Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #3907 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għat-Turiżmu

Vitals Global Healthcare — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx iltaqa’ mal-persuni tal-Vitals Global Healthcare qabel ma ħareġ it-tender?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm jiena bħala Ministru dak iż-żmien, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa dak iż-żmien, konna preżenti għal preżentazzjoni ta’ proposta għall-investiment fi strutturi fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Din il-preżentazzjoni saret lill-Malta Enterprise minn promoturi tal-proġett. Il-Gvern kien però iddeċieda li l-ħtiġijiet ta’ Malta huma differenti u għalhekk għandu jfittex proposti t’investiment differenti u aktar ħolistici li jmorru lil’ hinn mill-isptar t’Għawdex. Il-Gvern ħareġ sejħa pubblika li kien qed ifittex investiment mhux biss għall-isptar t’Għawdex imma wkoll għall-isptar ta’ St Luke’s u Karin Grech sabiex jolqot il-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Leg 13 PQ #3908 Sitting 89 2018-03-05 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għat-Turiżmu

Vitals Global Healthcare – Bord tal-Aġġudikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien kompost il-Bord tal-Aġġudikazzjoni li ddeċieda favur il-Vitals Global Healthcare? Jista’ jagħti d-dettalji tal-ismijiet, kif ukoll min ħatarhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Jekk bl-espressjoni “li ddeċieda favur” l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Bord li evalwa l-offerti għat-tmexxija ta’ ċerti servizzi ta’ kura fl-isptarijiet, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord ta’ Evalwazzjoni kien kompost minn persuni maħtura mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Enerġija minn fost persuni b’esperjenza fil-qasam tal-proġetti pubbliċi u tas-saħħa, u li għandhom l-indipendenza tal-ġudizzju meħtieġa biex iwettqu dik il-funzjoni, u dan kif dejjem isir. Peress li l-membri tal-Bord jaġixxu fil-mansjoni uffiċjali u mhux personali, il-Gvern ma jħossx li jkun korrett li d-data personali tal-individwi tiġi mxandra.

Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex

Question

Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn m’għamlux lill-Malta Industrial Parks responsabbli (skont xogħolha) mill-kiri jew l-għoti b’ċens ta’ dawn il-garages li ser jinbnew u mhux tawhom lis-settur privat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija 3895 u għall-istqarrijiet maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru 180190 u 180210.

Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – deċiżjoni tal-Malta Industrial Parks

Question

Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux l-intenzjoni sabiex, bħala l-Ministru responsabbli, jintervjeni u jirrevedi din id-deċiżjoni tal-Malta Industrial Parks?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija 3895 u għall-istqarrijiet maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru 180190 u 180210.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – emergency ambulance responders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslet is-sitwazzjoni tal-emergency ambulance responders (EARs) tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejjin laqgħat mar-rappreżentanti tal-EARs fi ħdan il-UĦM, sabiex jiġi diskuss u jintlaħaq qbil li xogħol li ma’ jaqax fil-job description ta’ EAR ma’ jibqax isir minn dawn l-istess ħaddiema. Bħalissa, permezz ta’ direttiva mill-istess Union, l-EARs qegħdin jagħmlu biss xogħol ta’ emerġenza jew transfers ta’ pazjenti b’ambulanza.

Komunikazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Vitals Global Healthcare – nuqqasijiet li jimxu mal-ftehim

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarux komuniki mill-Ministeru tiegħu jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, l-ittri legali jew ittri ġudizzjarji kontra l-Vitals Global Healthcare minħabba nuqqasijiet tagħhom li jimxu mal-ftehim? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħdhom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista jgħid għaliex le? Jista’ jgħid meta l-Vitals naqsu b’mod ċar milli jonoraw obbligi importanti mill-kuntratt tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġa nfurmajt lill-kamra, l-obbligazzjonijiet tal-VGH kienu marbuta mal-ħruġ ta’ permessi u liċenzji relattivi sa dati speċifiċi. Il-Gvern fi kwalunkwe każ jirriserva d-drittijiet tiegħu skont it-termini tal-kuntratti relattivi.

Vitals Global Healthcare — pagamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti skeda tal-pagamenti kollha li rċevew il-Vitals Global Healthcare (VGH) u ħdejn kull pagament x’jirrapreżenta dak il-pagament u meta sar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3310.

Vitals Global Healthcare – parir legali dwar il-ħlas li qed jingħataw

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-Vitals Global Healthcare (VGH) baqgħu jitħallsu meta kienu naqsu milli jagħmlu l-parti tagħhom kif iddettat mill-kuntratt? Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax parir legali dwar dan? Jista’ jgħid jekk għandux il-parir bil-miktub? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi dan il-parir bil-miktub fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3900.
Leg 13 PQ #3903 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – ittri b’offerti lill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed jintbagħtu ittri b’offerti lill-impjegati tal-Airmalta sabiex dawn iħallu l-linja tal-ajru u jinqatgħu minn fuq il-kotba tal-Airmalta? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn humiex qegħdin jiġu offruti xogħol ġdid?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat li l-impjegati tal-Air Malta ser jirċievu informazzjoni dwar l-iskemi tal-iritirar kmieni, kif maqbula fil-ftehim kollettiv rispettivi.
Leg 13 PQ #3904 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għat-Turiżmu

Airmalta – ħlas għall-skemi tal-irtirar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2813, jista’ l-Ministru jgħid kif jista’ jkun li l-iskemi tal-irtirar se jiġu mħallsa mill-Airmalta, jekk fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija Airmalta għamlet telf? Jista’ jgħid jekk dan huwiex state aid?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi tal-irtirar se jiġu implimentati kif miftiehem mal-Unions fil-Ftehim Kollettiv u kif stipulat fil-pjanijiet kummerċjali tal-kumpanija. Dawn l-iskemi se jkunu ffinanzjati mill-Kumpanija u mhemmx state aid.
Leg 13 PQ #3905 Sitting 88 2018-02-28 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għat-Turiżmu

