Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vettura privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura privata hawn reġistrata f'Malta u Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ vetturi privati reġistrati hawn Malta sa l-aħħar ta’ Settembru 2008 huwa kif jidher f’din it-tabella: Sena Vettura Ammont 2008 Electric Car 33 Electric Motorcycle 883 Motorcycle 21304 PC Class 1 129593 PC Class 2 28280 PC Class 3 26033 PC Class 4 34349 PC Class 5 31070 PC Class 6 9660 2008 Total 281205

Fridge, gas cooker, washing machine

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il fridge, gas cooker u washing machine hu stmat li hawn fid-djar f'Malta u Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar 2005 minn 139,583 households li ġew reġistrati, 98.5% għandhom fridge/fridge-freezer waħda jew aktar, 96.6% għandhom cooker wieħed jew aktar, u 92.1% għandhom washing machine waħda jew aktar.
Leg 11 PQ #3556 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Local Enforcement Systems

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tal-Local Enforcement Systems x'kien, sena b'sena, l-ammont ta' flus dovut lil kull kunsill lokali? Kemm f'total irċevew il-kunsilli lokali u x'inhu l-ammont li kull Kunsill Lokali għandu jdaħħal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3557 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riforma tal-kunsilli lokali

Question

Bħala parti mill-konsultazzjoni li l-Gvern qed jagħmel dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid fl-ewwel parti ta' dan il-proċess ma' min saru l-konsultazzjonijiet u x'kienu l-issues l-aktar importanti u komuni li tqajmu matul dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel fażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali kien jikkonsisti f’konsultazzjonijiet mat-68 Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali kif ukoll f’konsultazzjonijiet ma’ stakeholders oħra. Dawn kienu jinkludu: il-pensjonanti, tfal ta’ l-iskola, kulleġġ tal-kappillani u NGOs oħrajn. F’din l-ewwel fażi daħlu diversi suġġerimenti li jittrattaw: it-terminu tal-Kunsill, il-kariga tas-Sindku, allowance għall-kunsillieri, metodi ġodda ta’ finanzjament, utilizzar aħjar ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, proġetti speċjali, titjib fl- istandards ta’ l-għoti ta’ servizzi, inklużjoni u parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini fid-deċizjonijiet lokali, aċċessibilità tal-uffiċini tal-Kunsill, u materji oħra konnessi ma’ l-operat tal-Kunsilli Lokali, inkluż it-tisħiħ tal-kunċett ta’ Gvern Lokali.
Leg 11 PQ #3558 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Ġieħ il-Lokalità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li kull sena jew meta jkun il-każ jagħtu xi unur bħal Ġieħ il-Lokalità lil xi organizzazzjoni jew individwi? Minn meta kull kunsill beda jagħti dan l-unur, u lil min ngħata kull darba? X'inhuma l-kriterji wżati fl-għoti ta' dan l-unur u jekk bħala parti mir-riforma li qed tiġi diskussa hemmx il-ħsieb li jkun hemm gwida nazzjonali dwar l-għoti ta' dan l-unur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3559 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kontravenzjonijiet tat-traffiku — Flus dovuti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew qed jittieħdu mill-Gvern u mill-Kumitati Kongunti biex ikunu miġbura l-flus dovuti lill-Kunsilli Lokali minn kontravenzjonijiet tat-traffiku eċċ? Peress li individwi li għandhom jagħtu mijiet u eluf ta' liri qed jiskapriċċaw is-sistema billi qed jabbandunaw il-vettura tagħhom u jirrikorru għal waħda tal-kiri, jikkonsidra li jieħu passi fil-konfront ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dispożizzjonijiet legali eżistenti huma tali fejn il-kontravvenzjonijiet tat-traffiku jiġu maħruġa fuq il-vettura u mhux fuq il-persuna. Qed jiġu kunsidrati x’emendi legali jistgħu isiru, mingħajr ma jinkisru d-drittijiet umani, sabiex tali kontravvenzjonijiet attwalment jitħallsu. Għar-rigward ta’ vetturi abbandunati, is-Segretarjat Parlamentari għall-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni Pubblika qed jikkordina ħidma konġunta sabiex jingħata avviż għat-tneħħija ta’ vetturi abbandunati mis-sidien u jekk ma jsirx dan fi żmien stabbilit, dawn jitneħħew u jintbgħatu għar-riċiklaġġ. Hawn ta min jirringrazzja lill-Kunsilli Lokali li fil-maġġoranza kbira tagħhom ikkoperaw billi bgħatu site-plan u ritratti li jindikaw fejn jinsabu vetturi u oġġetti oħra tal-ħadid abbandunati. Hu ttamat li dan l-eżerċizzju, li hu abbinat mal-ezerċizzju konġunt ta’ infurzar dwar kontravvenzjonijiet relatati ma’ l-ambjent, iwassal kemm għal aktar indafa u preżervazzjoni ta’ l-ambjent fiżiku, kif ukoll sabiex jeduka lill-pubbliku fil-ħtieġa li jindokra l-ambjent ta’ madwaru.
Leg 11 PQ #2380 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati mal-Kunsilli Lokali kollha kull sena mit-twaqqif tagħhom sal-lum? U minbarra dawn, kemm kull sena kull Kunsill Lokali kellu mislufa miegħu minn mal-Gvern, mit-Tarznari u minn postijiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tingħata din l-informazzjoni jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu ż-żmien u jinvolvi l-użu ta’ ħafna mir-risorżi umani tad-Dipartiment. Għaldaqstant, ma narax skop li nużaw ir-riżorsi li għandna għal dan l-iskop.
Leg 11 PQ #3450 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċertifikati tal-kondotta — aċċess minn fuq l-internet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandhux l-intenzjoni li ċ-ċertifikati ta' kondotta li jinħarġu mill-pulizija jibdew ikunu ordnati u/jew aċċessibli minn fuq l-internet bħal ma illum insibu ċertifikati tat-twelid, żwieġ u mewt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija qed jaħdem fuq sistema sabiex iċ-ċertifikati ta' kondotta jkunu jistgħu jiġu ordnati minn fuq is-sit elektroniku tagħhom.

Kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid: Kemm-il kulleġġ twaqqaf s'issa f'Malta u Għawdex? Kull kulleġġ minn kemm-il primarja, sekondarja, eċċ hu magħmul? X'inhi l-popolazzjoni tal-għalliema u studenti ta' kull kulleġġ? Hemmx kulleġġi oħra li għad iridu jitwaqqfu, fejn se jkunu, u xi primarji u sekondarji se jiġbru taħthom? Hemmx il-ħsieb li jinbnew kulleġġi, jew skejjel oħra ġodda, fejn u meta se jibda l-bini tagħhom u kemm hu stmat li se jiswew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Malta u Għawdex għandna għaxar (10) kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-istat. Il-kulleġġi jiġbru fihom numru ta’ skejjel. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bil-kompożizzjoni tal-kulleġġi u l-popolazzjoni ta’ l-għalliema. Bħalissa qed tiġi diskussa fażi ta’ bini ta’ skejjel ġodda għas-snin li ġejjin.

Taxxi mhux Mħalsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali saret mid-dwana ta' Malta, sena b'sena, mill-2005 s'issa biex ikun assigurat li fuq l-oġġetti kollha esposti għal-bejgħ ikunu tħallsu t-taxxi kollha dovuti? F'kull każ instabu affarijiet li kienu għall-bejgħ mingħajr ma tħallsu fuqhom it-taxxi dovuti? X'kienu l-affarijiet u dawn kienu kkonfiskati? X'kienu t-taxxi li suppost kienu mħallsa fuqhom u x'kien l-ammont ta' kull taxxa dovuta? Il-persuni li fl-istabbilimenti tagħhom instabu dawn l-affarijiet ittellgħu l-qorti? Jekk fl-affermattiv x'kienu kkundannati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi: Ir-rendikont ta’ spezzjonijiet fi stabbilimenti kummerċjali mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-1 ta’Ġunju 2008, kif ukoll taxxi dovuti fuq l-oġġetti maqbuda huwa kif ġej: Fis-sena 2005 saru erba’ mija sebgħa u tletin (437) tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali f’diversi lokalitajiet li minnhom tnejn u sittin (62) kienu pożittivi. It-tnejn u sittin (62) tfittxija pożittiva jinqasmu hekk: Għaxar każi (10) għadhom pendenti quddiem il-Qorti, każ wieħed (1) fejn saret biss il-konfiska tal-oġġetti filwaqt li wieħed u ħamsin (51) każ ġew deċiżi amministrattivament. It-taxxi dovuti huma ta’ €138,998.41 Fis-sena 2006 saru mija wieħed u disgħin (191) tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali f’diversi lokalitajiet li minnhom erbgħin (40) kienu pożittivi u li jinqasmu hekk: Tmien (8) każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti, ħames (5) każi fejn saret biss il-konfiska tal-oġġetti, sitt (6) każi fejn għad trid tittieħed azzjoni u wieħed u għoxrin (21) każ ġew deċiżi amministrattivament. It-taxxi dovuti huma ta’ €20,070.40. Fis-sena 2007 saru tlett mija u ħamsa u erbgħin (345) tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali f’diversi lokalitajiet li minnhom wieħed u tmenin (81) kienu pożittivi jinqasmu hekk: Każ (1) wieħed għadu pendenti quddiem il-Qorti, għoxrin (20) każ fejn saret biss il-konfiska tal-oġġetti, tmien (8) każi fejn għad trid tittieħed azzjoni u ħamsin (50) każ ġew deċiżi amministrativament. It-taxxi dovuti huma ta’ €15,934.64. Din is-sena, sa l-aħħar ta Settembru 2008 saru tmien mija u tletin (830) tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali f’diversi lokalitajiet li minnhom mija u erba u sebgħin (174) kienu pożittivi li jinqasmu hekk: Każ (1) wieħed qiegħed quddiem il-Qorti, tlett (3) każi fejn saret biss il-konfiska tal-oġġetti, mija u ħamsin (150) każ fejn għad trid tittieħed azzjoni u għoxrin (20) każ ġew deċiżi amministrattivament. It-taxxi dovuti huma ta’ €14,362.23. L-affarijiet kienu jikkonsistu f’sigaretti u xorb alkoħoliku.
Leg 11 PQ #1905 Sitting 46 2008-10-22 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini/Estensjonijiet ta' Lukandi — Sottomessi lill-Malta Tourism authoruty

