Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8428 Sitting 188 2019-01-28 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati taċ-Ċivili li telqu mill-kariga tagħhom

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il impjegat taċ-Ċivil, minn grad 5 ’il fuq, telaq mill-kariga għal raġunijiet li mhumiex trasferiment fl-istess grad jew irtirar minn Marzu 2013 ’il hawn?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Uffiċċju konġunt – skema ta’ fidi ta’ ċens

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6468 u 3535, jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-Uffiċċju Konġunt hux se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li fetħet din l-iskema, kien fl-2013, taħt Gvern Nazzjonalista?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb tal-Gvern jibqa’ dak li ngħinu kemm nistgħu persuni jsiru sidien ta’ darhom. Ninsabu avvanzati ferm biex dawk li jgħixu fi djar b’ċens li skada jew se jiskadi jkollhom is-serħan il-moħħ meħtieġ permezz ta’ ħruġ ta’ skema li tindirizza dan. Għall-fini ta’ korrettezza, l-aħħar skema ta’ fidi ta’ ċnus, kienet inħarġet fl-2012.
Leg 13 PQ #7216 Sitting 144 2018-10-15 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa – laqgħat ma’ Pieter Omtzigt

Question

Peress li r-rapporteur tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f’Malta, huwa s-Sur Pieter Omtzigt u se jżur Malta fil-ġimgħa tat-22 ta' Ottubru u peress li l-Kunsill tal-Ewropa jinsab fi Strasburgu u huwa ddedikat fuq id-drittijiet tal-bniedem, demokrazija u stat tad-dritt u huwa d-dar tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u peress li l-Prim Ministru kemm-il darba qal pubblikament li se jikkopera mal-Istituzzjonijiet Ewropej fuq dan il-qtil makabru, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern se jikkopera bis-sħiħ mas-Sur Omtzigt? Jista’ jikkonferma li hu se jagħmel minn kollox biex jiżgura li r-rapporteur ikun jista' jiltaqa’ ma' dawk l-uffiċjali u politiċi kollha li l-kontribut tagħhom huwa meħtieġ biex jitħejja dan ir-rapport?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li se jsiru laqgħat mas-Sur Omtzigt kif kien mitlub minnu, inkluż miegħi u Ministri ohra tal-Gvern. Irrid ngħid li se jsiru dawn il-laqgħat minkejja r-riżervi serji li għandu l-Gvern dwar l-integrità tas-Sur Omtzigt biex jespedixxi l-inkarigu tiegħu tenut kont tal-agir ċensurabbli tiegħu fir-rigward ta' tixrid ta' fake news relattiv għall-kraxx tal-Malaysia Airlines Flight 17.

