Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ'Attard — Triq Durumblat - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat, bejn il-Mosta u Ħ'Attard fejn ix-xogħol jidher li waqaf fin-nofs?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġà qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fiż-żona ta’ Ta’ Qali l-aġenzija qed twettaq pjan ta’ titjib li jinkludi diversi toroq li hemm fl-inħawi bħala soluzzjoni sostenibbli biex aktar persuni jkunu jistgħu jgawdu dawn l-inħawi f’sigurtà, b’mod partikolari r-residenti Mostin, li bħalissa biex jaslu bil-mixi lejn il-ġonna u faċilitajiet oħrajn f’Ta’ Qali jridu jgħaddu minn toroq perikolużi li ma fihom ebda bankini jew infrastruttura oħra sigura għalihom. Dan il-pjan sar bi ftehim mal-Kunsill Lokali u mal-awtoritajiet rispettivi wara li ġew ikkonsultati dawk kollha konċernati. Żewġ toroq li kellu jsir titjib fihom bħala parti mill-pjan għal din iż-żona huma Triq San Pawl tal-Qliegħa u Triq Durumblat li kienu ta’ periklu għal dawk li jkunu għaddejjin f’dawn l-inħawi bil-mixi għax fil-biċċa l-kbira tagħhom lanqas biss kien hemm bankini waqt li l-karreġġjati tal-karozzi saħansitra jvarjaw fil-wisgħa. Għalhekk kien jeħtieġ li jigu ddisinjati mill-ġdid biex fost titjib ieħor il-karreġġjati jkunu standard u jinħolqu rotot kontinwi siguri għall-mixi bl-introduzzjoni ta’ bankini. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, qed tingħata prijorità lil ħafna persuni li mill-Mosta u lokalitajiet oħrajn viċin imorru bil-mixi lejn l-inħawi ta’ Ta’ Qali. Dan se jkun aktar importanti fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien li ġej f’dawn l-inħawi ser ikollna Park Nazzjonali ġdid li qed jiġi żviluppat mill-Gvern f’Ta’ Qali wkoll. Filwaqt li Triq San Pawl tal-Qliegħa tlestiet is-sena li għaddiet, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat kellhom isiru f’fażijiet minħabba li din hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, din it-triq kienet tirrikjedi li fiha jsiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, drenaġġ, elettriku u telekomunikazzjoni li ntalbu mill-entitajiet rispettivi biex isiru mill-aġenzija, kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi roundabouts u punti ta’ qsim (pelican crossings) għal aktar sigurezza f’din it-triq, kif ukoll qed tibni bankini biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet ix-xogħlijiet fl-aħħar parti tat-triq twaqqfu sabiex it-triq setgħet tintuża bħala rotta alternattiva waqt l-aħħar xogħlijiet ta’ Central Link Project. Issa li dan il-proġett huwa lest, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat qed jitkomplew u s-servizzi kollha ġodda li għad fadal isiru taħt l-art fl-aħħar parti ta’ din it-triq u l-bini mill-ġdid tagħha mistennija jitlestew fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 23740.

Individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-aħħar ta’ Novembru 2021

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-aħħar ta’ Novembru 2021?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 23741.
Leg 13 PQ #23740 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-2013

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-2013?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill- Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 12908.
Leg 13 PQ #23741 Sitting 531 2022-01-10 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-aħħar ta’ Novembru 2021

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm individwi impjegati mas-settur pubbliku fl-aħħar ta’ Novembru 2021?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fl-2021 l-persentaġġ ta’ ħaddiema mas-Settur Pubbliku kien ta’ 22% tal-persuni kollha li jaħdmu f’Malta. Dan il-persentaġġ ta’ ħaddiema huwa 5% inqas mill-persentaġġ f'Diċembru 2012.

Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar — Persuni nominati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki u esperjenza għandhom l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament biex jigu nominati biex iservu fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni maħtura fuq il-Bord tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar jissodisfaw ir-rekwiżiti li jistipula l-Artikolu 63 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552).

