Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra Minn Malta — laqgħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta li saret fid-19 u l-20 t'Ottubru? Għalfejn ma ħarġitx stqarrija għall-istampa? U meta beħsiebu jorganizza l-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta li jmiss?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li ttellgħet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nhar id-19 u l-20 t'Ottubru 2017, kien hemm numru ta’ deċiżjonijiet li jkunu jistgħu jsiru pubbliċi meta jigu maqbula u konfermati l-minuti fil-laqgħa li jmiss. Il-Ministeru ħareġ stqarrija għall-istampa nhar it-13 ta’ Ottubru 2017, Stqarrija Numru. 17235en, intitolata PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AFFAIRS AND TRADE PROMOTION: The Maltese government continues to strengthen its relation with Maltese living abroad including newer generations , accessibli fuq il- link elettronika li tidher hawn taħt: http://www.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/2017/October/13/pr172325en.aspx Il-Ħames Konvenzjoni tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta għandha tittella’ fis-sena 2020.

Uffiċjali — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dawn l-imsemmija uffiċjali: a) is-Chief Information Officer; b) id-Direttur Ġenerali tal-Politika, l-Unjoni Ewropea u l-Maltin li Jgħixu Barra; c) id-Direttur Ġenerali għal-Affarijiet Globali; d) id-Direttur għall-Protokol; e) id-Direttur għall-Affarijiet Konsolari; f) id-Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji; g) id-Direttur għall-Affarijiet Ewropej; h) id-Direttur għall-Maltin li Jgħixu Barra; i) id-Direttur Żvilupp Internazzjonali, Affarijiet Ekonomiċi u Istituzzjonjiet Ewropej; u, j) id-Direttur għall-Affarijiet Globali lejn liema pajjiżi siefru, jekk kenux parti minn delegazzjoni jew le, għal liema skop u x’kienet l-ispiża għal kull żjara li għamlu minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema għal fidi ta’ ċens temporanju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-iskema għal fidi ta' ċens temporanju tal-uffiċċju konġunt meta se tiftaħ, peress li l-aħħar darba li nfetħet din l-iskema, kien taħt Gvern Nazzjonalista fl-2013?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Insurance policy għad-Diplomatiċi Maltin barra minn Malta

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2922, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li tiġi introdotta jew tiġi estiża l-insurance policy preżenti għad-diplomatiċi tagħna, li tkun tkopri l-atti ta’ terroriżmu u/jew azzjonijiet relatati?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ filwaqt li jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 21309 (tat-12-il Leġiżlatura) u 2922, jixtieq jinforma illi f’dan l-istadju ma hemmx żviluppi fuq is-suġġett mitlub mill-Onor. Membru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Żieda ta’ esperjenza lill-Ambaxxaturi / konsulenti irtirati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2924, jista’ l-Ministru jgħid għaliex jippreferi jżid l-esperjenza lil żewġ ambaxxaturi/konsulenti tiegħu li ilhom snin irtirati, milli jagħti iktar esperjenza lil diplomatiċi professjonali iżgħar? Għaliex dawn id-diplomatiċi professjonali iżgħar qed jitħellew disa’ sigħat fl-uffiċini ta’ Palazzo Parisio meta jistgħu jkabbru l-esperjenza tagħhom bħala diplomatiċi professjonali u jmorru huma flok l-irtirati?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jgħid min huma dawk id-diplomatiċi, li skont hu qed jitħallew disa siegħat fl-uffiċini ta’ Palazzo Parisio.

Ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi — transfer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għaliex l-ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi ngħatat transfer vendikattiv lejn Ministeru ieħor wara ‘l fuq minn tletin sena servizz fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-trasferiment inkwistjoni sar skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-konklużjonijiet u preġudizzji bla bażi li qed jasal għalihom l-Onor. Interpellant ma jagħmlu ġieħ lill ħadd.

Diplo Foundation f’Ġinevra – ingaġġ ta’ membri familjari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux każ ta’ konflitt ta’ interess serju, meta wieħed mill-Konsulenti/Ambaxxaturi għamlu pressjoni sabiex id-Diplo Foundation f’Ġinevra, l-Iżvizzera fejn l-istess Konsulent qiegħed fuq il-Bord Eżekuttiv, dan l-istess Bord ingaġġa lil żewġ membri tal-familja immedjata tal-imsemmi Konsulent/Ambaxxatur? Jista’ jgħid jekk jafx b’dan l-inġaġġ u jekk ittieħdux passi fil-konfront ta’ dan il-Konsulent/Ambaxxatur fid-dawl ta’ dan il-konflitt ta’ interess serju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta’ dawn iż-żewġ funzjonarji li għalihom qiegħed nirreferi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diplo Foundation hija fondazzjoni awtonoma u li l-Ministeru m’għandu l-ebda kontroll amministrattiv fuqha. Fil-fatt sa mit-twaqqif tagħha l-Fondazzjoni hija korp awtonomu u b’personalità ġuridika distinta.

