Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fl-armata Maltija bħalissa hemmx in stock biex suldati jkunu jistgħu jibdlu partijiet mill-uniformi, speċjalment T-shirts u żraben? Jista’ jgħid kemm kienu l-flus ivvutati għall-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar 10 snin, maqsumin sena b’sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Forzi Armati għandhom fl-istock diversi partijiet ta’ uniformi biex jiġu mibdula mis-suldati. Għall-imsemmija partijiet, T-shirts u żraben jista’ ikun li xi drabi ma jkunx hemm id-daqs mitlub imma proprju x-xahar li għadda wasal stock ġdid ta’ żraben u fl-aħħar ta’ Awissu għandu jasal stock ġdid ta’ T-shirts wara sejħa oħra għal tenders.
Dwar flus ivvutati lill-FAM l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jispeċifika għal liema vot qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid in vista taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f'Lourdes fi Franza, l-Air Malta din is-sena żieditx it-titjiriet tagħha chartered għal dan il-pajjiż? Jista' fil-fatt jgħid kemm hu maħsub li se jkunu saru titjiriet u kemm bejn wieħed u ieħor se jkunu ġarrew passiġieri? Kif in-numru ta' titjiriet u passiġġieri hu maħsub li se jipparaguna ma' dak ta' snin oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-okkażjoni tal-150 sena anniversarju mill-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes, din is-sena id-domanda tal-pubbliku għal żjarat ġewwa Lourdes hija ikbar minn ta’ snin ta’ qabel.
Fil-fatt, l-Air Malta għamlet żieda fil-pjanijiet għal titjiriet diretti lejn Lourdes fit-tliet xhur tas-sajf Lulju sa Settembru li jgħoddu għal 41 titjira, sabiex tieħu u ġġib lura passiġġieri, u li tfisser żieda ta’ 10 titjiriet iktar fl-istess tliet xhur tas-sajf ta’ 2007. Huwa mistenni li jkun hemm madwar 4,400 passiġġieri li jitilqu minn Malta fuq dawn it-titjiriet u għalhekk madwar 1,300 passiġġier iktar mis-sajf ta’ l-2007. Ta’ min isemmi li s-sena l-oħra kien hemm numru kbir ta’ pellegrini li marru Ruma fit-3 ta’ Ġunju 2007 għal kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca li seta’ ħalla mpatt fuq in-numru ta’ passiġġieri li marru Lourdes is-sena l-oħra. Din is-sena huwa magħruf ukoll li passiġġieri oħra jmorru Lourdes fuq ġiti li jinkludu wkoll titjiriet lejn Toulouse, Pariġi jew Barċelona, ukoll ma’ l-Air Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Air Malta bdiet it-titjiriet chartered tagħha għal Lourdes fi Franza? Minn dak inhar 'l hawn dawn it-titjiriet saru kull sena? U jekk fl-affermattiv, kemm-il titjira saret kull sena u kemm-il passiġġier ġarret? X'inhuma l-prospetti għall-futur u kif l-Air Malta tipparaguna ma' kumpaniji oħra li jorganizzaw titjiriet chartered għal dak il-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-titjiriet ta’ L-Air Malta lejn Lourdes bdew f’Marzu ta’ l-1988. Dawn it-titjiriet charter diretti lejn Lourdes saru kull sena minn dakinhar l’hawn, u kabbar in-numru ta’ passiġġieri li jmorru lejn Lourdes tant li din saret rotta stabbilita’ u popolari mal-Maltin. It-titjiriet isiru l-iktar fi żmien l-Għid, f’Mejju, bejn Lulju u Settembru, u anke f’Diċembru. L-Air Malta tista’ u rnexxielha toffri wkoll dan il-prodott bħala ‘daytrip’ jew bħala ġita ta’ ġurnata għal dawk il-pellegrini li jridu jmorru fuq viżita’ qasira, imma dan jiddependi mid-disponibilita’ ta’ l-ajruplani.