Brexit – No Deal Scenario – linji gwida

Question

Peress li f’Ġunju li għadda l-Kummissjoni Ewropea ħarġet linji gwida li fihom tat informazzjoni prattika fuq kif il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jippreparaw lil pajjiżhom f’eventwalità ta’ Brexit mingħajr qbil (No Deal Scenario) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2019, għaldaqstant, tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-miżuri kollha li l-Gvern Malti qed jieħu bħala prekawzjoni f’każ li din l-eventwalità sseħħ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant, għall-fini ta’ kjarifika li l-linji gwida dwar in-negozjati jiġu adottati mill-Prim Ministri u l-Kapijiet ta’ Stat fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u mhumiex maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. Apparti minn hekk, fil-linji gwida li ġew adottati f’Ġunju, il-Kunsill Ewropew reġa' tenna l-importanza li l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha jkunu preparati għal kull eventwalità, inkluż għal no deal. F’Lulju u mhux f’Ġunju li għadda, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li fiha spjegat li għalkemm in-Negozjati għal tluq ordnat kienu għadhom għaddejjin, kienet qiegħda ssir ħidma fuq miżuri ta’ preparazzjoni li kienu qed jittieħdu biex l-Unjoni tkun preparata għal tluq mhux ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Din il-komunikazzjoni spjegat fost l-oħrajn id-differenza bejn il-miżuri ta’ preparazzjoni u l-pjanijiet ta’ kontinġenza; li apparti fuq livell ta’ Unjoni, jeħtieġ li ssir ħidma wkoll mill-Gvernijiet u minn entitajiet privati; u x’kienet qiegħda tagħmel il-Kummissjoni biex tipprepara għat-tluq tar-Renju Unit. Rigward il-miżuri li ġew meħuda mill-Kummissjoni, il-komunikazzjoni spjegat li: a. Kien għaddej xogħol biex jiġi identifikat acquis tal-Unjoni li kien meħtieġ jiġi emendat minħabba t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni. Dan il-proċess inbeda u x-xogħol leġiżlattiv bejn l-istituzzjonijiet għadu għaddej; b. Kienu ppubblikati numru ta’ ċirkulari li jispjegaw l-impatt ta’ tluq mhux ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni f’diversi setturi; c. Kien għaddej proċess biex jiġu rilokati żewġ aġenziji tal-Unjoni mir-Renju Unit lejn stati membri; d. Kienet għaddejja ħidma biex l-Unjoni tkun preparata biex tinnotifika lill-isħab tagħha li r-Renju Unit m’għadux jifforma parti mill-Unjoni u biex isiru xi adattamenti għal databases tal-Unjoni. Il-Gvern kontinwament qiegħed isegwi l-ħidma tal-Kummissjoni fuq dan il-binarju u kien parteċipi wkoll fil-laqgħat li saru mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li qiegħed imexxi l-ħidma fuq dawn il-preparamenti, fil-konfigurazzjoni ta’ Artiklu 50. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza kien kontinwament f’konsultazzjoni mal-Ministeri l-oħra biex ikunu wkoll koordinati pjanijiet simili fuq livell nazzjonali. Dwar dan kien hemm ukoll diskussjoni fil-livell ta’ Kabinett. F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jinnota li għalkemm il-Gvern jippreferi wkoll li jiġu konklużi b’suċċess in-negozjati dwar l-Arranġament tat-Tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni u li dan jidħol fis-seħħ, qed isiru wkoll preparamenti oħra. Il-ħidma hawn inkludiet: a. Iċ-ċirkolazzjoni taċ-ċirkolari maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea lill-isħab soċjali u l-partijiet konċernati; b. Studju flimkien mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar jekk hemmx bżonn ta’ reviżjonijiet għal xi liġijiet fuq livell nazzjonali; c. Ħidma biex jiġu implimentati il-provedimenti fl-Arranġament tat-Tluq speċjalment dawk relatati ma’ proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini, inkluż pjanijiet għal no deal. Hawn, flimkien mal-aġenzija Identity Malta qiegħda ssir ħidma kontinwa biex jiġu preparati l-proċessi amministrattivi għall-eventwalitajiet kollha; d. Ħidma dwar komunikat ma’ ċittadini Maltin fir-Renju Unit biex ikun spjegat kif dawn se jintlaqtu; e. Preparamenti f’oqsma sensittivi bħal: prodotti mediċinali; id-dwana; t-trasport (speċjalment fl-avjazzjoni) biex kemm jista’ jkun bħala Gvern ikun lest anke għal no deal. Hawn qed jiġu ingaġġati aktar riżorsi umani biex inkampaw ma’ influssi u ħidma proċedurali oħra li tista’ tiġi ikkawżata minn no deal . Fl-aħħar nett, tajjeb ukoll li wieħed jinnota li f’setturi meqjusa aktar importanti, il-Kummissjoni – wara li ġiet ukoll imħeġġa mill-iStati Membri, qiegħda tħejji pjanijiet ta’ kontinġenza. Għal raġunijiet tattiċi (partikolarment biex ma tagħtix l-impressjoni li tilfet il-fidi li n-negozjati se jkunu konkluzi b’suċċess), il-Kummissjoni ma tantx żvelat dettalji dwar dawn. Però, l-Gvern jinnota u hu infurmat li setturi kruċjali għal Malta huma inklużi f’dawn il-pjanijiet. Dawn jinkludu: a. Iċ-ċittadini u d-drittjiet tagħhom; b. Is-servizzi finanzjarji; c. Il-farmaċewtika u prodotti mediċinali; d. It-trasport (b’enfasi fuq l-avjazzjoni); Aktar dettalji dwar dawn mistennija aktar ‘il quddiem u f’każ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonferma b’ċertezza li n-negozjati għal tluq ordnat fallew.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-preżent, l-operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġewx imwaqqfa u jekk iva, għalfejn? Meta se jerġgħu jibdew? Kemm se jdumu fuq il-lista ta’ stennija dawk il-persuni li għandhom bżonn din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operazzjonijiet tal-kataretti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma twaqqfux. Bħalissa l-oftalmologu li jagħmel dawn l-operazzjonijiet qiegħed vacation leave ta’ ġimgħa u jien informat mid-diriġenti tal-isptar illi l-ġimgħa d-dieħla hemm pjanat li jsiru minn dawn l-operazzjonijiet. Il-lista ta’ stennija għal kataretti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hija ta’ madwar xahrejn.

