Proposti tal-Kummissjoni Ewropea — taxxa korporattiva ġdida
Question
Peress li ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea ħabret il-proposta tagħha dwar il-Baġit Ewropew għas-snin 2021-2027 u l-Kummissjoni Ewropea tixtieq li l-Unjoni Ewropea tiġbor il-flus minn skema ta' taxxa korporattiva ġdida mis-sistema ta' skambju ta’ emissjonijiet u kif ukoll mill-plastik mormi, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti jaqbilx ma' dawn il-proposti hekk msejjħa ir-riżorsi proprji (own resources)?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza fit-2 ta’ Mejju 2018, li fiha l-Gvern iddikjara li qed jistudja s-sinifikat tal-proposti, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu dwar materji ta’ taxxi. Din il-pożizzjoni kienet ukoll spjegata fin-non-paper tal-Gvern li jiena qgħedt fuq il-mejda tal-Kamra fl-20 ta’ Marzu 2018.
Għajnsielem – Triq l-Imġarr – inċidenti tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ aċċidenti tat-traffiku fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar 10 snin u kemm minnhom kienu fatali, gravi jew hekk imsejħa ħfief?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rreġistrati mal-Pulizija li seħħew fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem matul l-aħħar għaxar snin kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tindika wkoll dawk l-inċidenti li kienu fatali, gravi jew ħfief. Il-figuri ma jinkludux kulliżjonijiet front to rear u inċidenti li jiġu rriferuti u koperti minn Gwardjani Lokali.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika tan-numru ta’ karozzi f’Għawdex li huma rrapportati derelict matul l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn tneħħew mit-toroq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ karozzi, vetturi u makkinarju ieħor li matul l-aħħar ħames snin kienu rrapportati derelict f’Għawdex, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Dawn kollha ħlief għal vettura waħda li ġiet irrapurtata riċentement tneħħew mit-toroq.
2013
2014
2015
2016
2017
2018
(sa April)
Total
46
9
26
73
23
18
195
Gozo channel – duty officers u coordinators – bini ta’ tinda
Question
Peress li d-duty officers u l-coordinators tal-Gozo Channel kemm fl-Imġarr Għawdex, kif ukoll fiċ-Ċirkewwa f’Malta, jaħdmu l-ġurnata kollha esposti għall-elementi kollha tat-temp Malti, inkluż għax-xemx kiefra tas-sajf, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li tinbena tinda għalihom bħalma nbniet tinda għaż-żwiemel il-belt u f’postijiet oħra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li jingħalaq il-proċess tal-adjudication tal-PSO hemm il-ħsieb li ssir tinda fil-Marshalling Area.
Peress li l-unika tennis court, miftuħa għall-pubbliku f’Għawdex, qiegħed fi stat ta’ kważi abbandun, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittranġa jew jinbena ieħor?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie ffinalizzat proġett ġdid ta’ tennis court ġewwa ta’ Kerċem li se jkun għall-użu tan-net sports. Il-bookings jistgħu jsiru onlajn u anke permezz tal-mobile app MyGozo
Kumpanija – ftuħ ta’ ċentru reġjonali għad-Distribuzzjoni f’Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 5356, jista’ l-Ministru jgħidilna jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, talbitx iktar minn 50,000 metru kwadru hekk kif kien imħabbar xi sena ilu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba kienet għall-biċċa art kunsiderevoli.
Kumpanija – ftuħ ta’ ċentru reġjonali għad-Distribuzzjoni f’Malta
Question
Peress li ftit iktar minn sena ilu l-Ministru ħabbar li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks kienu għadhom kif laħqu ftehim mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex jistabbilixxu Ċentru Reġjonali għad-Distribuzzjoni f’Malta li kellu jimpjega 120 ruħ, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett għadux fil-pjan li jseħħ? U jekk iva, f'liema stadju wasal dan il-proġett u meta hu ppjanat li jibda jopera?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett għadu ma ġiex implimentat minħabba l-ammont kbir ta’ art li ġiet mitluba.
Għajnsielem Għawdex – Ras il-Ħobż – każijiet ta’ leakage ta’ drenaġġ
Question
Peress li matul dawn l-aħħar snin kien hemm każijiet (u għad hemm) ta’ leakage ta’ drenaġġ li jinżel minn mal-blat u jibqa’ sejjer fil-baħar f’Ras il-Ħobż, Għajnsielem, Għawdex u peress li din hija żona frekwentata ħafna mill-bugħaddasa minħabba li hemm xi dgħajsa jew vapur mgħerreq, tista’ l-Ministru tgħid x’pjanijiet hemm biex din il-problema tissolva darba għal dejjem?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed f’taħdidiet mal-Ministeru tal-Enerġija u Mmaniġġjar tal-Ilma kif ukoll mal-Water Services Corporation biex tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr u tkun long term.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan operazzjonali ta’ Themis li taqa’ taħt Frontex (Frontex hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-pjan operazzjonali ta’ Themis li taqa’ taħt Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, hu dokument b’ċirkolazzjoni ‘Limitata’ u għalhekk ma tistax tkun ta’ dominju pubbliku. Madanakollu, ma hemm l-ebda oġġezzjoni li l-Onor. Interpellant jingħata aċċess limitat u jiġi jara l-pjan privatament ‘in camera’.
