnegozja jew eventwalment jipproċedi direttament kontra l-kumpanija tal-assikurazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-aħħar sena u nofs saret riforma importanti tal-qafas leġiżlattiv li jirregola s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li pajjiżna jkompli joffri ambjent tax-xogħol aktar sigur. Konsistentement mal-introduzzjoni ta’ din il-liġi l-ġdida, komplejna nassiguraw li dan il-qafas leġiżlattiv jiġi implimentat bl-aqwa mod possibbli. Fl-istess ħin, nibqgħu impenjati li nkomplu nistudjaw u niddiskutu żviluppi legali ulterjuri li jistgħu jsaħħu dan il-qafas, sabiex inkomplu nipprovdu rimedju effettiv u konkret lill-ħaddiema tagħna.

Fond ‘Compensations by Government to Victims of Crime’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi fond stabbilit imsemmi ‘Compensations by Government to Victims of Crime’, liema kunċett issemma inter alia fis-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk tali fond jeżisti, kif jopera, u kif jista’ vittma japplika sabiex jirċievi fondi minn fond bħal dan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.

Ordnijiet ta’ Rekwiżizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm baqa’ fondi f’Malta u Għawdex milquta b’Ordni ta’ Rekwiżizzjoni u jekk hemmx ‘policy’ min-naħa tal-Gvern sabiex anke f’dawn il-każijiet tinħareġ l-apposita Ordni ta’ Rekwiżizzjoni? Jekk hemm raġunijiet speċifiċi, jista’ jgħid għalfejn dawn l-Ordnijiet ta’ Rekwiżizzjoni baqgħu fis-seħħ?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għad fadal 120 proprjetà li huma milquta b’Ordni ta’ Rekwiżizzjoni fejn ir-raġuni speċifika għalfejn dawn l-Ordnijiet ta’ Rekwiżizzjoni baqgħu fis-seħħ hija għax mhumiex rikonoxxuti bħala nkwilini mis-sidien u għaldaqstant jiddepożitaw il-kera l-Qorti jew l-Awtorità tad-Djar. Ir-rekwiżizzjoni tiġi rilaxxata hekk kif ikunu milqugħa l-kundizzjonijiet meħtieġa, kif dejjem kienet il-prattika.

Property Market Value Index

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħejja l-Indiċi tal-Valur Kummerċjali tal-Proprjetà (Property Market Value Index) ikkontemplat fl-Art. 1531D tal-Kodiċi Ċivili li daħal fis-seħħ skont l-Att Numru X tas-sena 2009?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra.

Sena finanzjarja tal-Gvern 2025 - Spiża għall-kultura

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’kienet l-ispiża għall-kultura għas-sena finanzjarja tal-Gvern 2025 u kemm tiġi bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Risposta għall-mistoqsija dwar x’kienet l-ispiża attwali għall-kultura għas-sena finanzjarja tal-Gvern 2025 tkun tista tingħata meta tkun għalqet l-istess sena finanzjarja.

Kirjiet kummerċjali ‘protetti’

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hawn kirjiet kummerċjali ‘protetti’ li ser jintlaqtu minn dak dispost fl-Art. 1531I tal-Kodiċi Ċivili u ċjoè li jintemmu fl-1 ta’ Ġunju, 2028?  Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-kirjiet, is-sid huwa l-Gvern ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kirjiet huwa 2750. Kull minn għandu waħda minn dawn il kirjiet għandu d-dritt illi jitlob illi jingħata konċessjoni enfitewtika ta’ 50 sena skont l-Avviz Legali 131 ta’ 2024 kif emendat bl-Avviz Legali 58 ta’ 2025.

Unjoni Ewropea - Nefqa fuq id-difiża - Impatt fuq Fondi ta’ koeżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi impatt fuq fondi ta’ koeżjoni minħabba nefqa akbar daparti tal-Unjoni Ewropea fuq id-difiża tagħha?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nixtieq nassigura lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fl-infiq fuq livell Ewropew fuq il-kwistjonijiet tad-difiża ma kellhiex, u mhux se jkollha, ebda effett fuq il-fondi ta’ koeżjoni li huma allokati għal Malta taħt il-baġit tal-UE għall-perjodu 2021–2027. L-allokazzjonijiet ta’ pajjiżna huma mħarsa u se jibqgħu mħarsa.

Fondi kummerċjali - Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-kerrejja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi fondi tal-Unjoni Ewropea li jingħataw lill-kerrejja ta’ fondi kummerċjali li f’xi mument jitilfu l-protezzjoni lokatizja tagħhom? Jekk hemm, jista’ jgħid fiex jikkonsistu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-pakkett preżenti għas-snin 2021-2027 m’hemmx fondi li jkopru dan l-aspett.