Uffiċċju konġunt – skema ta’ fidi ta’ ċens

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3535, jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt hux se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li fetħet din l-iskema, kien fl-2013, taħt Gvern Nazzjonalista?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt se tiftaħ aktar tard din is-sena.

Għawdex — Direttiva fl-iskejjel primarji biex jingħaqdu

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk ħarġitx direttiva fl-Iskejjel Primarji t’Għawdex biex il-klassijiet fejn hemm aktar minn klassi waħda f’kull grupp ta’ kwalunkwe sena partikolari, jingħaqdu?Jekk dan huwa minnu, jista’ l-Ministru jgħidilna għalfejn qed isir dan? Jista’ jikkonferma li ebda għalliem/a li taħdem jew jaħdem Għawdex mhu ser jintalab jibda jaħdem/taħdem fi skola f’Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma ħarġet l-ebda direttiva fl-Iskejjel Primarji t’Għawdex biex il-klassijiet fejn hemm aktar minn klassi waħda f’kull grupp ta’ kwalunkwe sena partikolari, jingħaqdu. Fil-qagħda preżenti, l-eżerċizzju tad-deployment għadu għaddej. Teżisti prassi dwar deployment ta' għalliema f'Għawdex. F'ċerti sitwazzjonijiet, eżempju f'sitwazzjoni ta' tqala, Għalliema jitilgħu Għawdex temporanjament minħabba t-tqala tagħhom u wara dan il-perjodu jintalbu jerġgħu jieħdu posthom lura Malta.

Bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6449 u peress li nhar it-13 ta’ Ġunju 2018, il-Prim Ministru ddikjara li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed joperaw bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran għandhom jiġu rregolati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex? B’liema mod jista’ jiġri dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Eleġibilità Għal Fondi Mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentar 6242 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: peress li anke l-Gvern Malti qiegħed jammetti li mhux eskluża l-possibbiltà li għall-perjodu finanzjarju (baġitarju) tal-Unjoni Ewropea 2021-2027, Malta taf ma tibqax eleġibbli għall-istess ammont ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea daqs qabel, speċjalment minħabba l-Brexit, tista’ tgħid kif f'dan ix-xenarju se tiġi mwettqa l-wegħda li kienet saret lill-Għawdxin, li skont id-Dikjarazzjoni 36, annessa mat-Trattat ta' Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li tgħid hekk: " in the event that Malta, as a whole, would no longer be eligible to certain measures of the regional policy, the report (by the Commission to the Council on the economic and social situation in Gozo, and in particular, on the disparities in the social and economic development levels between Gozo and Malta) would assess whether the specific economic situation of Gozo justifies a continued eligibility of Gozo to these measures, and under which conditions, during the reference period" ? Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni unilaterali, tista’ tgħid jekk saritx diġà t-talba għal rapport speċifiku dwar Għawdex lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika ta’ Koeżjoni li ħarġu fid-29 u 30 ta’ Mejju 2018. Il-Gvern Malti se jiskatta l-mekkaniżmu skont l-imsemmija Dikjarazzjoni sabiex jintalab rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar Għawdex. Il-Gvern ikompli jagħmel ħiltu fix-xhur li ġejjin biex fiċ-ċirkustanzi preżenti Malta u Għawdex jibqgħu jibbenefikaw sostanzjalment mill-fondi msemmija.
Leg 13 PQ #6332 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Tibdil ta’ Tabelli bis-sinjali tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 6159 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u ċjoè: Peress li t-tabelli bis-sinjali tat-traffiku f’Għawdex qegħdin ġeneralment fi stat ħażin għax ħafna minnhom m'għadhomx jintgħarfu u jkun diffiċli għat-turisti u l-barranin biex isibu minn fejn jgħaddu, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li ssir il-manutenzjoni tagħhom jew inkella jinbidlu? Jekk iva, meta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk it-tabelli li għandhom bżonn ta’ tibdil se jsiru fi żmien qarib wara li l-ġimgħa li għaddiet ġie ffirmat it-tender document mill-kuntrattur li ħa t-tender.
Leg 13 PQ #6449 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran

Question

Peress li l-bieraħ, it-13 ta’ Ġunju 2018, il-Prim Ministru ddikjara li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed joperaw bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran għandhom jiġu rregolati, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex? B’liema mod jista’ jiġri dan? Jista’ jgħid jekk entitajiet non-governattivi għandhomx jidħlu fil-qasam tas-sigurtà ta’ pajjiżi bħal tagħna?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #6158 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għasri – Triq Wied il-Għasri – irranġar ta’ triq

Question

Peress li Triq Wied il-Għasri, fl-Għasri, Għawdex għandha bżonn tiġi rranġata għax għadha tat-torba u qatt ma ġiet asfaltata u peress li din tinsab kollha ħofor u qiegħda fi stat ħażin ħafna u parti minnha hija diffiċli biex tgħaddi b’karozza u meta tagħmel ix-xita jkun impossibbli biex tgħaddi bil-mixi minn ġol-għadajjar u peress li fil-bidu tas-sajf il-Kunsill tal-Għasri pprova jimla t-toqob iżda din it-triq għandha bżonn li tiġi rranġata sew għax minnha jgħaddu diversi turisti li jkun sejrin Wied il-Għasri u t-Tieqa tal-Mielħa kif ukoll din it-triq tieħdok għas-Salini u l-Bajja ta' Marsalforn u l-parti tat-triq imsemmija tibda minn wara l-Knisja tal-Patroċinju sal-kantuniera ta' Triq Ta' Ċaqra, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li din it-triq tittranġa? Jekk iva meta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talbiet imressqa mill-kunsill Lokali tal-Għasri għall-xogħolijiet ta’ toroq għall-2018 ġew milqugħha kollha. L-ebda triq indikata mill-Onor. Interpellant ma kienet inkluża fit-talba li saret.

Għawdex – Tibdil ta’ Tabelli bis-sinjali tat-traffiku

Question

Peress li t-tabelli bis-sinjali tat-traffiku f’Għawdex qegħdin ġeneralment fi stat ħażin għax ħafna minnhom m'għadhomx jintgħarfu u jkun diffiċli għat-turisti u l-barranin biex isibu minn fejn jgħaddu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li ssir il-manutenzjoni tagħhom jew inkella jinbidlu? Jekk iva, meta?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabli mill-Ministeru għall-Għawdex.

