Peress li t-triq mix-Xemxija sas-Selmun hija kollha karreġġjata waħda u toroq alternattivi m’hemmx, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu sabiex it-traffiku f’din iż-żona jkun wieħed mexxej u x’miżuri hemm ppjanati f’każ ta’ inċidenti li jaqgħu f’din it-triq u minħabba anke l-aċċess għall-vetturi tal-Protezzjoni Ċivili u Ambulanzi?
Response (BORG, IAN)
Ninnota li minn daqs dawk toroq f’Malta, l-Onorevoli Thake għażel it-Telgħa ta’ Selmun bħala triq li skont kif qed jimplika, jeħtieġ titwessa. Filwaqt li l-Oppożizzjoni kemm-il darba tkellmet kontra proġetti ta’ twessigħ ta’ toroq, jidher l-Onorevoli Thake qed jindika li jaqbel li din it-triq titwessa’, minkejja li żgur jaf li din it-triq tinsab f’żona ambjentalment sensittiva mmens, bi fdalijiet arkeoloġiċi importanti ferm mal-ġnub tagħha, kif ukoll uħud mill-eqdem siġar indiġeni f’pajjiżna. Minħabba s-sensittività ta’ dan is-sit, il-Gvern qed ifittex soluzzjonijiet oħra, u mhux twessigħ, għal din it-triq.
Tajjeb li l-Onor. Thake ikun jaf ukoll li hemm żewġ toroq sekondarji oħra li jservu bħala alternattivi għar-rotta indikata. Mhux veru li m’hemmx alternattiva għaliha.
Fil-fatt, il-Gvern qed jaħdem biex ifassal pjan fit-tul li jtejjeb l-aċċessibilità ta’ din ir-rotta ewlenija lejn it-tramuntana ta’ Malta permezz ta’ diversi miżuri, fosthom titjib tas-sigurezza tat-toroq alternattivi mingħajr ma jinħloq impatt negattiv fuq l-ambjent naturali u rurali madwarhom, bħal ma’ hija t-triq bejn il-Manikata u l-Mellieħa.Proġett importanti ferm f’dan ir-rigward huwa l-mina bejn Malta u Għawdex, li ser tnaqqas ħafna mill-ħtieġa tar-rotta bejn ix-Xemxija u Selmun għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn u lejn Għawdex. Dan hekk kif il-mina hekk kif proposta mill-Gvern ser tkun qed tgħaddi minn taħt din r-rotta u tiżbokka fl-inħawi tax-Xemxija direttament. L-istudji, tħejjijiet ta’ ppjanar u proċessi oħra meħtieġa biex jitwettaq dan il-proġett jinsabu għaddejjin ġmielhom.
It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Infrastructure Malta, l-aġenzija li twaqqfet inqas minn sentejn ilu biex twettaq il-pjan tal-Gvern għal infrastruttura aħjar, bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna, bħal m’huma l-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Reġjonali, l-Imsida ta’ Triq tal-Balal, bejn San Ġwann u n-Naxxar, Triq il-Buqana, l-Imtarfa u Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, kif ukoll bi proġetti multi-miljunarji oħra bħall-Marsa Junction Project u Central Link Project. Din il-ħidma se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.