Ħ'Attard — Triq Durumblat - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat, bejn il-Mosta u Ħ'Attard fejn ix-xogħol jidher li waqaf fin-nofs?
Response (BORG, IAN)
It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġà qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fiż-żona ta’ Ta’ Qali l-aġenzija qed twettaq pjan ta’ titjib li jinkludi diversi toroq li hemm fl-inħawi bħala soluzzjoni sostenibbli biex aktar persuni jkunu jistgħu jgawdu dawn l-inħawi f’sigurtà, b’mod partikolari r-residenti Mostin, li bħalissa biex jaslu bil-mixi lejn il-ġonna u faċilitajiet oħrajn f’Ta’ Qali jridu jgħaddu minn toroq perikolużi li ma fihom ebda bankini jew infrastruttura oħra sigura għalihom. Dan il-pjan sar bi ftehim mal-Kunsill Lokali u mal-awtoritajiet rispettivi wara li ġew ikkonsultati dawk kollha konċernati.
Żewġ toroq li kellu jsir titjib fihom bħala parti mill-pjan għal din iż-żona huma Triq San Pawl tal-Qliegħa u Triq Durumblat li kienu ta’ periklu għal dawk li jkunu għaddejjin f’dawn l-inħawi bil-mixi għax fil-biċċa l-kbira tagħhom lanqas biss kien hemm bankini waqt li l-karreġġjati tal-karozzi saħansitra jvarjaw fil-wisgħa. Għalhekk kien jeħtieġ li jigu ddisinjati mill-ġdid biex fost titjib ieħor il-karreġġjati jkunu standard u jinħolqu rotot kontinwi siguri għall-mixi bl-introduzzjoni ta’ bankini. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, qed tingħata prijorità lil ħafna persuni li mill-Mosta u lokalitajiet oħrajn viċin imorru bil-mixi lejn l-inħawi ta’ Ta’ Qali. Dan se jkun aktar importanti fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien li ġej f’dawn l-inħawi ser ikollna Park Nazzjonali ġdid li qed jiġi żviluppat mill-Gvern f’Ta’ Qali wkoll.
Filwaqt li Triq San Pawl tal-Qliegħa tlestiet is-sena li għaddiet, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat kellhom isiru f’fażijiet minħabba li din hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, din it-triq kienet tirrikjedi li fiha jsiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, drenaġġ, elettriku u telekomunikazzjoni li ntalbu mill-entitajiet rispettivi biex isiru mill-aġenzija, kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi roundabouts u punti ta’ qsim (pelican crossings) għal aktar sigurezza f’din it-triq, kif ukoll qed tibni bankini biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali.
Fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet ix-xogħlijiet fl-aħħar parti tat-triq twaqqfu sabiex it-triq setgħet tintuża bħala rotta alternattiva waqt l-aħħar xogħlijiet ta’ Central Link Project. Issa li dan il-proġett huwa lest, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat qed jitkomplew u s-servizzi kollha ġodda li għad fadal isiru taħt l-art fl-aħħar parti ta’ din it-triq u l-bini mill-ġdid tagħha mistennija jitlestew fit-tieni kwart ta’ din is-sena.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.