Brexit – investiment tanġibbli attirati lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment tanġibbli f’termini ta’ ammonti ta’ Ewro, irnexxielhom jattiraw, stabbilew ruħhom u dawk li huma fil-proċess li jistabbilixxu ruħhom f’Malta b’riżultat tal-proċess tal-Brexit?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellent li l-Ministeru tiegħi ma jżommx din l-informazzjoni.

Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika magħruf aħjar bħala Joint Stakeholders Working Council, huwa ppresjedut mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u kompost minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar; il-Ministeru għall-Finanzi; Trade Malta; Malta Enterprise; Finance Malta; l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu; il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta; il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex; u l-General Retailers and Traders Union. Minn Marzu 2013 `l hawn dan il-kumitat iltaqa’ tmienja u tletin darba. Il-Kumitat kiseb suċċess kbir fejn jidħol it-titjib fil-komunikazzjoni bejn in-network diplomatiku ta’ Malta u entitajiet pubbliċi u privati Maltin involuti fis-settur kummerċjali. Il-Kumitat jipprovdi pjattforma għal diskussjoni dinamika u saħħaħ is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet fejn tidħol il-promozzjoni tal-kummerċ. Il-Kumitat jieħu ħsieb iwassal informazzjoni dwar avvenimenti kummerċjali li jkunu ser jittellgħu lil hinn minn xtutna, fil-waqt li jservi ta’ forum sabiex flimkien naqsmu tagħrif dwar visti uffiċjali li jkunu ser iseħħu f’Malta u lil hinn minn pajjiżna, bħal ngħidu aħna Visti Statali u Uffiċjali fejn il-qasam tal-kummerċ ikollu ċ-ċans jipparteċipa flimkien ma’ entitajiet u kumpaniji minn pajjiżi oħra li daqstant ieħor ikunu qed ifittxu opportunitajiet ta’ kummerċ. Ir-rappreżentanti tad-Dijaspora Maltija mhumiex rappreżentati fuq dan il-Kumitat.

Maltin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ċittadini Maltin maqbudin f’ħabsijiet barra minn Malta? Jista’ jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna tal-Gvern Malti sabiex jinġabu lura Malta, peress li minħabba raġuni jew oħra fejn jinsabu ma jistgħux jiġu? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal il-proċess sabiex jinġabu lura pajjiżhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm erbatax-il persuna (14) ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: Albanija (1) Awstralja (7) Brazil (1) Franza (1) Italy (1) Libja (1) Renju Unit (1) Tuneżija (1) Filwaqt li ħamsa (5) li jinsabu fl-Albanija, fil-Brazil, fi Franza, fir- Renju Unit u fit-Tuneżija rispettivament qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs, it-tnejn (2) li hemm fil-Libja u l-Italja qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat rispettivament. Mill-banda l-oħra mis-seba’ każijiet fl-Awstralja, sitta (6) minnhom jinsabu miżmuma f’detenzjoni u qed jistennew li każ tagħhom jiġi pproċessat, filwaqt li f’każ ieħor il-persuna (1) wara li skontat is-sentenza ta’ priġunerija mogħtija lilha intbagħet f’ċentru apposta. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan l-ammont jikkorispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Brexit – drittijiet tal-Maltin

Question

Peress li bħal Ċipru Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, membru tal-Commonwealth u kull ċittadin Malti huwa mhux biss ċittadin Ewropew iżda wkoll ċittadin tal-Commonwealth, kif jindika f’dan id-dokument li qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel il-Gvern Malti sabiex wara l-Brexit, il-Maltin ma jitilfux dawn id-drittijiet? Saru diskussjonijiet mar-Renju Unit u/jew ma Ċipru dwar dan l-arranġament li Malta u ċ-ċittadini tagħha ilhom igawdu minn meta Malta ssieħbet fil-Commonwealth?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta’ Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Il-Ministeru jħares lejn is-sitwazzjoni ta’ Brexit mil-lat bilaterali u għalhekk sar eżerċizzju biex jiġu elenkati il-ftehim bilateral kollha li ġew iffirmati bejn Malta u r-Renju Unit qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan l-eżerċizzju sar sabiex flimkien mal-Ministeri koncernati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kumjmerċ jistħarreġ jekk hemmx bżonn li dawn il-ftehim jkunu reveduti fid-dawl tal-eventwali konkluzzjoni u r-riżultat tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE. Il-Ministeru bħalissa qiegħed ukoll isegwi t-taħditiet li qegħdin isiru fuq livell Ewropej. Għal dan il-għan, il-Ministeru qed jiffoka ħafna mill-attenzjoni tiegħu fuq is-suġġett taċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit, li għandhom dritt għat-tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom wara l-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“Settled Status”. Dan sabiex jkunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit. Għalhekk il-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mal- Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u, filwaqt li qed neżamina l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, qiegħed jistudja l-aħjar mod sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq il-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra b’riżultat ta’ Brexit.

