Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp Diplomatiku – riżenji

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2938 tas-7 ta’ Diċembru 2017, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet mogħtija għar-riżenja tad-29 membru tal-korp diplomatiku u kemm mill-45 membru tal-istess korp kellhom it-talba għal unpaid leave milqugħa u x’kienu r-raġunijiet li ngħataw biex ma jiġix approvat l-unpaid leave ta’ dawk li t-talba tagħhom ġiet irrifjutata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, ma jkunx idoneju li nwieġeb b’mod dettaljat fuq kull talba. Madanakollu ninforma illi l-maġġoranza tar-raġunijiet mogħtija kienet illi jew ma tawx dettalji għaliex irreżenjaw jew inkella peress li jkunu sabu impjieg ieħor. Għar-rigward tat-talbiet għal unpaid leave mitluba mill-45 membru tal-korp diplomatiku, ninfurmah li 44 minnhom kellhom mill inqas talba waħda aċċettata. It-talbiet li ma ġewx approvati minħabba l-esigenzi tas-servizz jew għax l-uffiċjali diġa kienu ibbenefikaw mill-massimu provdut mir-regolamenti tas-Servizz Pubbliku.

Ambaxxata ta’ Malta f’Washington – ilmenti ta’ Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qarax l-ittra lill-editur li dehret fil-ġurnal Malta Today fl-10 ta’ Settembru 2017, u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jekk ingħatatx risposta mill-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington għal dawn l-ilmenti gravi u skandalużi fejn persuni ta’ demm Malti, imrawma b’identità Maltija, u bid-dritt għaċ-ċittadinanza Maltija, jiġu ttrattati ta’ persuni ferm inqas minn dawk li jqabżu l-flus u li iżda m’għandhom l-ebda konnessjoni ma' Malta u jsiru ċittadini ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Nagħti parir lill-Onor. Interpellant jaqra l-ittra li għamel referenza għaliha għax jidher li hu ma qarax tali ittra.

Segretarju għall-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta – ħlas u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qiegħed jitħallas u x’perkaċċi għandu s-Segretarju għall-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija tirċievi onorarja ta’ €1,000 fis-sena.

Ambaxxata Maltija fl-Arabja Sawdija – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ambaxxata Maltija fl-Arabja Sawdija hijiex issegwi l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li fl-2016 sar ċittadin Malti u reċentement ġie akkużat b’serje ta’ korruzzjoni? X’tip ta’ moniteraġġ qed isir minn din l-ambaxxata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qed jagħmel referenza għaliha, għandha ċittadinanza oħra u l-arrest sar mill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż, li jiġi pajjiż wkoll. Il-Ministeru konxju mill-każ.

Libja — Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli – ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinfetaħ l-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli, il-Libja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif is-sitwazzjoni fil-Libja tkun tali li toffri sigurta għall-ħajjet u s-saħħa tal-missjoni diplomatika Maltija, l-Ambaxxata Maltija fil-Libja terġa tiftaħ minnufih il-bibien tagħha.
Leg 13 PQ #3157 Sitting 78 2018-02-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat – Ċittadella — ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 132, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex li qegħdin jeżerċitaw xogħol madwar iċ-Ċittadella? Kemm minn dawn il-ħaddiema bdew jaħdmu fiċ-Ċittadella bejn it-2 ta’ Ġunju 2017 sal-ġurnata meta ġiet magħmula din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Consul on the Move — sezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn u meta saru l-Consul on the Move? Kemm swew dawn is-sessjonijiet? Kemm persuni attendew għal kull sessjoni, kemm u liema kienu s-servizzi konsulari offruti f'dawn is-sessjonijiet minn meta beda l-Consul on the Move?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta tħabbret l-inizjattiva Consul-on-the-Move fil-5 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru għadda biex jimplimenta dan il-proġett f’ħames pajjiżi fejn hemm jgħixu konċentrazzjoni ta’ Maltin. Il-Konsli ta’ Karriera fl-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u New Zealand żaru l-Maltin fil-postijiet fejn jgħixu biex ikunu jistgħu jipproċessaw it-talbiet tagħhom li fil-parti l-kbira tagħhom kienu jikkonsistu f’applikazzjonijiet għal passaport Malti, applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija u reġistrazzjoni ta’ ċertifikati. Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar kif is-Servizz Konsolari (Consul-on-the-Move) kien provdut bejn Lulju 2016 u Diċembru 2017.
Leg 13 PQ #3159 Sitting 78 2018-02-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – skemi ta’ xogħol — ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1645, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu taħt dawn l-iskemi? F’kull każ meta jispiċċa l-perjodu tal-iskema? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll jekk kienx hemm xi tibdil fin-numru ta’ ħaddiema assenjati fid-diversi postijiet tax-xogħol mill-10 ta’ Ottubru 2017 sal-ġurnata meta ġiet magħmula din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #3160 Sitting 78 2018-02-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle – manutenzjoni fuq garden furniture

