To ask the Minister how many patients were diagnosed with Creutzfeldt-Jacob disease in the past five years, divided year by year?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta’ pazjenti li daħlu l-isptar u kellhom dijanjosi ta’ Creutzfeldt-Jakob Disease (CJD) hu kif ġej: fl-2019 kien hemm 3; fl-2020 ma kien hemm ħadd; fl-2021 kien hemm pazjent wieħed; fl-2022 kien hemm 2 u fl-2023 kien hemm 3.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħol li sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-World Travel Market f'Londra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta permezz tax-xogħol importanti li tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet impenjata fuq numru ta' jiem f'waħda mill-akbar fieri internazzjonali tat-turiżmu madwar id-dinja, il-World Travel Market.
B'sodisfazzjon ninnotaw ir-rispons pożittiv li kellna minn numru ta' aġenti tal-ivvjaġġar kif ukoll linji nazzjonali tal-ajru fejn dawn urew l-impenn tagħhom li jsaħħu l-konnessjoni tagħhom mal-Gżejjer Maltin.
Matul il-World Travel Market kellna wkoll l-opportunita li nitkellmu ma' ġurnalisti Ingliżi permezz tar-radjo u t-televiżjoni fejn spegajna fid-dettall kif Malta qegħda taġġorna l-prodott turisitku tagħha.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-gallarija tal-Belvedere f'San Pawl il-Baħar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-Gallarija tal-Belvedere ta’ San Pawl il-Baħar bdew. Bħalissa beda jinqala’ l-materjal minn sezzjoni tal-gallarija sabiex tkun tista’ tibda l-manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Għadira?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-promenade u t-triq tal-Għadira bdew f’Ottubru u bħalissa qed isiru xogħlijiet relatati ma’ servizzi. Dan il-proġett qed isir flimkien ma’ Infrastructure Malta.
Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa
Question
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pjazza tal-Mellieħa bħalissa qed isir culvert biex ikunu jistgħu jitpoġġew is-servizzi neċessarji. Dan qed isir taħt monitoraġġ kostanti tal-arkeoloġisti u Sovritendenza tal-Wirt Kulturali.
Dan il-proġett qed isir flimkien ma’ Infrastructure Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiftaħ l-operat tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-Polonja?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Polonja huwa wieħed mis-swieq li diġa’ qed iġib riżultati aħjar mill-2019. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena ġew Malta 105,040 turist mill-Polonja – jiġifieri kważi ħamsa u għoxrin elf aktar turist mill-istess perjodu fl-2019. L-uffiċju tal-Awtorità Maltja għat-Turiżmu fil-Polonja ser jibda jopera mill-bidu ta' Diċembru ta' din is-sena.
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar kif sejjer l-irkupru tas-Settur Turistiku f’pajjiżna, issa li ninsabu f’Ottubru?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li din is-sena jkunu ġew f’pajjiżna aktar minn żewġ miljun turist, u li allura juri li l-irkupru miexi sew.
Barra minn hekk, l-airline seat capacity ukoll reġgħet bdiet tielgħa u dan minkejja l-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw bosta linji tal-ajru kif ukoll bosta ajruporti madwar l-Ewropa. L-airline seat capacity, minn u lejn pajjiżi bħall-Polonja, Franza, Ungerija, Rumanija, Kroazja u Bulgarija, bħalissa hija ogħla minn dik irreġistrata qabel il-pandemija. Pajjiżi oħra bħall-Italja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Isvizzera qegħdin paripassu ma’ dak li kien irreġistrat qabel il-pandemija.
Meta wieħed imbagħad jara s-source markets individwali, naraw figuri inkoraġġanti b’ċertu pajjiżi bħall-Awstrija, Franza u l-Polonja diġà qabżu l-livell ta’ turisti li ġew fl-2019. Mill-Awstrija din is-sena ġew 101% aktar turisti mill-2019, minn Franza ġew 106% aktar u mill-Polonja ġew 131% aktar.
L-andament għax-xitwa li ġejja jidher wieħed pożittiv fejn l-aħħar statistika disponibbli turi li l-airline seat capacity qiegħda 89% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Jista’ l-Ministru jgħid b'liema mod qiegħed jiġi assigurat li verament nattiraw turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, is-settur turistiku f’Malta wera sinjali qawwija ta’ rkupru wara s-sentejn ta’ sfidi li kienu kkaraterizzati minn restrizzjonijiet kbar fil-qasam tal-ivvjaġġar.
Minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti li ġew Malta laħaq il-1.756 miljun turist li huwa ekwivalenti għal 82% tal-volum li kien ġie milħuq fis-sena rekord tal-2019. Dawn it-turisti iġġeneraw 12.7 miljun iljieli u nefqa ta’ 1.5 biljun ewro li hija kważi 86% tan-nefqa matul l-2019. Is-sinifikat ta’ dawn ir-riżultati huwa akbar meta tqis li l-ewwel kwart ta’ din is-sena l-industrija kellha bidu diffiċli minħabba l-imxija tal-varjant Omicron.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw multi lill-akkomodazzjonijiet liċenzjati fil-perjodu tas-sajf, u jgħid għal liema raġunijiet ingħataw dawn l-istess multi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sajf instabu 20 appartament li kienu qegħdin jinkrew għal skop ta’ turiżmu u joperaw mingħajr liċenzja. Ittieħdet azzjonijiet fil-forma ta’ multi amministrattivi fil-konfront ta’ 18 minnhom, filwaqt li t-tnejn l-oħra għadhom taħt investigazzjoni. L-operaturi ġew imwissija biex jirregolarizzaw ruħhom mal-liġi billi japplikaw għal liċenzja, jew inkella jieqfu joperaw fil-qasam turistiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux akkomodazzjonijiet li ma kinux liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? Jekk iva, kemm kien hemm, u jekk dawn ġewx konformi u liċenzjati mal-liġi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4062, ninfurmah li mill-20 każ li nqabdu, 14 minnhom irregolarizzaw ruħhom billi applikaw għal-liċenzja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex tittieħed id-deċiżjoni li jitħabbar proġett pilota ta’ assistenza fis-servizzi ta’ knis ta’ toroq lil diversi kunsilli lokali? Hemm xi talbiet oħrajn minn kunsilli lokali oħra sabiex jissieħbu f’dan il-proġett?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ammont ta’ Kunsilli Lokali osservaw li tul dawn l-aħħar snin is-servizz ta’ knis ta’ toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet, ma kienx qed isir kif mixtieq u bi frekwenzi li jikkumplimentaw mad-domanda. Dan kellu impatt kbir kemm fuq ir-residenti kif ukoll fuq it-turisti li jżuru pajjiżna.
Dawn il-Kunsilli Lokali, minn rajhom talbu l-assistenza tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni biex isir proġett pilota fejn id-Diviżjoni tassisti biex jiġu stabbiliti standards fl-indafa li jirriflettu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet. Huwa ppjanat li kif dan il-proġett pilota jilħaq il-miri tiegħu, id-Diviżjoni tibda’ tenfasizza fuq servizzi oħra ta’ tindif fosthom il-ħasil ta’ toroq aktar frekwenti, manutenzjoni ta’ ġonna u servizzi oħra. Ċertament m’hemm l-ebda ħsieb li jittieħed ix-xogħol ta’ kuntratturi li wettqu xogħolhom, però fejn ix-xogħol ma sarx kif suppost u kif mixtieq, id-Diviżjoni lesta li tintervjeni, dejjem bi ftehim mal-Kunsill Lokali.
Il-proġett pilota, li qed isir ma’ 5 Kunsilli Lokali (Birżebbuġa, Marsaxlokk, Żurrieq, Birkirkara u l-Belt Valletta), jidher li intlaqa’ tajjeb. Wara sitt xhur ta’ prova se tiġi evalwata s-sitwazzjoni biex b’hekk naraw inkunux f’pożizzjoni li noffru l-istess għajnuna lil Kunsilli Lokali oħra li qed juru x-xewqa li jiġu mgħejuna mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Fid-dawl tat-tnedija tal-Osservatorju Malti għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-funzjoni ta’ dan l-Osservatorju?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tnedija tal-Osservatorju Malti għat-Turiżmu kien pass essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Settur Turistiku għall-għaxar snin li ġejjin. It-tnedija ta’ dan l-Osservatorju huwa fattur importanti ħafna fl-eżekuzzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tat-Turiżmu li nemmnu li se tikkontribwixxi b’mod qawwi lejn turiżmu ta’ kwalità u sostenibbiltà.
