Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra bl-isem tal-fondazzjoni stabbilita minn Transport Malta, liema fondazzjoni ġiet imħabbra mill-Ministru permezz ta’ post fuq social media fit-28 ta’ Novembru 2020? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-istatut fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li L-Att Notarili tal-Fondazzjoni għat-Trasport ġie ffirmat fis-27 ta’ Novembru 2020 fil-preżenza tal- E.T. George Vella President ta’ Malta.
Permezz ta’ din il-Fondazzjoni nibtet kooperazzjoni bejn entitatijiet direttament involuti fit-trasport b’mod wiesgħa u minn diversi angoli – Malta Enterprise, Transport Malta, Kamra tal-Kummerċ għall-Intraprizi Żgħar, Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem u Kunsill għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Il-kopja mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux membru ta' xi kumitat fil-Ministeru għat-Turiżmu? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra jekk il-Ministeru ħax xi passi fir-rigward tiegħu fid-dawl tad-dettalji li ħarġu fil-Public Accounts Committee?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li l-persuna msemmija ma jifforma parti mill-ebda kumitat fi ħdan il-Ministeru.
Ma hemm l-ebda bażi jew raġuni li jimmeritaw xi forma ta’ passi kontra l-individwu in kwistjoni. Anzi l-Awtorità tħares ’il quddiem lejn aktar ħidma fil-qasam tal-Events biex nassiguraw li Malta tibqa’ destinazzjoni mill-aktar imfittxija, ġaladarba s-swieq turistiċi jerġgħu jiftħu.
Jista’ l-Prim Ministru jelenka kemm tħallsu flus mill-Ministri jew MPs fuq in-naħa tal-Gvern għal footage ta' programmi li xxandru minn fuq l-istazzjonijiet televiżivi tal-PBS?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra min huma l-membri tar-Road Safety Council, meta ġew appuntati u l-ħlas li jirċievu? Jista’ jipprovdi rendikont tal-laqgħat u xogħol tagħhom mill-2017 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-membri tinsab annessa hawn taħt. Tajjeb li ngħidu li dawn il-membri ma jieħdu l-ebda tip ta’ ħlas.
L-għan ewlieni tal-Malta Road Safety Council huwa wieħed ta’ għarfin, edukazzjoni u rakkomandazjoni lil Transport Malta. Il-kunsill flimkien ma’ Transport Malta innedu kampanji edukattivi fejn tidħol is-sigurtà fuq it-toroq Maltin. Dawn ukoll joħorġu b’inizjattivi li jistgħu jiġu implementati għal aktar sigurtà fit-toroq.
Dan il-Kunsill jiltaqa’ kull xahrejn, biss waqt il-pandemija l-kunsill ħoloq Kumitat Eżekuttiv biex jevita li jinġabru il-membri kollha.
NAME
Organization
Pierre P. Vella
MRSC
Dr. Philip Agius
Deputy Chairman
Adrian Galea
Malta Insurance Ass.
Dr. Jonathan Joslin
Mater Dei
Tony Micallef
National Blood Transfusion Unit
Prof. Charmaine Gauci
Director General Public Health
Pierre Gatt
Education Dept.
Dr. Ivan Gatt
Transport Malta
Joseph Calleja
Civil Protection Dept
Clint Axisa
Transport Malta
John Mamo
Rep. Motor Bikes
Inspector Nicholas Vella
Malta Police
Glen Gauci
Comm for Children
Clifford Portelli
CRPD
Duncan Micallef
Malta Motorsport Fed. (2020)
Xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew bini ta’ toroq – valur ta’ kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dettalji kollha relatati mal-valur ta’ kuntratti rigwardanti xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew bini ta’ toroq jew infrastruttura li ngħataw b’direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif ġiet miġbura mill-entità kkonċernata.
Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista tal-entitajiet uffiċjalment maħtura mill-Gvern u l-membri tagħhom, dan għax l-istess informazzjoni ilha ma tidher fuq is-sit gov.mt għal diversi xhur?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema membri qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista’ ta’ konsulenti tal-passat u l-preżent ta’ Safe City Malta? Jista’ jgħid kemm tħallsu u għal liema tip ta’ xogħol? Kif u meta kienu ingaġġati u fuq liema bażi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Safe City Malta Ltd. għamlet użu mid-ditta ta’ konsulenza ThinkTechnic Limited abbażi tal-esperjenza twila fil-qasam tat-teknologija tal-informatika u kommunikazzjoni. Il-kumpanija tħallset €179,196 għas-servizzi tagħha bejn il-perjodu 2017-2020.
Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta – pjan direzzjonali tat-teknoloġija – ditta ta’ konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema ditta ta’ konsulenza ħejjiet il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta? Kemm tħallset din id-ditta ta’ konsulenza? Din id-ditta jew id-diretturi tagħha, għadhom involuti mal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-ditta ta’ konsulenza li ħejjiet il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienet ThinkTechnic Limited.