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk saritx xi forma ta’ manutenzjoni, speċjalment fil-garden furniture stallata fil-ġnien pubbliku Villa Rundle fil-Belt Victoria, Għawdex, minn meta ġie inawgurat il-ġnien imsemmi sal-ġurnata meta ġiet magħmula din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li qed issir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-garden furniture tal-ġnien Villa Rundle b’mod regolari. Il-Gazebo, l-kannizzati u l-bankijiet jiġu trattati biż-żejt (teak oil). Ta’ min jgħid ukoll li saret il-manutenzjoni neċessarja fuq il-qiegħ tal-ġiebja tal-funtana li hemm fl-istess ġnien. Il-Villa Rundle wkoll qed tiġi mżejjna meta jkun hemm festi partikolari.
Leg 13 PQ #3161 Sitting 78 2018-02-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għall-Finanzi

Każini tal-baned u soċjetajiet mużikali – grants jew sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatawx xi grants jew sussidji lill-każini tal-baned jew soċjetajiet mużikali fil-ħames ġimgħat ta’ qabel it-3 ta’ Ġunju 2017? Jekk fl-affermattiv, min kienu l-każini tal-baned/soċjetajiet mużikali li bbenefikaw minn dawn il-grants jew sussidji? Kemm kienet is-somma totali li ngħatat lil kull każin partikulari? Għal liema skop ingħatat din is-somma? Minn liema fond pubbliku ngħataw dawn is-somom ta’ flus? Jista jgħid ukoll jekk kienx hemm talbiet għalihom minn dawn il-każini u min approva l-grant jew sussidju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-fond tan-National Lotteries Good Causes Fund kompla bil-programm tiegħu matul il-perjodu msemmi fil-mistoqsija. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-applikazzjonijiet inklużi dawk magħmula minn każini iridu jsiru skont ir-regolamenti u li dawn it-talbiet jiġu evalwati u approvati minn Advisory Board li jgħaddihom lill-Ministru għall-Finanzi għall-approvazzjoni tiegħu.
Leg 13 PQ #3162 Sitting 78 2018-02-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq Santa Dminka – rranġar ta’ triq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li tittranġa t-triq li titlaq mir-Rabat Għawdex u tibqa’ sejra sal-Munxar (Triq Santa Dminka)?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħejja pjan sabiex jiġu asfaltati diversi toroq.

Għawdex – xogħlijiet fuq il-Port tal-Imġarr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’xogħlijiet ta’ tiswija s’issa u kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet fuq il-moll tal-Port tal-Imġarr Għawdex (eżattament taħt fejn hemm il-gabbani u ż-żona fejn jittrakka l-vapur bil-lejl sa fejn tittrakka l-Patrol Boat tal-Forzi Armati)? Ftit ta’ żmien ilu is-surveyors tat-trasport sabu dabien fond diversi metri taħt dan il-moll b’riskju kbir għall-ħajjiet tal-pubbliku, impjegati u anki l-ammont ta’ vetturi li jipparkjaw hemm f’każ li jċedi dan il-moll.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li saru tiswijiet ta’ ħsarat u manutenzjoni fuq il-mollijiet fl-Imġarr, Għawdex li jammontaw għal €241,902.64. Madanakollu, Transport Malta ma għandhiex konjizzjoni ta’ xogħlijiet partikolari fil-parti msemmija, cjoe’ fejn jitrakka l-vapur bil-lejl sa fejn il-Patrol Boat tal-Forzi Armati. Is-survey imsemmi fl-Imġarr sar min Transport Malta bħala parti minn monitoraġġ tal-infrastruttura marittima. Dan qiegħed jintuża għad-disinn tat-tiswijiet meħtiega u preparamenti għal sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fix-xhur li ġejjin. Jien infurmat li ma hemmx ħsarat taħt dan il-moll b’riskju imminenti għall-pubbliku, impjegati jew vetturi li jipparkjaw hemm jew riskju li jċedi dan il-moll kif qed jagħti l-impressjoni l-Onor. Interpellant.

Digriet mogħti mill-Qorti dwar Ambaxxatur

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2928, jista’ l-Ministru jgħid kif għadu ma ġiex sospiż l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament wara li nħareġ digriet mogħti mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta fil-31 t’Ottubru 2017 (Gazzetta tal-Gvern numru 19,899, paġni 12505 u 12506 u li kopja tagħha qed tingħata separatament) li jirreferi għall-inċident serju stradali bil-karozza uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ? L-Ambaxxatur kellu dritt jagħmel użu minn vettura uffiċjali (number plates qed jingħataw separatament) waqt li qiegħed Malta u mhux jaqdi l-funzjonijiet tiegħu l-Olanda?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-kontenut tal-Mistoqsija Parlamentari huwa inkorrett, kemm fis-sustanza kif ukoll fil-fatti.
Leg 13 PQ #3153 Sitting 77 2018-01-31 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Skejjel tal-Gvern — manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huma dawk l-iskejjel tal-Gvern f’Għawdex li matul il-vakanzi tas-sajf li għadda, saritilhom xi forma ta’ manutenzjoni? Jekk saret din il-manutenzjoni, tista’ tgħid liema kienu dawn l-iskejjel u kemm hi l-istima tas-somma li intefqet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, iżda kull meta l-Ministeru għal Għawdex jintalab l-assistenza, dejjem huwa dispost li jagħtiha. Eżempju ta’ każ bħal dan kien fis-Sajf 2017 fejn saru xi xogħlijiet ta’ white washing u plastering fl-iskola primarja tal-Għarb Għawdex.
Leg 13 PQ #3154 Sitting 77 2018-01-31 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ir-Rabat – Victoria Bus Terminus

