Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra — Rwol ta’ Persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’poteri ngħataw lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ‘il hinn mill-irwol tagħha ta’ Direttur Ġenerali għall-Politika, Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Maltin ta’ Barra biex qed tindaħal fir-remit tad-Direttorat Ġenerali Global Issues? Min eżattament qed imexxi l-Ministeru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija taqdi d-doveri tagħha skont kif ikun mitlub minnha mis-superjuri tagħha.
Ambaxxati – background checks fuq locally engaged staff
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3123, jista’ l-Ministru jgħid sarux background checks fuq is-sewwieq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta f’Ġinevra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna,li qed jirreferi għalija separament,ġiet ingaġġata fi żmien Gvern Nazzjonalista.Għaldaqstant kien fil-kompitu tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien li, qabel effettivament ingaġġha,jassigura ruħu minn dak li qed jitħasseb dwaru l-Onor. Interpellant illum.
Jekk l-Onor. Interpellant irid jgħaddi xi dettalji ulterjuri dwar il-persuna,li rrefera għaliha fil-mistoqsija,anke b’mod kunfidenzjali,nistiednu biex minnufih jinformani u/jekk iħoss il-ħtieġa jinforma anke lill-Pulizija.
Peress li l-Gvern Malti kien ħabbar li sa Settembru 2016 ser jintroduċi gender-neutral toilets fil-binjiet tal-Ministeri kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm gender-neutral toilets fil-kwartieri ġenerali ta’ Palazzo Parisio u x'perċentwal dan jirrappreżenta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s’issa hemm tmintax (18) il Tiolet f’Palazzo Parisio. Ħamsa (5) minnhom u cioe’ 30% tat Toilets kollha huma gender-neutral.
Deċiżjoni għall-amalgamazzjoni tas-Certifying Authority u l-Managing Authority
Question
B’referenza għas-Certifying Authority li hija responsabbli li tiggarantixxi l-preċiżjoni u l-integrità ta’ dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż u talbiet għall-pagamenti qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea u min-naħa l-oħra, il-Managing Authority hi responsabbli ta’ immaniġġar effiċjenti u l-implimentazzjoni ta’ programm operazzjonali taħt l-awspiċji tal-politika ta’ koeżjoni għal 2014-2020, tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni rigward id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex dawn iż-żewġ entitajiet jingħaqdu f’waħda f’Malta, kif ukoll tispjega r-raġuni wara din l-amalgamazzjoni? Tista’ tikkonferma jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern sabiex jgħaqqad lil dawn iż-żewġ entitajiet kenitx approvata mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma ġiet implimentata u, jekk kienet approvata, fuq liema bażi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bħalissa għaddejja ħidma ta’ konsolidament tax-xogħol marbut mal-ġestjoni tal-Fondi Ewropej. Dan għandu jwassal għar-razjonalizazjoni tal-proċessi w r-riżorsi meħtieġa f’dan il-qasam. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-entitajiet konċernati f’pajjiżna ġew infurmati dwar dan il-proċess li għandu jintemm fil-ġimgħat li ġejjin.
Kummissjoni Ewropea – Certifying Authority — interlokuturi
Question
Peress li sabiex ix-xogħol ta’ Certifying Authority isir kif suppost skont il-leġiżlazzjoni tal-programmi operattivi tal-Unjoni Ewropea, impjegati tas-Certifying Authority ġew innominati bħala interlokuturi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni min huma l-interlokuturi l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea, wara l-għaqda tas-Certifying Authority u l-Managing Authority? Barra minn hekk, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’ġara mill-impjegati u dawk l-impjegati li kienu nnominati bħala l-interlokuturi tal-Kummissjoni qabel din l-għaqda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirriferi għall-Mistoqsija Parlamentari 4252.
Is-
Certifying Authority
hija funzjoni marbuta mal-ġestjoni tal-EU Funding. Għaldaqstant, mill-programm il-ġdid 2014-2020, il-funzjonijiet marbuta mat-tħaddim tal-fondi qed jiġu amministrati mill-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej.