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ta' żvilupp ġew sottomessi lill-Malta Tourism Authority għall-bini jew estensjonijiet ta' lukandi f'dawn l-aħħar sentejn? Kif inhuma maqsuma bejn żviluppi ġodda u estensjonijiet? Min huma l-applikanti konċernati? Fiex jikkonsisti tali żvilupp u kemm hu stmat li jiswa dan l-investiment? Is-sidien li qed japplikaw biex jagħmlu dan l-iżvilupp qed jitolbu l-għajnuna ta' l-Awtoria'? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma jitolbu minnha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. L-applikant mhux obbligat jindika l-ammont ta’ investiment. Operaturi Turistiċi, inkluż lukandiera, ser ikollhom l-opportunità li japplikaw għall-għajnuna taħt il- Grant Scheme for Sustainable Tourism Projects skond il-Fondi Strutturali tal-EU għas-snin 2007-2013.
Leg 11 PQ #1960 Sitting 46 2008-10-22 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni dwar is-Servizzi Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma d-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman u tal-Kummissjoni kontra l-Inġustizzja li marru quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex jingħata rimedju u dawn ma kenux milqugħa? X'kienet ir-raġuni għal dan każ b'każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1960, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 108 każijiet li ngħatatilhom rakkomandazzjoni favorevoli mill-Kummissjoni Kontra l-Inġustizzji, li din ġiet aċċettata mill-Prim Ministru, iżda li ma ġietx milqugħa mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Kien hemm każ wieħed li ngħata rakkomandazzjoni favorevoli mill-Kummissjoni Kontra l-Inġustizzji, iżda li din ma ġietx aċċettata mill-Prim Ministru fuq parir tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Fl-2001 kienet ġiet ivvutata s-somma ta’ Lm364,000 li minnha tħallas kumpens ex gratia fir-rigward tal-108 każijiet hawn fuq imsemmija. Kien hemm tlett (3) każijiet fejn ir-rimedju rrakomandat mill-Omudsman ma ġiex milqugħ mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Il-każi kollha kienu jirrigwardjaw ħatriet fis-Servizz Pubbliku fejn il-Prim Ministru huwa obbligat mill-Kostituzzjoni ta’ Malta li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma laqgħetx ir-rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman fit-tlett każijiet hawn fuq imsemmija.
Leg 11 PQ #2230 Sitting 46 2008-10-22 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Amministrazzjoni ta' proprjeta' pubblika

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1798, jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu u ngħataw, jew għadhom jistennew li jingħataw, id-delega ta' l-amministrazzjoni ta' proprjeta' pubblika? Xi proprjeta' ngħataw u għalxiex issa qed tiġi wżata? Meta ngħataw din il-proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1806.
Leg 11 PQ #1803 Sitting 45 2008-10-21 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali kollha mit-twaqqif tagħhom 'l hawn u kemm dam kull segretarju eżekuttiv fil-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Numru 1803 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li turi s-Segretarji Eżekuttivi kollha li servew fil-Kunsilli Lokali mill-1993 sa l-1 ta’ Settembru 2008.
Leg 11 PQ #2252 Sitting 44 2008-10-20 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — By-laws

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'by-laws saru mill-Kunsilli Lokali mindu ngħataw dan il-poter? X'kienu dawn l-by-laws? Liema kunsilli lokali qed joperawhom u minn meta daħlu fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li turi il-bye-laws kollha li ħarġu mill-Kunsilli Lokali mill-1994 sallum. Bħalissa hemm żewġ talbiet pendenti għal ħruġ ta’bye-laws . Dawn huma tal-Kunsill Lokali Marsa (dwar Żamma ta’ Bhejjem) u tal-Kunsill Lokali Sliema (dwar Stabbilimenti li jipprovdu l-ikel).
Leg 11 PQ #2348 Sitting 44 2008-10-20 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Każijiet ta' abbuż fuq anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani mis-sena 2000 sat-tmiem tas-sena 2007? Kemm kienu l-każi li ġew rapportati: (1) mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-aġenzija Appoġġ (2) mid-Dipartiment ta’ l-Anzjani (3) mis-Servizz ta’ Social Work fl-Isptar Żammit Clapp (4) mis-Servizz ta’ Social Work fl-Isptar Mater Dei (5) mis-Servizz ta’ Social Work fir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule u (6) mis-Servizz ta’ Social Work ta’ l-Aġenzija Sapport? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet speċifikament ta’ abbuż li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji? - abbuż emozzjonali u psikoloġiku - abbuż fiżiku - abbandun u traskuraġni (neglect) - abbuż finanzjarju u - abbuż sesswali. Minn dawn il-każijiet mis-sena 2000 sa l-2007: - Kemm mill-vittmi kienu irġiel u kemm nisa? - Kemm minn dawn l-abbużi saru minn persuni ta’ nazzjonalità barranija?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.