Parks Nazzjonali – pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja u l-parks nazzjonali biex dawn jitgawdew aktar mis-soċjetà?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru permezz ta’ Ambjent Malta qiegħed jimplimenta numru ta’ proġetti ambjentali li kienu ppjanati u identifikati fil-management plans tas-siti Natura 2000 u siti oħra simili fil-kampanja. Pjanijiet bħal ma huma tisħieħ fil-biodiversità tagħna billi jitneħħew siġar u pjanti aljeni li jagħmlu impatt fuq speċi indiġena qed ikunu mneħħija u minflokhom jitħawwlu speċi indiġena. Dawn l-interventi saru ġewwa l-Aħrax tal-Mellieħa, Gżejjer ta’ San Pawl, Buskett, Għadira s-Safra u l-inħawi tal-madwar. Il-pjanijiet huwa li jitkompla dan ix-xogħol u jitwaħħlu numru ta’ sinjali informattivi gġewwa dawn is-siti, fejn jagħtu informazzjoni edukattiva lil min iżur dawn l-postijiet.
L-programm ta’ aktar tħawwil ta’ siġar u pjanti indiġeni ħa jkompli jsir skond il-management plans approvati kif ukoll skond abitat ambjentali ta’ kull sit. Eżempju ta' dan huwa s-sitt mitt (600) siġra u arbuxell indiġenu li tħawwlu ġewwa l-Park tal-Majjistral. Il-proġett għal dan is-sit huwa li jitkompla t-taħwwil ta’ iktar speċi skond il-programm tax-xogħlijiet għal din iż-żona.
Ambjent Malta laħqet ukoll ftehiem ma' Heritage Malta biex isiru interventi ġewwa l-Ġgantija f’Għawdex fejn numru ta' pjanti klassifikati bħala pollinators ser ikunu qed jitħawwlu f’din iż-żona.
Interventi oħra relatat ma' restawr ekoloġiku qed isir fil-parti magħrufa bħala l-Golf l-Kbir ġewwa l-Park tal-Majjistral fejn ġew mneħħija tunellati ta’ materjal mormi legalment. Permezz ta’ hekk ingħata iktar aċċessibilita lill-pubbliku u tħawwlu 'l fuq minn mitejn (200) siġra u arbuxell indiġenu.
Dawn jikkomplimentaw mal-ammont li tħawwel is-sena l-oħra fejn żiedna l-abitat naturali ta’ dan is-sit kif ukoll kabbarna l-potenzjal tal-ekosistema f’din iż-żona. Dan qed isir skond il-pjan mfassal għal Park tal-Nwadar. F’parti oħra ta’ dan il-Park, imsejjħa San Anard, saru interventi ta’ tindif ta’ rimi llegali ta’ skart u materjal tal-kostruzzjoni u kmieni s-sena d-dieħla ser ikunu qegħdin jitħawwlu madwar elf (1000) siġra u arbuxell indiġeni sabiex jiġi rikrejat abitat ta’ masġar. Erba mitt siġra indiġena ser ikunu qegħdin jitħawwlu f’siti oħra madwar il-Park. Dawn l-interventi qegħdin isiru biex dan l-park jitgawda aktar mill-pubbliku li jżuru.
Se jitnieda l-proġett pilota tal-Environmental Rangers. Rangers ġew ingaġġati ma’ Ambjent Malta f’Ottubru u bħalissa qiegħdin ikunu imħarġa. Dawn ir-Rangers se jkunu preżenti fil-kampanja u se jkollhom ir-rwol li jinfurmaw u jeddukaw il-publiku fuq l-attivitajiet permissibli f’żoni protetti u fl-ambjent naturali. Ir-Rangers se jkollhom ukoll ir-rwol li jirrapurtaw attivitajiet illegali bħal rimi ta’ skart u vandaliżmu.
Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin jitwaħħlu numru ta’ CCTV cameras ġewwa diversi siti biex jgħinu fil-monitoraġġ ta’ siti protetti kif ukoll, flimkien mal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, ser jitwaħħlu numru ta’ tabelli informattivi ġewwa żoni rurali bħala parti mill-kampanja edukattiva mill-ministeru tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet hemm biex l-ekonomija Maltija tkun tiddependi inqas fuq il-karbonju (low-carbon economy)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni għat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, hija kommessa għall-ħidma sfiqa kontra t-tibdil fil-klima. Dan billi jitwettqu miżuri skont strateġiji fl-oqsma diversi li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeri rispettivi.