Ta’ Xbiex – Funtana ħdejn Yacht Club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex ilha x-xhur ma taħdimx?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex damet perjodu ma taħdimx minħabba li kellu jiġi msewwi l-qiegħ tal-ġiebja li żżomm fiha l-ilma tal-funtana, peress li żviluppaw xquq fih. Ġie rranġat ukoll is-saqaf tal-istess ġiebja minħabba s-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema u tal-pubbliku. Wara li l-funtana nxtegħlet mill-ġdid, żviluppat ħsara fil-kontrolli elettroniċi tagħha u ħsarat oħra li ma kienux hemm qabel. Ġew ikkuntattjati numru ta’ kuntratturi li jistgħu jipprovdu soluzzjoni teknika vijabbli biex terġa’ titħaddem il-funtana. Kwotazzjoni għax-xogħol meħtieġ intbgħatet għall-approvazzjoni biex wara jkun jista’ jinbeda x-xogħol ta’ tiswija.

Mini ta’ Santa Venera, San Ġiljan u Tal-Qroqq – spiża fuq dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus għad-dwal fil-mini ta’ San Ġiljan, Tal-Qroqq u ta’ Santa Venera? Jista’ jgħid x’persentaġġ ta’ dawl qed jinxtegħel f’dawn il-mini wara diversi ilmenti li kien qawwi wisq?

Response (BORG, IAN)

Permezz tal-proġett li sar minn Infrastructure Malta, ingħatat ħajja ġdida lill-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji bħala parti mix-xibka tat-toroq arterjali ta’ pajjiżna. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-i¿jed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ ieħor li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin, li matulhom dawn il-mini ftit li xejn raw manutenzjoni jew tindif. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u kienu jeħtieġu anke xogħol kbir ta’ restawr fil-ġebel u l-konkos tagħhom. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni, li t-tnejn tħaffru fil-blat, sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Infrastructure Malta rrestawrat il-faċċati tad-daħliet tal-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni għad-dehra oriġinali tagħhom, bil-ġebla tal-franka. L-aġenzija talbet ukoll li d-daħliet tal-konkos mikxuf tal-Mini Tal-Qroqq, li kienu swiedu u kriehu bi snin ta’ dħaħen u nuqqas ta’ tindif, jingħataw dehra aktar sabiħa b’materjal ikkulurit li ma jaqbadx ħafna ħmieġ miegħu u li jkun jista’ jitnaddaf b’mod eħfef. Permezz ta’ dan il-proġett ġew mgħoddijin cables u katusi għall-entitajiet tas-servizzi fl-istess mini, u wara nksew b’saffi t’asfalt ġodda. Saru wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita li diġa kien hemm f’dawn il-mini. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta qed tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija tejbet ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina, il-kuntrattur tal-proġett installa ukoll sistemi għall-provvista tal-ilma għat-tifi tan-nar u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Fl-aħħar fażijijiet tal-proġett, Infrastructure Malta biddlet is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u ksiet il-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbilità tal-mini għal tul ta’ ¿mien, fl-2018 Infrastructure Malta kkummissjonat studji tekniċi bl-għajnuna t’esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Permezz ta’ dawn l-istudji, ħareġ li t-tmien mini kien jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet f’diversi sistemi tagħhom. Fost affarijiet oħrajn irriżulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal fil-mini kollha kienet antikwata u kien jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Kien hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurezza u ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ t’emerġenza. L-ispi¿a biex saret is-sistema ġdida tad-dawl fit-tliet mini msemmija ammontat għal €1,729,184. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal speċjalizzata għal mini bħal dawn, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini tinbidel skont il-ħin u skont it-temp, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Id-dwal kollha fl-erba’ strutturi tal-mini qed jinxtegħlu matul il-ġurnata b’intensitajet differenti skont id-dawl naturali barra l-mina. F’kull mina hemm permanent lighting li jinkorpora sistema ta’ dwal li huma mixgħulin dejjem bl-istess intensità b’mod kostanti, u hemm ukoll dimmable lights li l-intensità tagħhom tvarja mal-ġurnata skont il-livell tad-dawl ta’ barra u mal-lejl dawn id-dwal ikunu mitfijin. Bħalissa qed jiġu finalizzati l-proċessi neċessarji biex id-dimmable lights ikunu kkalibrati. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajji¿na jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.

