Infurzar mill-pulizija/gwardjani għal min jipparkkja fil-parking bays taċ-Charging points
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan biex ikun hemm infurzar mill-pulizija u gwardjani fir-rigward ta’ min jipparkja b’mod abbużiv fuq dawn il-parking bays riservati għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Kennedy Grove – enforcement fuq caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew rimi ta’ skart
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’permessi nħarġu u x’enforcement qed issir fl-inħawi ta’ Kennedy Grove fir-rigward ta’ caravans mingħajr faċilitajiet sanitarji jew ta’ rimi ta’ skart?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma ħarġu l-ebda permessi rigward caravans fl-inħawi ta’ Kennedy Grove u lanqas jirriżulta li hemm bżonn azzjoni ta’ infurzar għax ninsab infurmat li l-caravans in kwistjoni tneħħew.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar il-konkos fit-triq prinċipali tad-Dwejra f'Malta? Min talab li dan isir? Kien hemm il-permessi meħtieġa mill-PA u tal-ERA għal dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Jien infurmat li x-xogħlijiet imsemmija ma jeħtiġux permess peress li huma eżenti skont Klassi 3 tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp (L.S. 552.08), waqt liż-żona affettwata wkoll ma taqax taħt il-protezzjoni tal-liġijiet ambjentali. Minbarra hekk, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-PQ19098.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sar il-konkos fit-triq prinċipali tad-Dwejra f'Malta? Min talab li dan isir? Kien hemm il-permessi meħtieġa mill-PA u tal-ERA għal dan ix-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Bħala parti mill-investiment kontinwu tagħha biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurezza fit-toroq f’Malta, Infrastructure Malta qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ manutenzjoni u bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq rurali f’lokalitajiet differenti.
Ħafna minn dawn it-toroq qalb il-kampanja tħallew fi stat ta’ telqa għal għexieren ta’ snin. Illum il-ġurnata dawn it-toroq ma jintużawx biss mill-bdiewa li jkollhom l-għelieqi fl-inħawi, imma huma wkoll imfittxijin ħafna minn minn bosta dilettanti tal-ġiri, tal-mixi u miċ-ċiklisti. Uħud minn dawn it-toroq ma kienux sarulhom pedamenti adegwati u Infrastructure Malta qed terġa’ tibnihom b’materjali aktar b’saħħithom u li jservu aktar fit-tul.
Bħala parti minn dan il-programm, riċentement l-aġenzija bdiet tiksi mill-ġdid triq rurali li diġà kienet bil-konkos fil-limiti tad-Dwejra, bejn l-Imġarr u r-Rabat. Maż-żmien, il-wiċċ bil-konkos li diġà kellha din it-triq dejqa qalb il-kampanja tkisser minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni. Ix-xogħol f’din it-triq li diġà kienet hemm qed isir f’konformità mal-permessi applikabbli għal xogħlijiet bħal dawn u fil-wisgħa eżistenti tat-triq. Infrastructure Malta qed tikkonsulta wkoll lill-awtoritajiet konċernati u identifikat metodi u materjali sostenibbli għal dawn ix-xogħlijiet, biex tiżgura li ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-ambjent storiku u rurali tal-inħawi.
Mill-2019, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali f’iżjed minn 30 lokalità differenti. Dan l-investiment biex tittejjeb l-infrastruttura għas-settur agrikolu se jissokta matul din is-sena u fis-snin li ġejjin, bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq rurali u xogħlijet oħrajn simili.
Pontijiet ġodda – permess ta’ użu ta’ lifts għar-roti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċiklisti humiex permessi li jużaw lifts fil-pontijiet il-ġodda? Jekk le, ser ikun hemm minn fejn jaqsmu t-triq b’mod sikur persuni li jużaw ir-roti?
Response (BORG, IAN)
Sa minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta wettqet diversi proġetti infrastrutturali sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibilità tal-infrastruttura ta’ pajjiżna għal dawk kollha li jużawha b’mezzi tal-ivvjaġġar differenti, fosthom trasport pubbliku fuq l-art u fuq il-baħar, il-mixi, ir-roti, park and ride, u l-karozzi.