Dawn l-aħħar snin it-traffiku għal Lourdes (imorru u jiġu) kien hekk:-
Total ta’ passiġġieri 2004 – 7,930
Total ta’ passiġġieri 2005 – 8,997
Total ta’ passiġġieri 2006 – 9,214
Total ta’ passiġġieri 2007 – 7,863
Total ta’ passiġġieri 2008 – 11,240 (stima)
Ta’ min iżid li, l-Air Malta din is-sena irnexxielha tieħu xogħol ġdid għal titjiriet bejn Manchester u Lourdes darbtejn fil-ġimgha fil-perjodu bejn Mejju u Settembru 2008 għal
tour operator
Ingliż, u tuża l-ajruplan li għandha fil-bażi ta’ Manchester. Għalhekk, dan mistenni iżid il-preżenza ta’ l-Air Malta fl-ajruport ta’ Lourdes għal din is-sena biss.
Għas-sena 2009, l-Air Malta se tagħmel l-istess pjanijiet bħal ta’ din is-sena għas-suq Malti, u għandha żżomm il-kompettitivita’ tagħha f’dan is-suq u tikkompara tajjeb ma’ kumpaniji oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu permess li jkun l-użin tal-ħobż Malti skond l-aħħar ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-furnara u x'passi qed jittieħdu biex ikun assigurat li qed jinżamm dan il-piż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Ordni Numru 1 tal-20 ta’ Mejju, 2008 tistabilixxi li l-piż ta’ ħobza kbira tal-Malti m’għandhux ikun anqas minn 540 gramma waqt li dik żgħira mhux anqas minn 270 gramma.
L-Awtorita’ Maltija dwar l-iStandards matul l-aħħar snin, irċeviet diversi rapporti mingħand id-Dipartiment tal-Konsumatur fil-konfront ta’ fran differenti fuq il-piż tal-ħobż. Il-policy tal-Awtorita’ hi, illi f’każijiet ta’ din in-natura, jittieħdu passi fil-konfront ta’ fran illi dwarhom isir numru ta’ rapporti, ripetutament u minn sorsi differenti.
Jista' l-Ministru jgħid hux isir xi studju, eċċ., dwar kemm hu l-compliment ta' l-infermiera fis-swali ta' l-isptarijiet, ċentri tas-saħħa, bereġ eċċ? Kemm suppost għandu jkun in-numru ta' infermiera fihom? X'inhuma r-riżultati u x'passi hu maħsub li jittieħdu biex tali nuqqas jinmtela jew jiġi rimedjat?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta' infermieri li attwalment qed jaħdmu huwa hekk :-
Sptar Mater Dei - 1245 + 128 qwiebel
Ċentru tas-Saħħa - 175
Sptar Monte Carmeli - 230
Residenza San Vincenz de Paul - 298
Informat ukoll li l-kunċett tal-complement m'għadux rikonoxxut. Il-livell ta' staff huma ibbażati fuq il-ħtiġijiet tas-servizz minn żmien għal żmien. Madankollu, bħalissa qed isir proċess ta' reviżjoni ta' dawn il-ħtiġijiet. Dan huwa proċess kumpless ħafna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati lill-pulizija nies nieqsa sena, b'sena mill-1999 'l hawn? Kemm minn dawn instabu jew irritornaw u kemm baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid jekk minn dawn kienx hemm persuni barranin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rrappurtati lill-pulizija delitti (qtil voluntarju ta' persuni) kull sena mill-1999 'l hawn, kemm minn dawn kienu solvuti, kemm każi għadhom qed jiġu nvestigati u kemm minnhom huma nvestigazzjonijiet magħluqa pero' l-pulizija ma tellgħetx persuni l-qorti minħabba nuqqas ta' provi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
It-tewġiba għal din il-mistoqsija parlamentari qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni reġistrati bħala editur jew aġent editur tal-gazzetta "In-Nazzjon" mill-1 ta' Lulju, 1970 'l hawn u l-perijodu li damu f'din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni reġistrati bħala editur jew aġent editur tal-gazzetta "Il-Mument" mid-9 ta' Lulju, 1972 'l hawn u l-perjodu li damu f'din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, sena b'sena, mit-twaqqif tal-kunsilli lokali fl-1993 'l hawn, x'kienu l-funzjonijiet, ir-responsabilitajiet eċċ li ngħataw? Hemm il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw xi funzjonijiet, responsabbiltajiet eċċ oħra? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma u meta se jingħatawlhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Intepellant illi mat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, ir-responsabbilitajiet elenkati f’Artikolu 33 ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali ġew mgħoddija lill-Kunsilli Lokali fuq medda ta’ tlett snin.