Għaddej proċess ta’ Selezzjoni biex jiġu ingaġġati uffiċjali mill-Ministeru responsabbli. L-uffiċjali imsemmija ngħataw l-opportunità li japplikaw. L-uffiċjali li ma applikawx jew li ma jkunux magħżula jintbagħtu fil-Ministeru jew f’Ministeri oħrajn biex jaħdmu fuq xogħol relatat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3117, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji ta’ telephones, jew li huma żbaljati, jew li ma jirrispondi ħadd qatt, u anke l-ismijiet tal-konsli li ma jsibuhom qatt? Se ssir reviżjoni ta’ minn min dawn il-konsli hemm bżonn insibu min jieħu posthom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull ċirkustanza l-Ministeru jieħu l-azzjoni li tkun tenħtieġ skond il-każ.
Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja/Rappreżentanti Permanenti/Konsli Ġenerali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3113, jista’ l-Ministru jgħid, minkejja li fil-31 ta’ Jannar 2018 skada t-terminu tal-Konslu Ġenerali fil-Belt ta’ Sydney, u l-konsulent tal-Prim Ministru, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ma ġġedditlux it-terminu minkejja li ntbagħat minn Kastilja u jekk dan tneħħiex minħabba d-diżgwid serju li kellu mal-Kummissarju Għoli ta’ Malta f’Kanberra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-asserzjoni tiegħu hija żbaljata.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ– xogħlijiet fuq is-soqfa tat-tielet sular ta’ Palazzo Parisio
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3108, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-periti tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jgħid meta se tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk isirx saqaf ġdid jew inkella jiżdiedu aktar travi tal-ħadid?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandhiex x’inżid aktar mar-risposta li ngħatat fis-17 ta’ Jannar 2018, għall-mistoqsija parlamentari 3108.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa tal-Ambaxxatur Permanenti f’Ġinevra għall-World Trade Organisation (WTO), magħrufa fil-Qosor bħala HOMs, attenda u rrapporta lill-awtoritajiet kompetenti f’Malta, l-envoy għad-WTO li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mill-bidu tal-ħatra tiegħu sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat li għalihom attenda l-istess individwu?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Ambaxxaturi mhux residenti, fejn qed iservu, kemm jitħallsu u meta jiskadi t-terminu tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom huma tal-karriera jew uffiċjali fi ħdan l-istess Ministeru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – programme officers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ix-xogħol qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u x’rwol għandhom fil-Ministeru l-programme officers il-ġodda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kienu jagħmlu il-Programme Officers il-ġodda qabel il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien wieħed varjat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3142, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux jikkunsidra li jbiddel il-proċedura biex ir-rispons tal-ambulanza f'Għawdex, f’każi ta’ emerġenza, ikun iktar immedjat? Peress li s'issa dejjem kienet il-prassi li, f’każ ta’ emerġenza, l-ambulanza titlaq mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, imbagħad tmur tiġbor it-tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex, imbagħad minn hemm tmur fuq il-post tal-inċident, jista’ jgħid huwiex possibbli li l-ambulanza tibda titlaq mill-Isptar Ġeneral ta’ Għawdex bit-tabib mill-Isptar t'Għawdex biex tevita t-traffiku ta’ Pjazza San Franġisk u ta’ ħdejn is-Seminarju tar-Rabat Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej taħriġ pre-hospital sabiex il-bżonn li jintbagħat tabib mal-ambulanza jkompli jonqos.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – inizjattivi tad-diplomazija kulturali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3118, jista’ l-Ministru jgħid x’kriterji ntużaw? Minn min kien kompost il-Bord tal-Għażla għal kull avveniment? Fuq liema bażi ntgħażlu l-artisti mniżżla fir-risposta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kriterji li fuqhom ntagħŻlu l-applikazzjonijiet fejn Missjonijiet applikaw għal fondi tad-diplomazija kulturali, kienu dawn li Ġejjin:
1. Il-kapaċità sabiex ikun reklamat il-proġett propost inkluż il-pjan għall-promozzjoni (5 %)
2. Ċarezza tal-proposta (5 %)
3. Kapaċità tal-proġett propost sabiex jindirizza l-oġġetivi tal-fond għad-diplomazija kulturali (40 %)
4. Jekk hemmx sors ieħor ta’ fondi jew
sponsor
għall-proġett (20 %)
5. Kemm hu prattiku li jiġi mwettaq il-proġett fil-ħin. (25 %)
6. L-element ta’ innovazzjoni fil-proġett propost (5 %)
Il-Bord ta’ l-Għażla kien kompost minn ufiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, uffiċċjal mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll uffiċċjal mill-Arts Council Malta.