San Pawl il-Baħar — Triq l-Alka, Triq ir-Ramel u Triq il-Kaħli – xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23259 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq l-Alka, parti minn Triq ir-Ramel u parti minn Triq il-Kaħli f'San Pawl il-Baħar, fejn ir-residenti ilhom ġimgħat sħaħ bla dawl fit-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-toroq imsemmija saru t-tiswijiet neċessarji mill-Enemalta u ilhom li saru mit-18 ta’ Novembru.

San Pawl il-Baħar — Triq l-Alka, Triq ir-Ramel u Triq il-Kaħli – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23259 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq l-Alka, parti minn Triq ir-Ramel u parti minn Triq il-Kaħli f'San Pawl il-Baħar, fejn ir-residenti ilhom ġimgħat sħaħ bla dawl fit-triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ressaq ir-rapporti li rċieva dwar toroq bla dawl minħabba il-maltemp lill-entita konċernata, Enemalta. Il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar infurmat li t-tiswijiet saru.

Kuntratti ta’ xiri u manutenzjoni ta’ apparat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22791, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ffirmati mill-operatur li installa u li għadu qed jinstalla charging points ġodda, kif ukoll kull kuntratt ieħor li jiggverna l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-servizz ta’ charging, varat minnha fit-28 ta' Ottubru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt inkwistjoni hu kummerċjalment sensittiv u l-pubblikazzjoni tiegħu tippreġudika negozjati futuri. Nassigura lill-Onorevoli interpellant li Malta se tkun imħejjija tajjeb ħafna biex takkomoda lil dawk li jeħtieġu s-servizzi ta’ enerġija għall-vetturi tagħhom.

Prezzijiet tal-mediċini għolja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux policy tal-Gvern li jħalli n-nies morda jġorru l-piż tal-prezzijiet ta’ mediċini li għollew b’700%?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nitolbu biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, inserraħ ras l-Onor. Interpellant li jekk kien hawn min raħħas il-prezzijiet tal-mediċini, kien proprju dan il-Gvern, kif ġara fil-każ ta’ mijiet ta’ prodotti fl-aħħar snin. Minbarra hekk, kull ċittadin Malti u Għawdxi huwa konxju li kien dan il-Gvern li temm it-tbatijiet esaġerati u żejda lil eluf ta’ persuni fil-passat, bl-eliminazzjoni tal-out-of-stock fil-mediċini u problemi oħrajn fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa.

Qawra – Triq A Caruana – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’qed jikkawża d-dewmien fix-xogħol ġewwa Triq A. Caruana l-Qawra u meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid diversi toroq residenzjali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fosthom Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq ġdida fi Triq J Quintinus, Triq l-Indipendenza, Triq Ġużeppi Despot u Triq l-Iskuna. Ix-xogħol fi Triq Annetto Caruana beda lejn nofs Ottubru u kien parti minn proġett wieħed li jinkludi tliet toroq oħrajn fl-istess żona ta’ San Pawl il-Baħar li huma Triq it-Tamar, Triq Andrew Cunningham u triq ġdida li tiġi bejniethom. L-erba’ toroq jonqos biss li jsirilhom f’daqqa l-aħħar saff t’asfalt u se jkunu lesti fil-jiem li ġejjin. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ta' Xbiex — funtana ħdejn il-Yacht Club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex ilha x-xhur ma taħdimx?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex li l-funtana msemmija jieħu ħsiebha d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

San Pawl il-Baħar — Triq Burmarrad - xogħlijiet fuq triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jsir ix-xogħlijiet fit-Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar peress li l-ħofor li hemm f’din it-triq qed jikkawżaw ammont ta’ ħsara lill-karozzi li jgħaddu minn hemm?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li wara l-maltemp li għamel fl-aħħar jiem ittieħdu miżuri temporanji fiż-żona indikata u diġà hemm ippajanat li jsiru xogħlijiet t’asfalt fiż-żmien li ġej.

