Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Indja – Kummissjoni Għolja — uffiċjal

Question

Peress li l-uffiċjal diplomatiku li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie mwaqqaf ħesrem mill-posting tiegħu u ġie ordnat lura Malta mingħajr ebda raġuni valida, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li ġara dan, fil-Kummissjoni Għolja fl-Indja marx xi uffiċjal għoli ieħor mis-16 ta’ Lulju li għadda sal-lum? Jekk iva, min hu jew hi dan l-uffiċjal u kemm ser ikun it-terminu tiegħu fl-Indja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif dejjem kienet il-prassi, tibdil fil-Missjonijiet Maltin isiru minn żmien għal żmien.Inżid ngħid li ġie mibgħut uffiċjal ieħor.

Uffiċjali/diplomatiċi– każijiet quddiem il-PSC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm uffiċjali/diplomatiċi tal-istess Ministeru ħadmu mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Marzu 2013 sal-lum u llum m’għadhomx? X’kienu r-raġunijiet li m’għadhomx jaħdmu magħha u kemm każijiet spiċċaw quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC)? Kemm uffiċjali ngħataw warnings bil-miktub u/jew charges ta’ kull tip? Kemm infetħu każijiet il-qorti minn dawn il-ħaddiema?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nixtieq nippreċiża li r-riposta ser tingħata fil-rigward tal-perjodu li jibda Ottubru 2014 minn meta l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inħatret Direttur fi ħdan il-Ministeru, sal-lum. Kien hemm erbatax-il persuna li kienu jaħdmu taħt id-direzzjoni tagħha u li llum m’ghandhomx għar-ragunijiet li ġejjin: Tnejn (2) ħadu pożizzjoni għola f’Ministeri oħrajn; wieħed (1) intbgħat jistudja iżda reġa lura fl-istess Direttorat; wieħed (1) laħaq Ambaxxatur; wieħed (1) laħaq Direttur; tnejn (2) ġew rilokati għall-doveri ġodda fil-Ministeru; erbgħa (4) ħadu posting f’Ambaxxati Maltin barra minn Malta; tnejn (2) ħarġu bil-Maternity Leave; u wieħed (1) sfortunatament ħalliena. Ma kien hemm l-ebda każ li spiċċa quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. L-ebda uffiċjal ma ngħata warning bil-miktub jew charge ta’ kull tip. Ma nfetaħ l-ebda każ il-qorti minn l-ebda ħaddiem.

Ministeru għall-Affarjiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ u ambaxxati – żamma ta’ files

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu l-files ta’ kull tip (personali, tal-accounts, eċċ.) li ma jintużawx iżjed kemm tal-Ministeru kif ukoll tal-Ambaxxati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-files li ma jintużawx iżjed jinżammu fil-binja tal-Ministeru ġewwa Palazzo Parisio; fil-binja tad-Direttorat Servizzi Korporattivi; u ġo mħażen oħra li jintużaw għal dan l-iskop mill-Ministeru. L-Ambaxxatti iżommu l-files fil-binja taċ-Chancery.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – pjanijiet ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali li għandhom pjanijiet ta’ emerġenza (emergency plans)? Liema huma dawk li m’għandhomx? Dawk li m’għandhomx, meta beħsiebhom ifasslu l-pjanijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 26 li għandhom u 10 li s’issa għad m’għandhomx fejn f’numru minnhom qed isiru l-pjani neċessarji.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – files