Kif ga ghidt pubblikament Il-Ministeru tiegħi qiegħed fil-fażi finali tal-iżvillup tal-Low Carbon Development Strategy biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Awtorità dwar l-Ambjent – standards fuq siti ta’ kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interellant li l-kompetenza dwar il-materja ma’ taqax taħt l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għalhekk nitolbu jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Soluzzjoni għal każijiet ta’ abbuż ta’ rimi ta’ skart
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent ur-Riżorsi (ERA) flimkien mal-LESA u l-Pulizija hija inkarigata mill-infurzar dwar rimi ta’ skart b’mod illegali. Għal dan il-għan, b’konformità mal-Avviż Legali SL549.40, uffiċjali tal-ERA jagħmlu spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex biex jiġi kkontrollat l-abbuż tar-rimi ta’ skart b’mod illegali. Dawn l-ispezzjonijiet jiġu ppjanati fuq informazzjoni miġbura mill-ERA u minn informazzjoni li jgħaddulna l-Kunsilli Lokali ta Malta u Għawdex. B’hekk dawn l-ispezzjonijiet ikunu iffokati aktar fuq fejn il-problema tkun l-aktar persistenti. L-ERA tużha wkoll filmati meħuda minn CCTVs hdejn Bring-In-Sites biex jiġu identifikati nies u vetturi li qed jabbuzaw minn din is-sistema u joħolqu miżbliet zgħar ħdejhom. Dan ukoll qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet privati.
Kummissjoni għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data — talbiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet u tad-dekasteru kollu li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nifhem li t-talbiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk li jiġu sottomessi lill-Kummissarju ai termini tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496). F’dan il-kuntest l-informazzjoni mitluba ngħatat diġà fir-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2538, 11390 u 16608. Fir-rigward tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-informazzjoni mitluba kienet inkluża fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2540 u 11392.
Uffiċċju tal-Ombudsman – talbiet dwar l-operat tal-Ministeru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet, u tad-dekasteru li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tat-talbiet li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu, l-istatistika tkun ippubblikata fir-rapport annwali li joħroġ l-Ombudsman Parlamentari. Dawn ir-rapporti huma kollha disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-istess uffiċċju. Barra minn hekk, fuq inizjattiva tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u fi sforz sabiex ikomplu jissaħħu l-governanza u l-kontabilità fl-Amministrazzjoni Pubblika, s-Servizz Pubbliku ilu, sa mir-Rapport Annwali tal-2017, jippubblika rapport dettaljat dwar in-natura, is-sejbiet, l-konklużjonijiet u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu fuq kull każ li jkun issemma fir-rapport annwali tal-Ombudsman. Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu aċċessati fit-taqsima tal-pubblikazzjonijiet tas-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell sar jew ġie ppreżentat mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn deċiżjonijiet ta' ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn kemm ilha mwaqfa l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi din intavolat seba’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – PR u media events organizzati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-miri li għandu pajjiżna għar-riċiklaġġ għas-snin, 2020 u 2022?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri li Malta għandha ta’ riċiklagg huma dawk stipulati fid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u li ġew transposti fil-liġi nazzjonali permezz ta’ legislazzjoni sussidjarja 549.63, L.S. 549.43, L.S. 549.89, L.S. 549.54 u L.S. 549.36.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tħawwil ta’ siġar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar ġodda mill-Ministeru mmexxi minnu fl-ewwel ħames xhur tal-2020? Jista' l-Ministru jgħid dawn fejn tħawlu u min hu responsabbli għalihom?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka l-miżati li wieħed jintalab iħallas għall-iskart li jiddaħħal il-Magħtab preżenzjalment, kif ukoll kif kienu l-miżati? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll x’kienu dawn il-miżati matul l-2017, l-2018, l-2019, u l-2020 separatament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rati imposti mill-Wasteserv għall-skart li jidħol fil-faċilitajiet tal-Magħtab, kemm fl-impjant kif ukoll fil-miżbla huma dawn:-
Skart imħallat u skart fil-borża s-sewda - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Skart fil-borża l-bajda - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Skart fil-borża l-griża - €0.50 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Skart riċikklabbli ieħor - €0.50 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Skart goff (bulky) - €20 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Demel tal-annimali - €6.03 it-tunnellata (eskluża l-VAT)
Dawn ir-rati (ħlief dik applikabbli għall-ġbir tad-demel tal-annimali) ilhom jiġu applikati mill-2009 u fil-fatt joħorġu minn AL 382 ta’ 2009. Mill-2017 sal-lum għadhom jiġu applikati dawn l-istess rati.