Vitals Global Healthcare – flus mgħoddija favur il-Gvern Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti imponiex xi flus li jgħaddu favur il-Gvern Malti f’każ li l-Vitals Global Healthcare teżerċita d-dritt t’assenjazzjoni? Jekk le, għalfejn meta kien qed jinnegozja ma ħasibx f’dan għall-ġid tal-poplu Malti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-kuntratti li diġa’ ġew imqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali — photocopies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru photocopies minn kull photocopier tal-ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Mhux qed nifhem l-utilità li tali informazzjoni tiġi miġbura aktar u aktar minħabba r-riżorsi li jridu jintużaw u li dawn jistgħu jkunu aktar utli mod ieħor.

Xewkija Għawdex – inħawi tal-Barmil – proċess għal żvilupp minn kuntrattur privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li jaf bil-proċess li bdiet il-Malta Industrial Parks sabiex tagħti aktar minn tnax-il tumolo t’art fl-inħawi tal-Barmil, Xewkija, Għawdex lill-kuntrattur privat ħalli jiżviluppaha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni tal-Art inkwistjoni saret b’rispett sħiħ lejn artikolu 31 tal-Att Dwar Artijiet tal-Gvern, Kapitolu 573 tal-liġijiet ta’ Malta, liema liġi tipprovdi li art industrijali tista’ tkun allokata jekk l-applikant jipprova li l-proġett industrijali propost huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-pajjiż u li n-numru ta’ impiegi li joħloq huwa adegwat. Kif ikkonfermat fl-istqarrija numru 180190 maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni, il-benefiċċju ekonomiku ta’ dan il-proġett, li se jkun qiegħed jipprovdi 279 impjieg, kien ikkonfermat minn rapport independenti ikkumissjonat mill-Malta Industrial Park.

Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – Malta Industrial Parks – regoli tal-Public Procurement

Question

Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax parir fuq jekk il-Malta Industrial Parks imxietx skont ir-regoli tal-Public Procurement kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea f’dan il-każ u dan sabiex bħala l-politiku responsabbli jivverifika dak li għamlet il-Malta Industrial Parks?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 3895 u għall-istqarrijiet maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru 180190 u 180210.

Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – Malta Industrial Parks – parir mid-Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dan il-każ il-Malta Industrial Parks ħaditx parir mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħadet din id-deċiżjoni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 3895 u għall-istqarrijiet maħruġa mid-dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru 180190 u 180210.

Inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex – ħruġ ta’ proċess kompetittiv

Question

Peress li bħalissa hemm xogħlijiet li qed isiru fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’dan il-każ partikolari ma nħariġx proċess kompetittiv fuq xi ħaġa ta’ valur daqshekk kbir?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors tal-Budget tal-2010, fejn intqal li “Fl-2010 se ninvestu ’l fuq minn 16-il miljun ewro fiż-żoni industrijali ta’ Kordin, Ħal-Far, Bulebel, il-Mosta u x-Xewkija, filwaqt li bi sħubija mas-settur privat intelqu ż-żewġ micro-enterprise parks ġewwa l-Mellieħa u x-Xewkija Għawdex.” Effettivament, kif ġara f’diversi oqsma oħra, kellu jkun dan il-Gvern li jwettaq dawn il-proġetti, li f’dan il-kaz għandu jkomplu jistabilixu l-Għawdex bħala Ċentru ta’ attivita’ ekonomika f’diversi setturi u jkompli jkattar aktar impjiegi ta’ kwalita’.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2793, jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom (iżidhom fit-tabella li diġà tana) ta’ kull konsulent u l-iskop għal xiex inħatar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – Diplomatiċi/uffiċjali – duty officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kriterji jintużaw sabiex diplomatiċi/uffiċjali fil-Ministeru tiegħu jitpoġġew fuq il-lista u jaħdmu bħala duty officers wara l-ħin tax-xogħol? Kemm hemm minn dawn id-duty officers u kemm jitħallsu s-siegħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ipprovdut fiċ-Ċikulari Interna nru. 3/2013 maħruġa mill-Ministeru fid-19 ta’ Frar 2013, kemm l-impjegati tas-servizz diplomatiku kif ukoll l-impjegati tas-servizz ċivili, minn skala 11 sa skala 6, huma eliġibbli li jservu fuq il-lista tad-Duty Officer Roster On-call Service. Kull min ikun imissu jkun on-call iservi għal perjodu ta’ 7 t’ijiem. Il-ħlas totali ta’ kull uffiċjal huwa ta’ Euro 100, li jingħata bħala allowance.

Għaqdiet Għawdxin – għajnuna/proġetti approvati mill-Overseas Development Aide

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għaqdiet Għawdxin ingħataw għajnuna/ġew approvati proġetti ffinanzjati mill-Overseas Development Aide, kull sena minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant,filwaqt li ma naħsibtx li f’dan il-kaz għandha ssir distinzjoni bejn Malta u Għawdex, kien hemm żewġ għaqdiet li l-proġetti tagħhom ġew iffinanzjati.

Ambaxxati/Kummissjonijiet għolja/rappreżentanti u konsli ġenerali – talbiet ta’ informazzjoni dwar kummerċ, konsulari u turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ambaxxati/kummissjonijiet għolja/rappreżentanti permanenti, konsli ġenerali rċevew talbiet ta’ informazzjoni dwar kummerċ, konsulari u dwar turiżmu kull sena minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’rabta ma’ l-oqsma kollha li ssemmew,talbiet isiru b’mod regolari.