F’kull proġett li qed twettaq fit-toroq, din l-aġenzija qed taħdem sabiex toħloq faċilitajiet aktar siguri għal dawk li jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli. Pereżempju, permezz ta’ Central Link Project, sal-aħħar ta’ din is-sena pajjiżna se jkollu l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt inbniet fit-toroq Maltin, b’tul ta’ madwar erba’ kilometri mill-Imrieħel sa Ta’ Qali. Partijiet minn din ir-rotta ġdida għall-mixi u r-roti diġa tlestiet fix-xhur li għaddew. Bħala parti mill-Marsa Junction Project, il-mini ġodda ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, l-aġenzija kompliet tibni aktar kilometri ta’ korsiji għar-roti u l-mixi siguri biex inkomplu nħajru aktar nies jużaw dawn il-mezzi ta’ vvjaġġar. Dawn huma biss ftit mill-ħafna proġetti u inizzjattivi li l-Gvern qed iwettaq biex aktar u aktar persuni jivvjaġġaw b’mezzi aktar sostenibbli.
Kif innota tajjeb l-Onorevoli Thake, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta fetħet ukoll tliet pontijiet għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda, Ħal Luqa u Kordin b’investiment ta’ miljuni t’Ewro f’infrastruttura aħjar għal dawk li jivvjaġġaw bil-pass u għaċ-ċiklisti. Dawn il-pontijiet qed iservu biex joħolqu konnessjonijiet aktar siguri bejn diversi żoni fl-inħawi fejn huma mibnijin. Pereżempju, il-pont ġdid fuq Triq Dom Mintoff, f’Kordin, fetaħ konnessjoni sigura għal eluf ta’ studenti li ta’ kuljum imorru fil-Kampus ewlieni tal-MCAST, kif ukoll għar-residenti u l-ħaddiema ta’ Kordin, li issa għandhom rotta bla periklu biex jaslu fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid. Qabel, għal għexieren ta’ snin dawn l-istudenti u residenti kellhom jgħaddu minn bankina dejqa ħafna f’waħda mill-aktar toroq traffikużi f’Malta. Dan il-Gvern investa biex jagħtihom rotta aħjar milli kellhom qabel, kif ninsab ċert li jista’ jirrikonoxxi l-Onorevoli Thake.
Dawn il-pontijiet huma kollha aċċessibbli għal kulħadd, permezz ta’ mezzi differenti, bħal rampi, liftijiet jew turġien. Kull fejn ikun installat lift f’post pubbliku, huma biss tfal żgħar li ma jkunux akkumpanjati minn adult li mhux permess jużawhom. M’huwiex lanqas rakkomandat li liftijiet jintużaw waqt xi emerġenza, bħal każi ta’ nirien. Iċ-ċiklisti, bħal kull persuna oħra, jistgħu jużaw il-liftijiet ukoll. Il-liftijiet huma spazjużi biżżejjed biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Ninsab infurmat li bħal ma jiġri f’kull post ieħor pubbliku u privat aċċessibbli għall-pubbliku, bħal pereżempju sptarijiet jew ħwienet, il-liftijiet li jiġu inklużi f’pontijiet pedonali jkunu koperti minn kuntratti ta’ manutenzjoni regolari u tiswijiet mingħajr dewmien, sabiex jonqos kemm jista’ jkun ir-riskju li dawn ma jkunux qed jaħdmu.
B’hekk, nibqgħu niżguraw li l-pubbliku jkompli jgawdi aktar u aktar infrastruttura ta’ kwalità ferm ogħla, u ferm aktar sigura u aċċessibbli, minn dik li kellu għal għexieren ta’ snin fil-passat.
Fil-laqgħa tad-19 ta’ Frar 2018, il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp iddeċidiet li ma kienx hemm informazzjoni preċiża biżżejjed rigward it-titli u s-sidien tal-proprjetajiet proposti biex ikunu klassifikati fid-demanju pubbliku fir-rapport tal-Awtorità tal-Ippjanar bit-titlu PL 408 Sites to be designated as Public Domain 2017 u peress li dan ir-rapport intbagħat lill-Awtorità tal-Artijiet għal iktar verifiki, jista’ l-Ministru jippreżenta rapport aġġornat (wara tliet snin) lill-Kamra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitolob lill Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill Ministru kkonċernat
Jista’ l-Ministru jippreżenta kopji tar-rapport tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2018 u 2019 rigward iż-żoni u/jew siti li ġew nominati biex ikun ikkunsidrati biex ikunu klassifikati bħala demanju pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li r-rapporti in kwistjoni isiru biex ikunu pprezentati lill-Awtorita’ tal-Artijiet ghall-kunsiderazzjoni ulterjuri,kif fil-fatt sar. Ghaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru konċernat.