Dan l-Osservatorju, li qed jopera fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, għandu l-inkarigu li jikkoordina t-twettiq ta’ din l-istrateġija permezz ta’ konsultazzjoni u diskussjoni ħolistika mal-industrija tat-turiżmu. L-Osservatorju hu inkarigat li jikkummissjona studji, jimmonitorja l-progress u jirrapporta lura lill-Industrija tat-Turiżmu permezz ta’ website apposta li se tiġi imnedija fi ftit ġimgħat oħra. B’hekk ikun qed iwitti t-triq għall-pedament sod ta’ kollaborazzjoni aktar wiesgħa u benchmarking ma’ organizzazzjonijiet simili madwar id-dinja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nursing staff li jaħdem ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule (SVPR)? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn in-nurses huma barranin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox hemm 428 persuna fi gradi ta’ nursing fir-residenza San Vinċenz de Paul. Minn dawn, 57 huma barranin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Informazzjoni dwar inmates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li huma reċidivi bħalissa? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom li qed jieħdu kura għas-saħħa mentali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm minnhom li huma diagnosed bi problemi psikosoċjali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-preżent, minn 603 priġunier, 206 minnhom huma riċedivi. Bħalissa, 402 priġunier qed jirċievu għajnuna mentali minn psikologi, psikjatri jew tobba. Il-persuni (inmates) kollha li jidħlu fl-ASK ikollhom problemi ta’ natura psikosoċjali. Dawn primarjament huma problemi fl-aspetti
tal-konjizzjonijiet, fl-attitudni, il-qagħda soċjali u dik familjari.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Informazzjoni dwar inmates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa u jgħid:
i. kemm minnhom huma Maltin;
ii. kemm minnhom huma barranin;
iii. kemm hemm nisa; u
iv. kemm minnhom qed jiskontaw sentenza relatata mad-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-ammont totali ta’ priġunieri sat-13 ta’ Mejju, 2022 huwa ta’ 603, li huma mqassmin hekk:
· 323 priġuniera huma Maltin
· 280 priġuniera huma barranin
· 60 priġuniera huma nisa u 543 huma rġiel
· 126 priġuniera qed jiskontaw sentenza relatata mad-droga
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Inmates li qed jirċievu kura medika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (inmates) fil-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bħalissa qed jieħdu kura medika minħabba kundizzjonijiet kroniċi mediċi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-preżent fil-faċilitajiet tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, 389 priġunier qed jieħdu mediċini għal mard kroniku. Dan il-mard kroniku jikkonsisti minn Hepatitis B, Hepatitis C, HIV, asthma, chronic obstructive pulmonary disease, mard dipressiv, ansjetà, skizzofrenija, pressjoni, diabete u hypercholesterolaemia.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm LSEs li huma impjegati mal-Ministeru għall-Edukazzjoni? Jista jgħid kemm hemm tfal “statemented” li għandhom bżonn ta’ LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm għandna tfal diagnosed b’Autism Spectrum Disorder li qed jirċievu edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm impjegati elfejn, seba’ mija, erbgħa u tmenin (2784) Learning Support Educator.
Studenti statemented hemm tlett elef, tmien mija u erbgħa u sittin (3864) u dawn kollha għandhom is-sapport ta’ Learning Support Educator.
Studenti bl-awtiżmu jammontaw għal elf, mitejn u sitta u disgħin (1296) fl-iskejjel primarji u sekondarji.
Fil-prezent ukoll, l-Università ta’ Malta għandha erbatax-il student (14) li għandhom l-awtizmu u li dawn l-istess studenti qegħdin jiggwadanjaw minn arranġament għal aċċess minħabba l-bzonn tagħhom.
Households/kumpaniji privati li għandhom pannelli solari
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn households u kumpaniji privati li jagħmlu użu minn pannelli solari? Tista’ tgħid kemm hu l-voltaġġ iġġenerat minn dawn il-pannelli? Tista’ tgħid ukoll x’inhu l-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn dawn il-pannelli bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li sa l-aħħar tas-sena 2021 il-kapaċita’ totali ta’ enerġija iġġenerata mill-pannelli tax-xemx qabżet il-205MW. In-numru ta’ households li jagħmlu użu minn pannelli solari laħaq il- 28,652 u b’kapaċita totali ta’ 94MW u filwaqt li n-numru ta’ sistemi ta’ pannelli installati fis-setturi l-oħra laħaq l-1,970 u b’kapaċita totali ta’ 111.5MW. Il-persentaġġ ta’ enerġija prodotta minn pannelli solari bħala parti mill-konsum totali ta’ enerġija elettrika, skont l-aħħar ċifri uffiċjali li jirreferu għas-sena 2020, laħaq id-9.5% li huwa parti mil-persentaġġ totali ta’ 10.71% iġġenerata minn enerġija renovabbli.