Pembroke — Triq Sant Andrija - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jsir ix-xogħol fit-Triq Sant Andrija ħdejn it-traffic lights direzzjoni Pembroke?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bħalissa qed tagħmel xogħlijiet ta’ tħejjija biex tintroduċi junctions aktar siguri u effiċjenti tul Triq Sant Andrija, waħda mit-toroq prinċipali ta’ Malta li jagħmlu parti mit-Trans-European Transport Network (TEN-T). Aktar kmieni din is-sena, l-aġenzija lestiet l-ewwel fażi ta’ dan it-titjib fit-tarf tat-tramuntana ta’ din it-triq. Din il-fażi kienet tinkludi roundabout ġdida f’salib it-toroq ta’ Triq Sant Andrija mat-toroq maġenbha f’Pembroke u ż-żona ta’ High Ridge fis-Swieqi, biex tipprovdi aċċess aktar sigur għall-karozzi, it-trasport pubbliku u kull min jivvjaġġa bil-mixi jew bir-rota lejn l-iskejjel li hemm fil-viċin u ż-żoni residenzjali ta’ dawn il-lokalitajiet. Bi tħejjija għat-tieni fażi ta’ dan it-titjib, Infrastructure Malta waqqfet il-ħruġ lejn in-nofsinhar fil-junction fejn hemm is-sistema ta’ traffic lights bejn Triq Sant’Andrija u Triq Tal-Ibraġ, mis-Swieqi lejn San Ġiljan. B’hekk eliminat ir-riskji ta’ ħbit li kien hemm waqt li l-vetturi jkunu qed jaqsmu lejn il-korsiji tan-nofsinhar ta’ Triq Sant’Andrija. Kull min jivvjaġġa f’din id-direzzjoni issa qed isegwi rotta aktar sigura billi juża r-roundabout ġdida li hemm ftit il-fuq biex iduru fid-direzzjoni tan-nofsinhar. Jew inkella, jistgħu jużaw ħruġ ieħor lejn in-nofsinhar mis-Swieqi għal San Ġwann u San Ġiljan. It-tieni fażi ta’ dan il-proġett, li se tkun implimentata malli jinħarġu l-permessi neċessarji, tinkludi żewġ junctions tul din it-triq biex ikompli jiġi faċilitat l-aċċess minn u lejn is-Swieqi, Pembroke u nħawi oħrajn fil-viċin, mingħajr riskji ta’ sigurtà tul din ir-rotta importanti.

mediċina Primidone SERB (250mg) — prezz -

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W148 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-iskarsezza fil-produzzjoni għadiex l-stess, u jekk le, jekk hux qed jistenna li l-prezzijiet jonqsu xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal din hija mediċina li qed isemmi hu, għadu fis-seħħ l-istess tender u allura l-istess prezzijiet. Prezzijiet ta’ tenders futuri jiddependu miċ-ċirkostanzi tal-mument.

Batteriji biex iżommu l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni jew kumpaniji li ħadu vantaġġ mill-grant għall-batteriji biex jistivaw l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi? Kemm hu lis-storage totali ta’ dawn l-installazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm in-numru ta’ benefiċċjari ta’ skemi ta’ grants residenzjali u kif ukoll il-kapaċita ta’ ħażna tinsab fit-tabella hawn taħt, l-informazzjoni tkopri sal-15 ta’ Novembru 2021. Skema Sena Numru ta’ benefiċarji Kapaċita ta’ ħażna 2021 RES 2021 363 1823 kWh

Meters addizzjonali installati għal charging points fil-garaxxijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna nstallat meter addizzjonali għall-charging point fil-garaxx tagħha u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta s’issa nstallat 271 EV meter lil klijenti li applikaw għal dan is-servizz. 44 applikazzjoni oħra għadhom pendenti.