Passi dixxiplinarji – interventi fuq Social Media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara l-interventi fuq is-social media lokali min-naħa tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ittieħdux passi dixxiplinarji?

Response (ABELA, CARMELO)

Jista l-Onorevoli Interpellant jgħid jew jindika liema interventi qed jirreferi?

Abu Dhabi — Ambaxxata Maltija – xiri ta’ għamara

Question

Peress li skont il-Gazzetta tal-Gvern 19,726, paġna 1208 taħt DO 083, għall-provvediment ta’ xiri ta’ għamara għar-residenza tal-Ambaxxata Maltija ġdida fil-Belt ta’ Abu Dhabi, il-Valur tal-Kuntratt Eskluża l-VAT, kien għall-ammont ta’ €49,029.29, jista’ għaldaqstant il-Ministru jgħid x’tip ta’ għamara nxtrat u minn fejn inxtrat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onoroveli Interpellant illi x-xiri tal-għamara għall-Ambaxxata Maltija f’Abu Dhabi sar mingħand Nukhat Al Awaiel wara li nksibu tlett kwotazzjonijiet u ġie approvat li l-għamara kkonċernata tinxtara mil-orħos stima. Id-dettalji tal-għamara li nxtrat qed tiġi deskritta fit-tabella hawn taħt: Kamra Tinkludi Kċina Cabinet li jinkludi sink u aċċessorji relatati, Fridge, Cooker, Washing Machine, Mejda u sitt siġġijiet. Kamra tal-Pranzu Mejda b’għaxar siġġijiet, Side Cabinet Spare Bedroom Sodda ta’ wieħed, saqqu, żewġ komodini u gwardarobba Main Bedroom Sodda doppja, saqqu, żewġ komodini u gradenza bil-kxaxen u mirja Sitting Room TV on stand, Satellite receiver (installazzjoni inkluża), Sufan x 2, Sufan x 3, Pultruna, tlett side tables Purtieri għall-kmamar varji kemm fl-Ambaxxata kif ukoll fir-Residenza li jinsabu fuq xulxin Master Bedroom, Dining Room, Spare Bedroom, Konsolat, Sitting at ground floor, Spare Room, Sitting at first floor, Embassy foyer, Ambassador Room, Kitchen blinds at first floor, kitchen at ground floor

Ftuħ tal-presepju Malti fil-Vatikan – delegazzjoni Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32049 tat-12-il Leġiżlatura li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u wara kienet ġiet riferuta lilu u ċjoè: jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tad-delegazzjoni Maltija li marret il-Vatikan għall-ftuħ tal-Presepju Malti? Jista’ jgħid jekk id-delegazzjoni kenitx tikkonsisti f’numru sostanzjali ta’ persuni qrib tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, u jekk dawn il-persuni ngħatawx trattament privileġġat inkluż ħlasijiet tal-ispejjeż kollha marbuta mal-vjaġġi u lodging matul iż-żjara tagħhom f’Ruma? Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi lista ta’ dawk id-delegati li bbenefikaw minn xi forma ta’ finanzi biex żaru l-presepju Malti fil-Vatikan?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif kontenuta f'talba ghal Freedom of Information li kienet saritli.

Individwu li inġab lura minn posting barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inġab lura ħesrem minn posting ta’ tliet snin qabel ma għalaq it-terminu tiegħu? X’kienu ir-raġuni/jiet? Ma jaħsibx li kien każ ta’ diskriminazzjoni politika, f'ċirkustanzi dubbjużi jew tpattija għall-investigazzjonijiet li għamlet ommu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-individwu ssejjah lura Malta minhabba l-esigenzi tas- servizz.