Dan ix-xogħol sar fuq perjodu ta’ 16-il xahar, bejn Settembru tas-sena 2018 u Diċembru tas-sena 2019. Id-ditta tħallset €114,625 għas-servizzi mogħtija f’dan il-perjodu. Id-direttur tal-imsemmija kumpanija matul iż-żmien li kienet qed tingħata konsulenza, Inġ Ivan Zammit, illum jokkupa l-kariga ta’
Chief Operations Officer
mal-Awtorità.
Inġ Zammit kien applika għal din il-kariga wara li l-Awtorità ppubblikat sejħa miftuħa għal dan l-irwol fit-23 ta’ Settembru tas-sena 2019. Kien hemm 19-il applikazzjoni li fosthom ġew
shortlisted
sitta għall-intervista. Il-lista naqset għal tlieta wara l-ewwel intervista, u wara li sar
personality test
u t-tieni intervista, ġie magħżul l-Inġ Zammit mill-panel ta’ eżaminaturi.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – karozza Ministerjali
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dettalji kollha dwar ix-xiri jew kirja tal-karozza Ministerjali tiegħu tad-ditta Tesla? Jista’ jgħid jekk hux mixtrija, leased jew mikrija u l-prezzijiet kollha relatati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza in kwistjoni hija waħda elettrika li inkriet bl-approvazzjonijiet meħtieġa bir-rata ta’ ħamsin ewro kuljum VAT eskluża. Din il-karozza hija wkoll riflessjoni tad-determinazzjoni tal-Gvern li jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima billi jintużaw karozzi elettriċi li ma jniġġsux. Fil-fatt huwa stmat li permezz ta' din il-karozza biss il-Ministeru ser ikun qed inaqqas l-emissjonijiet b’medja ta' ftit anqas minn 7 tunnellati ta’ diossidu tal-karbonju fis-sena. Bl-istess ħsieb qed inżidu in-numru ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku fil-Ministeru tiegħi u sa kmieni s-sena d-dieħla l-ammont ta’ dawn it-tip ta’ karozzi ser inkunu tellajnieh għal tmienja. Naħseb li lkoll għandna naqblu li din għandha tkun d-direzzjoni ‘l quddiem. F’dan il-kuntest infakkar li kif intqal fid-diskors tal-Budget, fl-2021 il-Gvern se jwettaq studju biex ikun hemm tibdil minn karozzi li jaħdmu bil-fjuwil għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fis-Servizz Pubbliku. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant il-Gvern diġà jagħti għajnuna sabiex wieħed jaqleb il-karozza tiegħu għal waħda elettrika u l-pjan huwa li din il-miżura tkun mifruxa iżjed u fil-fatt ser tkun miżura ewlenija ll-Istrategija Nazzjonali Dwar żvilupp b’Karbonju Baxx li ser tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk tobba li huma impjegati mal-gvern hux qed ikunu imġiegħla jieħdu l-Vacation Leave tagħhom għax ġew infurmati li dan il-leave mhux ser jiġġedded jew jiġi carried over? Jekk ġara hekk, jista’ jinforma kemm ġew posposti visti ta’ pazjenti li l-appuntament tagħhom ġie skedat għall-ġurnata oħra kaġun tal-leave sfurzat tat-tobba?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġie maqbul mal-Union tat-tobba u ngħatat konċessjoni biex il-leave li ma ttieħidx din is-sena jiġi mġedded fuq perjodu ppjanat ta’ sentejn.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-prijorità tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp sostenibbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iżvilupp sostenibbli huwa kunċett wiesa’ li jaffettwa s-setturi u l-attivitajiet kollha kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ kull min hu involut f’dan is-settur. Id-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà huma multi-dimensjonali li jkopru aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.
Għamilna passi sinifikanti ‘l quddiem f’kull qasam imma rridu nkomplu naħdmu biex nassiguraw is-sostenibilità ta’ pajjiżna.
Fl-aktar klassifika riċenti maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti (Bertelsmann Stiftung u min-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli), Malta tikklassifika fit-32 post minn fost 166 pajjiż. Malta ġabet total ta’ 76 punt minn 100. Żammejna r-riżultati tajbin tagħna fir-rigward ta’ SDG 1 (Ebda Faqar), SDG 4 (Edukazzjoni ta’ Kwalità), SDG 7 (Enerġija Affordabbli u Nadifa) u SDG 8 (Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku).
Din tikkonferma l-impenn kontinwu u l-prijorità li l-Gvern qed jagħti sabiex sal-2030 jinkisbu l-għanijiet u l-miri stabbiliti minn Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk biex nassiguraw l-implimentazzjoni tal-SDGs, il-Gvern qed jieħu diversi inizjattivi fosthom:
i) It-tfassil ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050
L-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli hija komponent importanti biex nassiguraw l-implimentazzjoni tal-SDGs u nassiguraw futur sostenibbli. Din l-Istrateġija ser tkun imsawwra fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-sostenibilità. Fl-2018 id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fassal Dokument ta’ Viżjoni li se jikkaratterizza l-pedamenti li fuqhom se tiġi sostnuta l-Istrateġija ġdida għall-2050.