Xiri ta’ Charging Points ta’ Karozzi elettriċi – terms of reference
Question
Jista’ l-Ministru jippubblika t-terms of reference kif ukoll kopja tal-kuntratt li nħareġ għax-xiri u installar taċ-charging points għall-karozzi elettriċi li qed jiġu installati?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Xiri ta’ Charging Points ta’ Karozzi elettriċi – terms of reference
Question
Tista’ l-Ministru tippubblika t-terms of reference kif ukoll kopja tal-kuntratt li nħareġ għax-xiri u installar taċ-charging points għall-karozzi elettriċi li qed jiġu installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kopja tal-kuntratt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tippubblika l-ftehim li ġie ffirmat mal-kumpanija li ser tkun qed tamministra dawn iċ-charging points? Tista’ tgħid meta ħa tibda topera l-kumpanija li ħadet il-concession u x’prezzijiet ħa tkun qed toffri? Dawn il-prezzijiet ħa jiġu offruti bħala pay as you go jew fuq bażi ta’ abbonament? Ser ikun hemm rati differenti bejn fast charge u AC?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew installati charging points ġodda s’issa u fejn ġew installati? Meta ser ikunu installati ċ-charging points kollha u fejn huma l-postijiet fejn ser jiġu installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew installati 11-il charging pillar ġdid. Ic-charging pillars mistennija jkomplu jiġu nstallati matul din is-sena. Preżentament għaddejin diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati biex ikunu determinati postijiet strateġiċi fejn jiġu nstallati dawn ic-charging pillars madwar Malta u Għawdex.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — lista ta' proġetti kapitali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-2 ta’ Frar 2021.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — lista ta' proġetti kapitali
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni — lista ta' proġetti kapitali
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti li huma għaddejjin bħalissa kif ukoll dawk li huma pjanati fiż-żmien li ġej. Ninforma wkoll li għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta’ Malta. Dan it-tagħrif ikun jista’ jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Attachments:PQ 18759 - lista ta' proġetti kapitali - Entitajiet fil-MFED.pdf
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — lista ta' proġetti kapitali
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.
Advisory Cost Limit għal tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-limitu massimu ta' infiq fuq spejjeż (advisory cost limit) biex jiġu mwieġba mistoqsijiet parlamentari? Kif u meta ġie stabbilit u ppubblikat dan il-limitu u minn min u meta l-aħħar li ġie rivedut?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rulings li ngħataw mis-Sedja fis-Seduti 365 tas-7 ta’ Marzu 2016 u 419 tal-25 ta’Jannar 2021.
Fomm ir-Riħ – konċessjoni rigward il-bajja u l-madwar
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi kopji ta' kull kuntratt ta’ bejgħ/ċens/kera/encroachment u/jew konċessjoni oħra li hemm rigward il-Bajja ta’ Fomm ir-Riħ u d-dintorni sa żona ta’ elf metru kwadru madwar il-bajja? Jista' jispeċifika x'passi ħa tieħu l-Awtorità tal-Artijiet sabiex ikunu mħarsa d-dritt ta’ passaġġ u aċċess għall-bajja għall-pubbliku u dan skont l-obbligi naxxenti mill-Kodiċi Ċivili peress li l-bajja hi fid-demanju pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá tal-Artijiet taqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ Ministeru ieħor u b’hekk huwa mitlub jirreferi d-domandi tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Infakkru ukoll li l-Gvern ikkommetta li mhux se jċedi d-dritt għal aċċess għall-bajja.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — lista ta' proġetti kapitali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandu sitt proġetti kapitali, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għandha proġett wieħed, filwaqt li San Vinċenz De Paule għandu disa’ proġetti kapitali.
Id-dettalji ta’ dawn il-proġetti kapitali ta’ kull entità li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.