Barra minn hekk, matul iż-żmien żdiedu ukoll dawn il-funzjonijiet:
· Id-delega lill-Kunsilli Lokali ta’ l-infurzar ta’ kontravenzjonijiet relatati ma’ vetturi bil-mutur (Avviż Legali 128 ta’ l-1994);
· Id-delega tal-funzjoni li l-Kunsilli Lokali jiġbru, f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija, il-ħlas għat-tiġdid tal-liċenzji tal-Pulizija (AL 204 ta’ l-1996);
· L-introduzzjoni ta’ l-infurzar lokali ta’ kontravenzjonijiet bl-użu tas-servizzi ta’ Gwardjani Lokali (b’effett mill-1999);
· Il-kisi jew l-asfaltar tal-mogħdijiet u toroq, li ma jinkludux ir-rikostruzzjoni tagħhom (emenda fil-liġi li saret permezz ta’ l-Att XXI ta’ l-1999);
· Id-delega lill-Kunsilli Lokali ta’ l-infurzar tal-Bye-Laws (AL 32 ta’ l-2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar dwar sinjali tat-traffiku (A L 32 ta’ l-2000) ;
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ żibel u skart (AL 32 /2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-assentiżmu tat-tfal minuri mill-iskola (AL 32/2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-użu taċ-ċintorin tas-sigurezza (seat belt) (AL 32/2000);
· Id-delega ta’ l-infurzar relatati ma’ l-kontroll tal-klieb (AL 242/2000);
· Il-fakultà li kull Kunsill li jkun irid japplika l-Bye-Laws li jirregolaw it-tqegħid ta’ skips m’għandhomx il-ħtieġa li jagħmlu Bye-Laws partikolari iżda japplikaw il-Bye-Laws maħruġa b’mod ġenerali (AL 241/2000);
· Delega lill-Kunsilli Lokali għat-twaqqif u bdil tal-bus shelters u l-manutenzjoni tagħhom (AL 292/2001);
· Skemi ta’ ipparkjar kontrollat (controlled parking schemes) – 2001;
· Permessi li jinħarġu mill-Kunsilli Lokali għal attivitajiet fil-lokalitajiet tagħhom, fosthom (AL 119/2002):
§ Permessi għal kiddy ride machines u makni tal-bejgħ awtomatiċi;
§ Id-depożitu ta’ materjal tal-bini u materjal ieħor;
§ Id-depożitu jew użu ta’ krejn jew makkinarju goff;
§ Permessi għat-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet biex jingħata servizz ta’ ikel u xorb f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi (eż. festi, karnival, eċċ);
§ Twaqqif ta’ xi posta jew kjosk f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi;
§ Divertiment okkażjonali (eż tombla, fiera, esebizzjoni, logħob żgħir) f’xi ġurnata jew ġranet speċifiċi;
§ Delega tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni relatati ma’ kummerċ minn xi post jew xi suq fil-beraħ
· Delega tal-permessi relatati mal-ftuħ tal-uċuħ tat-toroq (AL 313/2002);
· Delega lill-Kunsilli Lokali dwar stallazzjonijiet u manutenzjoni tat-tidwil tat-toroq (AL 114/2002);
· Żieda mad-delega ta’ l-infurzar lokali, li permezz tagħha Gwardjan Lokali jista’ waqt xi attività jew okkażjoni partikulari li għaliha jkun inħareġ permess jew f’ċirkostanzi ta’ emerġenza, jikkontrolla, jidderieġi u jagħti kull ordni xierqa lil sewwieqa ta’ vetturi (AL 256/2002);
· Delega lill-Kunsilli Lokali, li fuq bażi volontarja, jagħmlu kuntratt ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ toroq għan-nom tal-Awtorità tat-Trasport (li għaliha dawn il-Kunsilli Lokali ingħataw is-somma ta’ Lm75,000 fuq medda ta’ 3 snin) – 2003;
· Id-delega ta’ kklampjar u tneħħija ta’ oġġetti ta’ ingombru (inklużi vetturi abbandunati u dawk li l-liċenzja tagħhom ma tkunx tħallsitilha liċenzja ta’ triq għal xi sena meta din tkun skadiet b’aktar minn 3 xhur) mill-Kunsill Lokali b’żieda mal-funzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija (AL 405/2003);
· Restrizzjoni ta’ dħul tal-vetturi fl-Imdina, liema delega ngħatat lill-Kunsill Lokali Mdina minflok il-Kummissarju tal-Pulizija (AL 359/2004);
· Id-delega ta’ l-infurzar lill-Kunsilli Lokali dwar it-tqegħid ta’ billboards fit-toroq (AL 518/2004);
Il-Kunsilli Lokali, permezz ta’ arranġamenti amministrattivi ngħatatilhom ukoll il-fakultà li:
· Jitolbu għad-devoluzzjnoi ta’ l-amministrazzjoni ta’ proprjetà pubblika b’titolu legali maqbul bejn il-Kunsill Lokali partikulari u d-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Dan sar possibbli permezz tal-Policy dwar “Devoluzzjoni Lokali” li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Marzu 1999 permezz ta’ ċirkulari maħruġa lill-Kunsilli Lokali kollha (Memo 24/1999). Din il-policy tagħti l-fakultà lil kull Kunsill Lokali li jitlob għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà pubblika skond 3 kriterji prinċipali, u ċioe’, jekk il-proprjetà tkun:
·
i. Mitluqa u/jew mhux żviluppata
ii. Użata ħażin (misused) jew li tista’ tiġi żviluppata aħjar; jew
iii. B’xi mod relatata ma’ xi funzjoni tal-Kunsill Lokali skond il-funzjonijiet statutorji tal-Kunsilli Lokali (dawk stabbiliti fil-liġi tal-Kunsilli Lokali); u
· Jagħmlu arranġament mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji sabiex jamministraw Libreriji Reġjonali u Libreriji Friegħi.
Dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-Kunsilli Lokali jingħataw xi funzjonijiet u/jew responsabbilitajiet oħra, għadhom qed jidħlu l-proposti fid-dawl tar-riforma li qed isir fil-gvern lokali. Il-proċess għandu jiġi finalizzat lejn l-aħħar ta’ din is-sena fejn jiġi deċiż x’emendi u funzjonijiet ġodda, jekk ikun il-każ, għandhom jidħlu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-sindki tal-lokalitajiet kollha fejn hemm il-kunsilli lolaki mit-twaqqif tagħhom 'l hawn? Kemm dam kull sindku fil-kariga u f'isem liema partit kien elett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1800, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi s-Sindki ta’ kull Kunsill Lokali mit-twaqqif tagħhom sal-lum u f’isem liema partit kienu eletti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi trasferiment ta' proprjetà tal-Gvern saret lill-kunsilli lokali? Xi proprjetà ngħatat? X'kien l-użu tagħha (jekk fil-fatt kienet qed tiġi użata)? Lil liema kunsill lokali ngħatat u meta ngħatatlu? Hemm xi ħlas fuqha u għalxiex qed tintuża llum? Hemm xi talbiet għal xi trasferiment ta' proprjetà oħra? Xi proprjetà qed jitolbu? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? Meta hemm il-ħsieb li jsir dan it-trasferiment? Il-kunsilli lokali li qed jitolbu tali proprjetà għalxiex se juzawha? Min-naħa tiegħu, il-Gvern għandu xi ħsieb li jittrasferixxi proprjetà tiegħu mhux użata jew mhux użata tajjeb lil xi kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi t-transferimenti jew id-devoluzzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern li saret lill-Kunsilli Lokali. F’din il-lista hemm il-proprjetà li ngħatat, meta ngħatat u għalxiex qed tintuża. Nixtieq inżid li meta kienu ġew stabbiliti l-Kunsilli Lokali l-Gvern kien ħa wkoll ħsieb li jipprovdilhom il-bini ta’ l-uffiċċji minn fejn jiffunzjonaw.
Dwar talbiet pendenti għat-trasferiment ta’ proprjetà oħra qed inpoġġi fuq il-Mejda, Tabella B li fiha l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Id-Devoluzzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ propjetà pubblika lill-Kunsilli Lokali issir permezz ta’ ftehim ta’kiri, liema ftehim jiġi ffirmat mid-Direttur ta’ l-Artijiet, is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kunsilli lokali ngħataw jew għandhom id-delega ta' amministrazzjoni, tmexxija jew ħarsien tal-librerija pubblika lokali jew regjonali? Meta kull kunsill lokali ingħata din id-delega? Hemm xi talbiet pendenti? Xi progress sar fejn ingħatat id-delega u x'inhi l-policy tal-Gvern f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-libreriji kollha, kemm dawk friegħi, kif ukoll dawk Reġjonali, li ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali u bid-data ta’ meta seħħ dan.