Bejjiegħa tal-Monti tar-Rabat Għawdex – għoti ta’ kumpens

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5206 u 5672 dwar il-kumpens lill-bejjiegħa tal-Monti tar-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħidilna jekk ġiex deċiż l-ammont ta’ dan il-kumpens?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – ambulanzi ġodda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3142 tat-30 ta’ Jannar 2018 fejn il-Ministru għarrafna li ġew ordnati tliet ambulanzi ġodda għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħidilna jekk dawn l-ambulanzi waslux, peress li għaddew erba’ xhur minn dik ir-risposta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għadu kif ġie introdott għall-ewwel darba fl-isptar Ġenerali t'Għawdex s-servizz tar- Rapid Response Vehicle. Il-għan ta' din il-vettura hu li twassal fuq il-post tal-inċident il-paramediċi inkluż tobba tal-emerġenza, biex jibdew jassistu u jistabbilixxu l-kundizzjoni tal-midruba qabel tasal l-ambulanza nnifisha. L-ambulanzi l-ġodda qegħdin fi stadju li jiġu mgħammra apposta għal dan is-servizz.

Għawdex – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq f’Għawdex li hu maħsub li ser isir xogħol fuqhom u l-pjanijiet għal toroq ġodda, matul din is-sena u s-sena d-dieħla?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba moghtija ghall-mistoqsija parlamentari 5010.
Leg 13 PQ #6242 Sitting 129 2018-06-11 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eliġibilità għal Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Peress li anke l-Gvern Malti qiegħed jammetti li mhux eskluża l-possibbiltà li għall-perjodu finanzjarju (baġitarju) tal-Unjoni Ewropea 2021-2027, Malta taf ma tibqax eliġibbli għall-istess ammont ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea daqs qabel, speċjalment minħabba l-Brexit, jista' l-Prim Ministru jgħid kif f'dan ix-xenarju se tġi mwettqa l-wegħda li kienet saret lill-Għawdxin, li skont id-Dikjarazzjoni 36, anessa mat-Trattat ta' Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li tgħid hekk: " in the event that Malta, as a whole, would no longer be eligible to certain measures of the regional policy, the report (by the Commission to the Council on the economic and social situation in Gozo, and in particular, on the disparities in the social and economic development levels between Gozo and Malta) would assess whether the specific economic situation of Gozo justifies a continued eligibility of Gozo to these measures, and under which conditions, during the reference period" ? Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni unilaterali, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk saritx diġà t-talba għal rapport speċifiku dwar Għawdex lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #5717 Sitting 114 2018-05-21 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – bini tar-raba’ vapur

Question

B’referenza għad-diskors tal-Ministru għal Għawdex fil-Parlament ta’ Malta nhar it-Tnejn 14 ta’ Mejju 2018 dwar il-Gozo Channel, fejn qalet li hija taqbel li jinbena r-raba’ vapur u tenniet li għandha pjan fit-tul anki fir-rigward tat-tliet vapuri li għandha l-Gozo Channel, għaldaqstant tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan fit-tul?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif jgħaddi l-proċess tal-PSO u l-Gozo Channel tirbaħ dan it-tender, ikunu jistgħu jingħataw id-dettalji kollha. Kull dettall li jiġi mogħti f’dan l-istadju ikun qed jagtħi żvantaġġ lill-Gozo Channel u vantaġġ lill-bidders potenzjali għat-tender tal-PSO. Il-Gozo Channel għadha trid titfa’ l-offerta tagħha.
Leg 13 PQ #5491 Sitting 109 2018-05-08 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – pixxina

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3950 dwar il-pixxina miftuħa għall-pubbliku f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħidilna jekk kienx hemm xi żviluppi fit-taħdidiet mal-proponent?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proċess għadu għaddej. Dan il-Gvern huwa kommess li jwettaq dan l-impenn elettorali. Jiżdied jingħad li l-proġett tal-pixxina kien ilu mwiegħed minn amministrazzjonijiet ta’ qabel l-2013 u baqa’ qatt ma sar xejn.