Awstralja — Proġett Consul on the Move

Question

Fid-dawl tal-Proġett Consul-on-the-Move, jista’ l-Ministru jgħid għaliex numru ta’ familji Maltin fl-Awstralja, li vjaġġaw minn distanzi twal, spiċċaw tilfu eluf ta’ ewro minħabba li ġew ikkanċellati għadd sostanzjali ta’ appuntamenti konsolari fl-uffiċċju tal-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Belt ta’ Sydney? (Numru ta’ Maltin f’Sydney ilmentaw li minkejja li nhar ta’ Ġimgħa l-istess Konslu Ġenerali li jitħallas ta’ konsulent dan ma jidħolx għax-xogħol) Veru li l-ordnijiet relatati max-xogħol ta’ dan il-Konslu Ġenerali jeħodhom direttatment minn Kastilja u mhux mill-Kummissarju Għoli Malti f’Kanberra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Proġett Consul-on-the-Move ma jkoprix il-Belt ta’ Sydney imma huwa intiż għal bliet aktar ‘il bogħod. Għaldaqstant l-allegazzjoni fil-mistoqsija ma tistax tkun minnha. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli nterpellant li n-network ta’ Rappreżentazzjonijiet konsolari fl-Awstralja jirrispondu direttament lill-Kummissarju Għoli Malti f’Kanberra.

Korp Diplomatiku – membri – unpaid leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp Diplomatiku li rriżenjaw mill-kariga tagħhom, jew inkella applikaw għal xi tip ta’ unpaid leave mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dan il-Ministeru, minn Marzu 2013 sa llum, kien hemm 29 membru li rriżenjaw mill-Korp Diplomatiku, filwaqt li 45 membru tal-Korp Diplomatiku applikaw għal xi forma ta’ unpaid leave.

Uffiċjali Diplomatiku/Ambaxxatur/Kummissarju – kontijiet bankarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-prassi meta uffiċjal diplomatiku u/jew Ambaxxatur/Kummissarju Għoli/Rappreżentant Permanenti jispiċċa mill-posting f’xi Ambaxxata/Kummissjoni Għolja/Rappreżentanza Permanenti jekk għandux/iex jinforma lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-kontijiet bankarji tiegħu/ha u/jew tal-familjari tiegħu/ha fejn serva/iet u jekk għandux/hiex dritt i/tħalli l-istess kontijiet bankarji bl-indirizz tal-Ambaxxata anke snin wara li j/tkun spiċċa/t?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi meta uffiċjal diplomatiku u/jew Ambaxxatur/Kummissarju Għoli/Rappreżentant Permanenti jispiċċa mill-posting f’xi Ambaxxata/Kummissjoni Għolja/Rappreżentanza Permanenti, il-kont ta’ l-Ambaxxata jibqa` miftuħ. Dan ifisser illi bejn posting u ieħor il-kont bankarju ma jiġix affettwat. Hija prassi tal-Ministeru illi joħroġ ittra speċifika li tawtorizza lill-Uffiċjal li jkun għadu kif ġie maħtur fil-Missjoni ta’ Malta bl-awtorita` meħtieġa biex jassumi l-awtorita` finanzjarja fuq il-kont ta’ dik l-Ambaxxata rispettiva. Inżid ninforma lill-Onor Interpellant illi naturalment hija ir-responsabilita` ta’ kull Uffiċjal diplomatiku u/jew Ambaxxatur/Kummissarju Għoli/Rappreżentant Permanenti li jispiċċa mill-posting li jieħu ħsieb jagħlaq il-kont personali tiegħu u li fi kwalunkwe każ qatt ma jħalli l-indirizz tal-kont fuq l-indirizz tal-Missjoni Maltija.

Direttur għall-Affarijiet Konsulari – kopja tas-CV

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-CV tad-Direttur għall-Affarijiet Konsulari, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija protetta bil-Liġi tad-Data u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Direttorat għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet irċieva kull sena, id-Direttorat għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Formoli Notifika D – Reġistrazzjoni Volontarja għall-Ċittadini Maltin li Se Jsiefru jew Jgħixu Barra minn Malta, minn meta ġew varati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Formola Notifika D - Reġistrazzjoni Voluntarja għall-Maltin li Jsiefru u l-Jgħixu Barra minn Malta – ġiet varata nhar is-6 ta’ Novembru 2013 u minn dak in-nhar is-sottomissjonijiet kienet hekk kif elenkat hawn taħt: 45 l-applikazzjoni fl-2013; 238 l-applikazzjoni fl-2014; 794 l-applikazzjoni fl-2015; 1226 l-applikazzjoni fl-2016; 951 l-applikazzjoni (ċifra sal-11 ta’ Diċembru) fl-2017.