Preżentament hemm interess mill-Kunsilli Lokali ta’ Santa Venera, Marsaxlokk u Ħal-Tarxien għad-devoluzzjoni ta’ libreriji.
Nixtieq inżid li d-Dipartiment għal-Gvern Lokali jalloka ammont ta’ flus kull sena speċifikament lill-Kunsilli Lokali, ħalli dawn ikunu jistgħu jintużaw għal dawn il-libreriji. Isiru ukoll donazzjonijiet ta’ kotba minn diversi entitajiet, inkluzi ambaxxati, għal-libreriji tal-Kunsilli Lokali.
Il-
policy
tal-Gvern hija dik li jappoġġa talbiet għat-twaqqif ta’ libreriji reġjonali jew friegħi. Id-Dipartiment tal-Libreriji jassisti f’għajnuna fl-ixkaffar kif ukoll fil-
mentoring
u l-ħlas tal-librara kif ukoll klassifikazzjoni tal-kotba. Hi wkoll il-
policy
tal-Gvern li l-libreriji lokali joffru faċilitajiet ta’
photocopying
u riċerka permezz ta’ l-
Internet
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet, sena b'sena, l-allokazzjoni finanzjarja diretta u indiretta li ngħata kull kunsill lokali mit-twaqqif tagħhom 'il hawn? Hemm il-ħsieb li jinbidel il-mod ta' kif tinħadem l-allokazzjoni? Jekk fl-affermattiv, kif se tinħadem u minn meta?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni liċenzjati biex jaħdmu bħala gwidi turistiċi u f'liema lingwi huma liċenzjati biex jagħmlu dan? X'inhu l-impenn tal-Gvern biex jikkontrolla l-abbużi f'dan il-qasam u cioe' biex Maltin u barranin li m'humiex liċenzjati bħala gwidi ma jkomplux jagħmlu dan ix-xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet u x-xtut dikjarati għall-għawm biss u f'dan il-każ xi spezzjonijiet isiru minn impjegati ta' l-Awtorita' Marittima biex ikun assigurat li f'tali bajjiet u xtut m'humiex isiru abbużi minn dgħajjes, eċċ.? X'kienu r-riżultati s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-bajja żgħira u naturali ta' Bugibba nqasmet fi tnejn biex f'parti minnha ma jsirx għawn sempliċiment biex ikun jista' jitrakka bastiment ta' vjaġġi bil-baħar bejn Bugibba u Kemuna, meta l-istess vjaġġi jistgħu jibdew u jispiċċaw f'partijiet oħra ta' din il-lokalita'? Fuq liema kriterji ngħatat din il-konċessjoni tal-baħar? Qed isir xi ħlas lill-Awtorita' Marittima? Jaf li d-dħul u l-ħruġ ta' tali bastiment fil-bajja ta' Bugibba qed isir b'dannu u b'periklu għall-għawwiema u l-ambjent? Jikkonsidra li jinvestiga l-każ kollu in vista ta' l-ilmenti (anke permezz ta' petizzjoni) li issa ilhom isiru mill-familji li jiffrekwentaw il-bajja u jipprova jsib post atternattiv għal dan il-basitment b'mod li jħalli l-bajja ta' Bugibba titgawda mill-għawwiema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li rigward il-bajja ta’ Buġibba, l-Awtorita` rċeviet diversi talbiet sabiex tiġi stabbilita żona riservata għall-ghawwiema. Bħala parti minn dan il-proċess, u bħalma sar f’lokalitajiet oħra, tqegħdet launching lane bi prova minħabba l-preżenza ta’ żewġ slipways kif ukoll għall-fatt li minn hemm jopera watersports operator u operatur ieħor li jagħmel vjaġġi bejn Buġibba u Kemmuna. Dawn għandhom il-permessi kollha mill-Awtorita` u ilhom joperaw minn hemm għal diversi snin. Barra minn hekk, launching lanes iservu sabiex kull membru tal-pubbliku li għandu opra tal-baħar ikollu aċċess għax-xatt minn żona riservata għall-għawwiema. Permezz ta’ dawn il-miżuri l-għawwiema jkunu protetti ġewwa ż-żona riservata. Bħalissa, l-Awtorita` qegħda tagħmel moniteraġġ u tisma` l-kummenti tal-pubbliku u għaqdiet qabel ma tiġi finalizzata ż-żona riservata għall-għawwiema f’din il-lokalita`.