Jista' l-Ministru jelenka l-fees kollha li preżenzjalment il-Wasteserv għandha fuq l-iskart? Jista' jgħid għal-liema tip ta' skart u kemm hi l-fee rispettiva?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tariffi għar-rimi ta’ skart ġewwa l-faċilitajiet operati mill-Wasteserv jinsabu fi:
· Avviz Legali 382 ta’ l-2009 - Skeda C: Tariffi għar-rimi ta’ skart ġo faċilitajiet għall-imaniġġjar ta’ l-iskart;
· Avviz Legali 203 ta’ l-2011 – Skeda C: Tariffi għat-Trattament ta’ Skart mhux Perikoluż fit-Thermal Treatment Facility, Triq il-Biċċerija, Marsa;
· Avviz Legali 203 ta’ l-2011 – Skeda D: Tariffi għat-Trattament ta’ Skart Perikoluż fit-Thermal Treatment Facility, Triq il-Biċċerija, Marsa.
Apparti minn hekk, hemm rata ta’ 6.03 EUR eskluż il-VAT għal kull tunellata ta’ demel ta’ l-annimali li jidħol ġewwa l-impjant tal-Malta North.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli biex jara li l-moniteraġġ tat-tniġġiż tal-arja jsir? Mil-liema partijiet ta' Malta u Għawdex ġew monitored minħabba t-tniġġiż matul is-snin 2017, 2018 u 2019?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija l-Awtorità kompetenti għall-monitoraġġ tal-arja. Dan il-monitoring network immaniġġjat mill-ERA ilu għaddej għal diversi snin inklużi l-2017, 2018, 2019 u jikkonsisti f’zewg moniteraggi.
Real time monitoring network: fejn hemm erba’ stazzjonijiet b’monitoraġġ kontinwu li jinsabu fl-Imsida, iż-Żejtun, Ħat’Attard u l-Għarb, Għawdex. Dawn is-siti jkopru sustanzi ta’ tniġġiż regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kwalità tal-Arja.
Il-Passive diffusion tube monitoring network: dan jipprovdi informazzjoni dwar il-livelli tal-kwalità tal-arja fuq medja ta’ erba’ ġimgħat u jkopri 100 punt ta’ monitoraġġ mifruxa mal-gżejjer Maltin. Ikopri id-diossidu tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) u l-benżin (benzene). Id-diossidu tal-kubrit (sulphur dioxide) huwa wkoll kopert b-24 punt ta’ monitoraġġ iffukati fiż-żona tal-portijiet.
Informazzjoni taż-żewġ monitoring networks tinsab ukoll fuq il-websajt tal-ERA.
Jista' l-Ministru jippubblika r-riżultati tat-tniġġiż tal-arja f'Malta u Għawdex, żona b'żona li ġew miksuba matul is-snin 2017, 2018 u 2019?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif elenkat fir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 16194, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Ri¿orsi (ERA) timmaniġja ¿ewġ monitoring networks li ilhom joperaw għal diversi snin u li jinkludu l-2017, 2018, 2019. Informazzjoni mi¿-¿ewġ monitoring networks tinsab ukoll fuq il-website ta’ l-ERA.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet kellu l-gvern biex inaqqas it-tniġġiż fl-arja matul is-snin 2017, 2018 u 2019? X'passi ħa biex dan it-tniġġiż jitnaqqas u liema politika jimxi biha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Budget 2021 ikompli jsaħħaħ il-miżuri biex jitjieb l-ambjent b’mod ġenerali, fl-istess ħin li qed inħarsu lejn mobbiltà sostenibbli. Wara l-miżuri mħabbra u irrappurtati lill-Kummissjoni Ewropea fin-National Air Pollution Control Programme, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qegħda taħdem fuq Pjan għall-Kwalità tal-Arja, bi ħsieb li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-arja, speċjalment f’żoni iktar milquta mit-traffiku.
