Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spezzjonijiet biex jiġi aċċertat li ma ssirx attività illegali

Question

Dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (a) li jittratta skavar ta’ ġibjun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u dwar il-permess li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c) li jawtorizza diagnostic service & electrical repairs only, hekk kif ġie rilevat diversi drabi minn sidien li jgħixu fiż-żona, anke permezz ta’ ittri legali mibgħuta għan-nom tagħhom, saret u għadha ssir attività relatata ma’ dik ta’ mechanic li m’għandha x’taqsam xejn mal-permess indikat. Dan ifisser li skont l-istess ġirien qiegħed isir xogħol mekkaniku (mhux elettroniku) fuq bażi regolari, ġeneralment wara nofsinhar, fejn numru ta’ karozzi jitħallew għand sid il-garage sabiex jissewwew, ħafna drabi bil-bieb magħluq fejn isir ħafna storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dan ir-rigward min-naħa tal-MEPA in kwantu spezzjonijiet sabiex jiġi aċċertat li ebda attività illegali ma qiegħda ssir fl-imsemmi fond? Kemm–il spezzjoni saret? Meta u x’ħin saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Ħal Lija – studju dwar it-traffiku fil-village core

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta qattx wettqet studju dwar it-traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija? Jekk sar tali studju, jista’ l-Ministru jqiegħed dan l-istess studju fuq il-Mejda tal-Kamra, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet li saru, jekk dan hu l-każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta m’għandha l-ebda studju dwar traffiku fil-village core ta’ Ħal Lija.

Birkirkara – kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’hemm ippjanat bħala kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ toroq għal-lokalità ta’ Birkirkara għas-sentejn li ġejjin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni ta’ toroq għall-lokalità ta’ Birkirkara għas-sentejn li ġejjin, Transport Malta għandha lista ta' toroq ta’ prijorita’ li bħala dettalji jiġu mħabbra aktar il-quddiem.

Attività llegali – każ ta’ individwi

Question

B’referenza għad-diversi kwereli mressqa mill-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fir-rigward ta’ allegat attività llegali kondotta fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u ċjoè ta’ xogħlijiet mekkaniċi li m’hemmx permess għalihom, kemm–il darba saru spezzjonijiet fl-imsemmi ndirizz wara li jsiru l-kwereli u wara kemm damu sabiex saru l-ispezzjonijiet? Kemm-il kwerela saret mill-istess individwi li fuqha ma sar l-ebda prosegwiment? Jista’ l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li ħafna drabi wara li saret kwerela minn dawn l-individwi ma saret l-ebda spezzjoni? Jista’jgħid jekk irriżultalux illi l-kwerelanti pprovdew lill-Għassa ta’ Birkirkara lista ta’ vetturi li ddaħħlu għal tiswijiet mekkaniċi sabiex il-Pulizija tkun tista’ tikkonferma mas-sidien x’tip ta’ xogħol sar? Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx tali investigazzjoni fuq l-informazzjoni provduta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Birkirkara – ftuħ ta’ dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux pjanijiet li tinfetaħ Dar tal-Anzjani ġewwa Birkirkara? Jekk għandu, jista’ jagħti dettalji dwarha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa fil-pjanijiet tal-Ministeru li f'din il-lokalita` numeruża, tinfetaħ Dar tal-Anzjani. Qed isiru l-arranġamenti kollha neċessarji, ħalli fix-xhur illi ġejjin ikun jista' jibda jsir ix-xogħol mal-privat għal dan il-proġett. Aktar informazzjoni tingħata aktar l-quddiem.