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol fuq l-aċċess li minn ħdejn il-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat, Għawdex, jagħti għall-Victoria Bus Terminus? Tista’ tindika meta se jiġi fi tmiemu dan il-proġett u kemm huwa stmat li ser jiġi jiswa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa jinsabu għaddejin ix-xogħolijiet fuq l-M&Es u qiegħda fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni l-offerta tal-finishes liema offerta inħarġet f’Diċembru 2017. Ix-xogħol li fadal biex jitlesta l-proġett huwa dak ta’ finishing u M&Es liema xogħlijiet huma stmati li ser jiswew circa miljun ewro. Ix-xogħlijiet imsemmija huma stmati li jridu madwar ħames xhur minn meta jiġi aġġudikat it-tender sabiex jitlestew.
Leg 13 PQ #3155 Sitting 77 2018-01-31 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t’Għawdex – konsultazzjoni dwar is-sit il-ġdid

Question

Peress li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar is-sit il-ġdid tal-Qorti f'Għawdex spiċċa fis-17 ta’ Diċembru li għadda, tista’ l-Ministru tindika meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol u meta hija l-mira li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll kemm huwa stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li x-xogħol hu ppjanat li jibda appena jiġu approvati t-tibdiliet fil-pjan lokali, tiġi pproċessata l-applikazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar u jiġu aġġudikati t-tenders. Skont it-timeframes tal-Ministeru, il-proġett hu maħsub li jitlesta sas-sena 2022, hu stmat li jiswa €5.5 miljun (VAT eskluż).
Leg 13 PQ #3156 Sitting 77 2018-01-31 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Port tal-Imġarr – parkeġġ

Question

Peress li l-maġġoranza tal-Għawdxin li jaħdmu Malta qegħdin isibuha diffiċli biex jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-Port tal-Imġarr qabel jitilgħu abbord il-vapur, tista’ l-Ministru tgħid jekk, apparti il-Park and Ride ppjanat, il-Gvern preżenti għandux il-ħsieb, u mhux fi żmien ‘il bogħod, li jibda xogħol fuq parkeġġ ġdid fl-imsemmi port?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir eżerċizzju ta’ Cost Benefit Analysis fuq il-park and ride u hemm ukoll survey onlajn. It-terminu konċess għall-finalizzazzjoni tas-CBA huwa fil-5 ta’ Marzu 2018.

Vjaġġi tal-merkanzija bejn il-Port tal-Imparr u l-Port il-Kbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed isiru vjaġġi tal-merkanzija bejn il-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir? B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26091 tat-12-il leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-imsemmija kumpanija waslitx f’xi ftehim?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #3141 Sitting 76 2018-01-30 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Vjaġġi tal-merkanzija bejn il-Port tal-Imparr u l-Port il-Kbir

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhux qed isiru vjaġġi tal-merkanzija bejn il-Port tal-Imġarr u l-Port il-Kbir? B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26091 tat-12-il leġiżlatura, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-imsemmija kumpanija waslitx f’xi ftehim?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd qiegħda tipprovdi servizz alternattiv għall-ġarr tal-merkanzija lejn iċ-Cirkewwa. Il-kumpanija introduċiet inċentiv għall-operaturi tal-ġarr ta’ merkanzija fejn qiegħda tissussidja n-nol għall-ġarr ta’ din il-merkanzija meta din tinġarr fuq il-vjaġġi illi jsiru matul il-lejl. Fil-fatt matul is sena 2017, dan is-sussidju laħħaq is-somma ta’ €157,491.

Għawdex — Għarb u Qala – rispons tal-ambulanzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir dwar ir-rispons miżeru tal-ambulanzi, speċjalment ir-rispons lejn il-lokalitajiet tal-Għarb u l-Qala? Dan sabiex jiġi evitat inċident mhux aċċettabli bħalma ġara fil-11 ta’ Frar 2017 fil-belvedere tal-Qala fejn ċiklista Malti ta’ 45 sena miet b’attakk tal-qalb fuq il-post wara li dam jistenna ambulanza għal 32 minuta.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sena sar titjib fil-vetturi tal-Ambulanzi f’Għawdex fejn inkrew 3 ambulanzi ġodda għad-dispożizzjoni u l-esiġenzi tal-pazjenti tagħna. Dan sakemm jiġu 3 ambulanzi ġodda li ġew ordnati għall-isptar Ġenerali t’ Għawdex. Rigward il-każ imsemmu minnu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għal kuntrarju għal li qed jgħid hu, l-ambulanza waslet fuq il-post fi 15 il-minuta u l-pazjent kien fl-isptar Ġenerali t’ Għawdex għal aktar kura f’inqas minn 30 minuta minn meta saret it-telefonata.