Il-proċess fuq it-tfassil ta’ din l-Istrateġija ġie varat waqt laqgħa organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-uffiċċjali responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli fi ħdan il-Ministeri rispettivi. Din l-Istrateġija qed tiġi mfassla permezz ta’ assistenza teknika mingħand l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) taħt il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni Ewropea.
Barra minn hekk ser inkunu qegħdin inkomplu naħdmu mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sabiex nfasslu sett ta’ indikaturi nazzjonali biex b’hekk inkunu nistgħu nkejlu aħjar il-progress milħuq f’dan ir-rigward.
ii) L-integrazzjoni tal-SDGs fil-Proċess tal-Baġit
Hekk kif ħabbarna f’Settembru 2019 il-Gvern ser ikompli jaħdem fuq l-integrazzjoni tal-miżuri tal-baġit mal-SDGs. Filfatt mat-372 miżura tal-Baġit 2021, mifruxa fuq diversi setturi, ġew integrati mal-SDGs. Dan il-proċess għandu l-għan li jtejjeb il-koerenza, isaħħaħ u jikkonsolida l-proċess ta’ ppjanar, jassigura allokazzjoniet aħjar ta’ riżorsi kif ukoll aktar trasparenza fil-ħidma tal-Gvern. Barra minn hekk nkunu qed nassiguraw baġits li huma konformi ma’ impenji oħra tal-UE u internazzjonali.
iii) L-integrazzjoni tal-SDGs fis-setturi kollha
L-iżvilupp sostenibbli huwa dixxiplina orizzontali u allura tmiss ma’ kull qasam tal-ħidma Governattiva. It-twettieq ta’ żvilupp sostenibbli jasal permezz ta’ governanza tajba u rieda politika. Tajjeb li nsemmi li għalkemm l-aġenda tal-Iżvilupp Sostenibbli qiegħda tiġi kkoordinata minn Awtorità kompetenti waħda, pero’ huwa fid-dmir u l-interess ta’ kull wieħed u waħda minna li nassiguraw politika u programmi f’kull qasam għandhom jissottoskrivu jimxu mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli u nilħqu l-miri tal-2030 għall-iżvilupp sostenibbli. Is-sinerġija bejn l-oqsma differenti, fosthom żvilupp ekonomiku u l-kummerċ, affarijiet barranin u sigurtà nazzjonali, ambjent, tibdil fil-klima u enerġija, agrikoltura u sajd, edukazzjoni u impjiegi, affarijiet soċjali u kura tas-saħħa, hija essenzjali għat-twettieq ta’ żvilupp sostenibbli.
Għal dan il-għan ser inkomplu naħdmu fuq l-integrazzjoni tal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli kif deskritti fl-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-politika, pjanijiet, programmi u proġetti tal-Gvern. B’hekk inkunu qed niżguraw li l-entitajiet u d-dipartimenti kollha jaħdmu flimkien lejn għan wieħed.
Peress li t-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa jimxu flimkien, tista’ l-Ministru tgħid x'inhi l-viżjoni tal-Gvern fir-rigward ta' inċentivi għall-enerġija nadifa meta mqabbla ma’ enerġija konvenzjonali aktar irħisa? Liema miż-żewġ sorsi l-Gvern iħoss li l-aktar jista’ jiddefendi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inċentivi għall-enerġija nadifa u effiċjenti ser ikomplu jiżdiedu matul is-sena 2021.
Hekk kif kien ukoll imħabbar fil-baġit, matul l-2021, il-Gvern ser ikun qed jalloka 21.5 Miljun Ewro għal
Feed in Tariffs
u 7 Miljun Ewro fuq
grants
għall-enerġija rinnovabbli u effiċjenti li jgħinu l-industrija, organizzazjonijiet u l-poplu inġenerali. Għal din is-sena ukoll, ser ikun allokat 800,000 Ewro għal skemi ta’ batteriji għal sistemi ta’ pannelli li jaħżnu l-enerġija u tintuża skont il-bżonn. Barra min hekk, kemm fuq livell globali, kif ukoll Ewropew qegħdin nimxu lil hinn min sistemi ta’ enerġija konvenzjonali għal sistemi iktar nodfa.
Peress li l-Istati Membri tal-UE intalbu jiżviluppaw u jaddottaw strateġija nazzjonali fit-tul dwar ir-rinovazzjoni li titratta il-mod kif jkollok stokk ta’ bini dekarbonizzat u b’livell għoli ta’ enerġija effiċjenti sas-sena 2050, tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-istatus tal-istrateġija nazzjonali fit-tul ta’ Malta f’dan ir-rigward?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat
Kumpaniji li bbenefikaw minn inċentivi ta' vetturi elettriċi
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma kemm kien hemm kumpaniji li bbenefikaw mill-inċentiv għal dawk li jixtru vetturi elettriċi fis-sena finanzjarja li waslet biex tintemm?
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza– nefqa fuq reklamar u marketing
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Waqt li nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġibiet li ngħataw diġà għall-PQs 8260, 8731, 01246 u 11986, ngħarrfu li tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.