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa liema sena, l-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali jżommu l-files uffiċċjali fil-premises tagħhom? Il-files li m’għadhomx jintużaw x’isir minnhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-files uffiċjali jinżammu skont l-Att Dwar Arkivji Nazzjonali (Kap 477) u bħallissa il-prassi hi li il-files jibqgħu jinżammu fil-premises jew ġo post ta' ħażna adegwat qrib l-ambaxxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali. Fil-kas ta’ files ta’ uffiċjali li jaħdmu mal-ambaxxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti dawn jiġu miżmumha skont il-Public Service Management Code (PSMC), sezzjoni 6.3.2 Retention Policy For HR Documents. Fejn hu permess, meta jiskadi il-perjodu li jinżammu kif indikat fil-PSMC, dawn jitneħħew billi jiġu mqatta’ (shredded) b’apparat ta’ livell sigur.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – kuntatt dirett mad-diplomatic police/officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali għandhom kuntatt dirett u istantanju (kemm tagħfas buttuna f’każ t’emerġenza) mad-diplomatic police/officers lokali inkarigati mis-sigurtà tal-korpi diplomatiċi tal-pajjiżi rispettivi? Normalment, kemm hu r-response time mid-diplomatic police/officers f’kull ambaxxata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura sensittiva u li tista’ tkun tfisser nuqqas ta’ sigurta għad-diplomatiċi u għall-persuni li jaħdmu fl-istess binjiet, ma jkunx responsabbli li tinħareġ din l-informazzjoni li hija ikklassifikata bħala kunfidenzjali.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti, konsli ġenerali u s-Segretjat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – spejjeż ta’ mobiles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-ispejjeż tal-mobiles kollha użati mill-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali u mis-segretarjat tal-Ministru kull sena mill-2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – senior programme officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Senior Programme Officers ġew ingaġġati mill-Ministeru u f'liema direttorati ġew assenjati dawn l-uffiċjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda fit-tabella hawn taħt. Numru Direttorat Tnejn (2) Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji Tnejn (2) Direttorat Għall-Iżvilupp Internazzjonali, Affarijiet Ekonomiċi u Istituzzjonijiet Ewropej Wieħed (1) Kummisjoni Għolja ta’ Malta f’Canberra Wieħed (1) Ambaxxata ta 'Malta fi Vienna

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – laqgħat fuq traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru tiegħu saritx laqgħa fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar 2016 bejn uffiċjali għolja tal-Ministeru, membri tas-Segretarjat tal-istess Ministeru u l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar it-traffikar taż-żejt mil-Libja għall-Italja? Jista’ jpoġġi l-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-inkjesta li saret dan ma jirriżultax. Mir-rekords tal-Ministeru jirriżulta li l-individwu inkwistjoni kellu x’jaqsam mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin sal-2004 meta, taħt amministrazzjoni mmexxija mill-Partit li jagħmel parti minnu l-istess Onorevoli interpellant, dan kien jaħdem bħala person of trust fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, Joe Borg.

Direttur Maltin li jgħixu barra– Thematic Meeting on Diaspora Engagement Strategies f’Bamako, il-Mali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Maltin li Jgħixu Barra għal-laqgħa li attenda Thematic Meeting on Diaspora Engagement Strategies li saret bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru 2016, f’Bamako, il-Mali?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għall-mistoqsija parlamentari 3595.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – kontribuzzjoni lil Diplo Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-kontribuzzjoni (finanzjarja jew f’kull forma oħra ta’ għajnuna) tal-Ministeru tiegħu lid-Diplo Foundation minn Jannar 2014 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill 2014 sal-lum tħallsu wieħed u erbgħin elf, tlett mija u ħames ewro u tnejn u sebgħin ċenteżmu (€41,305.72) f'kera tal-uffiċini tad-Diplo Foundation u mitejn u tmenin elf ewro (€280,000) f'kontribuzzjonijiet oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – kontribuzzjoni lil Small States of Excellence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-kontribuzzjoni (finanzjarja jew f’kull forma oħra ta’ għajnuna) tal-Ministeru tiegħu lis-Small States of Excellence? Fejn hu l-uffiċċju tagħhom fil-premises tal-Ministeru u xi staff ipprovdilhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-ftehim li l-Gvern Malti għamel mal-Commonwealth, Malta qiegħda tikkontribwixxi €100,000 liċ-Ċentru fuq bażi annwali. Barra minnhekk, il-Gvern ingaġġa s-servizzi ta’ uffiċjal għoli f’livell ta’ Deputat Direttur (ekwivalenti għall-grad ta’ Assistent Direttur fis-servizz publiku) li l-paga tiegħu hija addizjonali għal dan l-ammont. Il-Gvern qed ukoll jipprovdi uffiċċju fil-binja numru 172, ġo Triq Melita, fil-Belt Valletta li jifforma parti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, minn fejn qed jopera bħalissa kif ukoll tagħmir elettroniku għaż-żewġ impjegati ta’ dan iċ-Ċentru, jiġifieri d-Deputat Direttur kif ukoll it-Technial Advisor imħallas mill-ComSec.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti – facebook/twitter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti u konsli ġenerali jagħmlu użu minn xi kont tal-facebook/twitter jew xi forma ta’ media soċjali ieħor b’mod uffiċjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum m'hemm l-ebda account ta' media soċjali uffiċjali imma l-Ministeru qed jipprepara policy biex fil-ġejjieni qrib ikun hemm kontijiet uffiċjali.

Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda – kandidatura ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru fir-rigward tal-kandidatura ta’ Malta għal siġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fl-2022?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, flimkien mal-Missjoni Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda, qed jagħmel evalwazzjoni dettaljata ta’ diversi aspetti relatati mal-kandidatura ta’ Malta. Fost oħrajn, qed tiġi mfassla n-narrattiva tal-kandidatura li telenka l-pożizzjoni ta’ Malta fuq diversi temi u r-rwol u l-inizzjattivi li pajjiżna addotta fid-diversi Organizzazzjoniet Internazzjonali li Malta hija membru tagħhom mill-Indipendenza ‘l hawn.

Il-Kanada – Ottawa – ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jiftaħ Kummissjoni Għolja Maltija fil-belt ta’ Ottawa fil-Kanada?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa m’hemmx il-ħsieb li tinfetaħ Kummissjoni Għolja Maltija f’Ottawa, il-Kanada.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – CIO – viżiti fil-Kuwajt

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżodu taż-żewġ viżiti taċ-Chief Information Officer (CIO) fil-Kuwajt bejn it-2 u s-6 ta’ Diċembru 2014 u bejn it-18 u t-22 ta’ Jannar 2015 intitolata Kuwait project? Jista’ jitpoġġa r-rapport ta’ din il-viżita fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

B’referenza għal din il-mistoqsija, ma nistax nifhem ‘x’eżodu’ jista' jkun hemm.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – CIO – viżiti f’Saint Petersburg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li ċ-Chief Information Officer (CIO) attenda High Level Meeting f’Saint Petersburg bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2017? Jista’ jitpoġġa r-rapport ta’ din il-viżita fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żjara taċ-Chief Information Officer (CIO) bejn id-19 u l-21 ta’ Jannar 2017 kienet żjara relatata mas-sistema elettronika tal-Visa.

Direttur Ġenerali tal-Politika, Affarjiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra – international dialogue on migration 2014

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Ġenerali tal-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra tal-laqgħa International Dialogue on Migration 2014 li attendiet bejn it-23 u s-26 ta’ Marzu 2014 f’Ġinevra, l-Iżvizzera?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf, dawn ir-rapporti huma għall-użu intern tal-Ministeru.

Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji – Swearing-in Ceremony of the Iranian President

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji dwar l-attendenza tiegħu għas-Swearing-in Ceremony of the Iranian President bejn l-4 u s-6 ta’ November 2017 f’Tehran l-Iran?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm żjarat fl-Iran fid-dati msemmija fil-mistoqsija parlamentari.

Direttur Affarijiet Ewropej – delegazzjoni għand is-SMOM f’Ruma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2947, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li sar mid-Direttur Affarijiet Ewropej li kienet tifforma parti mid-delegazzjoni li marret għand is-SMOM bejn is-17 u t-18 ta’ Frar 2015 f’Ruma l-Italja?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3595.