Il-proġetti ntagħżlu abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq.
Rappreżentanza ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York — Deputat Rappreżentant Permanenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3124, jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallas l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Fuq liema bażi ntgħażel l-individwu? Jista’ jgħid x’esperjenza għandu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV ta’ dan l-individwu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċjal li qed jagħmel referenza għalih għandu salarju massimu ta’ Skala 7 kif approvat lill-ħaddiema tal-Gvern. L-uffiċjal jirċievi wkoll Post Adjustment Allowance ta’ €71,660 fis-sena. L-uffiċjal intgħażel skont l-esperjenza u l-kompetenza li għandu. Inżid ngħid li mhix il-prassi li tiġi mpoġġija is-CV ta’ individwu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba l-protezzjoni tad-data.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Ambaxxati u Konsulati – rigali fi żmien il-Milied
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3104, jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-‘kollegi l-oħra’ u jekk dawn il-‘kollegi l-oħra’ humiex is-Segretarju Permanenti, xi Direttur Ġenerali, Diretturi u/jew membri tas-Segretarjat tal-Ministru?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Senior Management jinkludi l-iSegretarju Permanenti, id-Diretturi Ġenerali, Diretturi, l-Assistenti Diretturi u ċ-Chief Information Officer, u għaldaqstant il-kollegi l-oħra huma dawk li jaħdmu u jiltaqgħu magħhom fil-Ministeru u mhux huma stess. Rigward it-talba għal lista ta’ dawn il-kollegi l-oħra, jista' l-Onor. Interpellant jindika jekk hux qed jirreferi għal kull min seta’ ħa xi biċċa qagħqa tal-għasel jew xi tamal jew xi ħaga oħra tal-ikel li tqassmu bejn l-istaff minn dawk it-token gifts fiż-żmien tal-Milied bħala turija ta’ kolleġjalità bejn il-ħaddiema?
Inċident Stradali — Digriet mogħti mill-Qorti dwar Ambaxxatur
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2928, jista’ l-Ministru jgħid kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, (illum Ambaxxatur) dakinhar li ġara l-każ f’Lulju 2013, meta kien Segretarju Permanenti, ma ġiex sospiż wara li nħareġ digriet mogħti mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta fil-31 ta’ Ottubru 2017 (Gazzetta tal-Gvern numru 19,899, paġni 12,505 u 12,506 u li kopja tagħha tinsab fil-mistoqsija parlamentari 2928) li jirreferi għall-inċident serju stradali bil-karozza uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mgħandiex aktar xi nżid mat-tweġibiet li diġà tajt.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – Uffiċjali diplomatiċi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3116, jista’ l-Ministru jgħid jekk bil-ħatra tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala Ambaxxatriċi fuq skala 3 fl-4 ta’ Diċembru 2017 jekk il-Gvern huwiex iwarrab ir-regola li kien hemm s’issa, li jkunu biss tliet Ambaxxaturi fuq l-imsemmija skala at any given time?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kapitlu 497 tal-Liġijiet ta’ Malta u ċjoè l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u senjatament It-Tielet Skeda, jindika li Ambaxxatur għandu jkun fi grad ta’ Skala 3.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul in-negozjati li kellu mal-Vitals Global Healthcare, matul il-leġiżlatura li għaddiet, kienx involva lis-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru tiegħu ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Chris Fearne?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati saru minn teams tekniċi. L-istakeholders prinċipali fil-Ministeru, kemm politiċi, tekniċi, amministrattivi, kienu jinżammu aġġornati bl-andament tan-negozjati, kif kien aġġornat ukoll il-Kabinett tal-Ministri li ta approvazzjoni aħħarija tiegħu.