Minkejja dan, iżda, irrid infakkru wkoll li sadanittant, f’dawn l-aħħar snin ittieħdu diversi miżuri biex jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja.
L-iktar miżuri li ħallew impatt kienu dawk parti mir-riforma fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fosthom l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa, u l-qalba għal-fjuwil iktar nadif (minn heavy fuel oil għall-liquified natural gas) f’Dellimara. Dawn wasslu għal tnaqqis sostanzjali fil-livelli ta’ sulphur dioxide, nitrogen oxides u anke trab fin fl-arja. Numru ta’ miżuri oħra ġew implimentati fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li wkoll jgħinu biex jitnaqqas it-tniġġiż.
Minbarra hekk, ix-xogħol li għaddej fuq il-proġetti tal-infrastruttura fit-toroq fosthom Marsa-Addolorata Junction, Sta. Lucia underpass u Central Link diġà qed jgħinu sabiex il-konġestjoni tonqos, jiġi ffaċilitat l-influss tat-traffiku u b’hekk jonqos it-tniġġiż. Dawn jiggarantixxu tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet għal-lum stess u saħansitra għall-għexieren ta’ snin li jridu jiġu. Il-proġetti ta’ ’ship to shore energy’ fil-Port il-Kbir u għall-Port Ħieles ser ikunu wkoll qed jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti.
Peress li sors importanti ta’ tniġġiż tal-arja huwa t-traffiku, ttieħdu xi miżuri f’dan il-qasam fosthom trasport b’xejn għall-iskejjel, trasport pubbliku b’xejn għal studenti, żgħażagħ u anzjani, grants għal xiri ta’ karozzi iktar effiċjenti, karozzi hybrid u elettriċi, skema ta’ konverżjoni minn magni petrol għall-gass, skemi ta’ bike sharing, titjib fis-sistemi tal-ferries u skemi għal car sharing.
Għaddej ukoll xogħol dwar studju ta’ kif u meta l-pajjiż jista jaqleb għall-importazzjoni minn karozzi petrol u diesel għal dawk elettriċi fil-futur.
Politika ta’ Mitigazzjoni għat-Tibdil fil-Klima — inizjattiva
Question
Jista' l-Ministru jagħti update dwar kull inizjattiva li hemm fil-politika tal-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima għal Malta? Jista’ jgħid kull inizjattiva fejn waslet, jekk hemmx problemi fuq kull inizjattiva u f'każ li hemm x'inhuma u meta se tkun implimentata kull inizjattiva?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika ta' mitigazzjoni għat-tibdil fil-Klima għal-Malta ġiet adottata fl-2010. Kien hemm diversi żvillupi nazzjonali u anke internazzjonali, speċifikament it-Trattat ta' Pariġi li kienu determinant fil-ħidma ta' Malta dwar it-Tibdil fil-Klima. L-implementazzjoni ta' mitigazzjoni ta' tibdil fil-klima ssaħħet matul l-aħħar seba' snin. Kien hemm diversi inizzjattivi u miżuri in sync tal-istrateġija li fil-kollettiv qed jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet. Evidenza ta' dan hu t-tnaqqis sinjifikanti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-livell nazzjonali mall-qalba għal-gas tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ta' min wieħed ukoll jinnota li matul dawn l-aħħar snin sar anke tisħiħ fil-governanza tat-tibdil fil-klima permezz tal-Att addottat fl-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima fejn jirresponsabilizza lil kull wieħed u waħda minnha fuq il-protezzjoni tal-klima u jwaqqaf Bord sabiex jissorvelja x-xogħol tal-gvern dwar it-Tibdil fil-Klima u jagħti parriri lil-Gvern hekk kif meħtieġ.
Dan ma jfissirx li ma baqalniex fuq xiex naħdmu. Kif ġa tennejt diversi drabi, il-Ministeru tiegħi qed jħejji Low Carbon development Strategy li ser tinkludi miżuri addizzjonali fir-rigward ta mitigazzjoni u addozzjoni ghat-tibdil fil-klima b’vizjoni li tħares sal-2050.