Tfittxija u Salvataġġ ta' immigranti fil-Mediterran
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-fini ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ immigranti fil-Mediterran, it-Tuneżija hijiex meqjusa mill-Gvern Malti bħala closest safe port?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, it-Tuneżija hija meqjusa bħala safe port.
Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna – perjodu ta’ konsultazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid huwiex beħsiebu jiftaħ il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan lokali t’Għawdex u Kemmuna? F’kull eventwalità, jista’ jgħid meta se joħroġ l-abbozz tal-pjan lokali u meta se joħroġ il-pjan lokali finali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.
Peress li l-Kummissarju Ewropew li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie Malta biex jiddiskuti l-Baġit tal-Unjoni Ewropea bejn l-2020 u l-2027, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti ppreżentax il-pożizzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea f’xi laqgħat fi Brussell? Jekk iva, tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pożizzjoni tal-Gvern Malti?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qasam il-ħsibijiet u l-prioritajiet ġenerali tiegħu mal-Kummissarju Ewropew waqt iż-żjara li għamel f’Malta, fi sfond preparatorju qabel il-publikazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea f’Mejju li ġej.
Dawn il-ħsibijiet u l-prioritajiet jirriflettu l-messaġġi f’non-paper tal-Gvern li ġiet iċċirkolata lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra fi Frar ta’ dan is-sena. F’dan l-istadju, din in-non-paper li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tifforma l-bażi tal-pożizzjoni preliminari tal-Gvern, sakemm il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-proposti tagħha.
Attachments:PQ 4966 - MT Non-Paper on the MFF Post 2020.pdf
Xewkija Għawdex – xogħlijiet fl-inħawi tal-Barmil – kumpens lill-bdiewa
Question
Peress li x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa fl-ispazju industrijali fl-inħawi tal-Barmil ix-Xewkija Għawdex minn Public Private Partnership qed isiru f’għelieqi li sa issa kienu maħduma minn bdiewa Għawdxin, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx finanzjament ippjanat min-naħa tal-Gvern biex jagħmel tajjeb għal ħsara u dannu li sofrew dawn l-istess bdiewa? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn il-bdiewa jixraqilhom kumpens peress li din is-sena tħallew iħawlu jew jiżirgħu l-uċuħ tar-raba’ mingħajr ma kienu avżati li ser jitilfu kollox?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda forma ta’ kirja, qbiela jew titlu ieħor fuq l-art in kwistjoni. Ninsab infurmat ukoll li ma ġie vvantat l-ebda titlu u ma saret ebda talba għal kumpens f’dan ir-rigward.
Rwol tal-Managing Authority u tas-Certifying Authority
Question
B’referenza għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-impjegati ġodda li ġew maħruġa mill-Managing Authority li, wara l-għaqda, se tinkludi wkoll is-Certifying Authority , tista’ l-Ministru tgħid x’se jkun ir-rwol tagħhom? Tista’ tikkonferma jekk l-impjegati l-ġodda hux se jkollhom funzjonijiet li huma tipikament imwettqa mill-Managing Authority u mis-Certifying Authority fl-istess waqt? Il-Ministru hija konxju tal-fatt li l-applikazzjonijiet fihom rigressjoni tad-drittijiet, f’oqsma bħal miżuri favur il-familja jew disturbance allowances, lill-persuni li jaħdmu mal-Awtorità? X’se tagħmel il-Ministru biex tindirizza din is-sitwazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4252 għall-ewwel parti ta’ din il-Mistoqsija.
Rigward il-parti tal-Mistoqsija li tikkonċerna l-applikazzjonijiet, infurmata li l-pakkett finanzjarju li jikkonċerna s-sejħiet il-ġodda huwa aħjar minn dak ta’ sejħiet preċedenti.
Peress li fil-media ssemma li twaqqfet kumpanija oħra tal-ajru sabiex iżżomm l-islots tal-Air Malta u mbagħad terġa’ tikrihom lill-Air Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk inġiebx l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal dan l-arranġament?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea qegħdha tinżamm infurmata b’dawn l-arranġamenti.
Peress li ntlaħaq qbil bejn l-Air Malta u l-bdoti, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kaptan u kemm-il first officer ingħataw żieda fuq il-pagi li kellhom? Il-bdoti aċċettaw li jaħdmu sal-massimu li jitolbu l-European Aviation Safety Agency Standards?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema kollha tal-Air Malta ingħataw żidiet skont il-ftehim kollettiv.
Collective Agreement tal-Bdoti – teħid tas-somma meta jirtiraw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-collective agreement il-ġdid ġiex miftiehem li l-bdoti jieħdu somma meta jirtiraw? Jekk iva, kif tinħadem u kemm tiġi din is-somma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ġejt infurmat li ma sarax tibdil dwar din il-materja mill-ftehim kollettiv preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Air Malta se tiddejjen iktar minn xi bank kummerċjali matul is-sena 2018?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva għall-operat tal-Kumpanija.