Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2229 u jgħid jekk l-Environmental Landscape Consortium (ELC) għandux l-inkarigu li jsebbaħ l-open spaces, central strips,roundabouts eċċ. li hemm fit-triq li minn Ħal Qormi tagħti għalfejn l-arjuport il-qadim (Triq Ħal Qormi/Ħal Luqa/San Tumas)? Jekk iva, għaliex dawn il-postijiet m'humiex miżmuma fi stat tajjeb? Jekk le, jikkonsidra l-Gvern li dawn il-postijiet għandhom jingħataw lill-ELC inkella lil xi kumpannija oħra biex jinżammu fi stat tajjeb partikolarment meta wieħed jikkonsidra li minn din it-triq ħafna turisti jieħdu l-ewwel u l-aħħar impressjoni ta' pajjiżna?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2253 u jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li waħedhom jew bi sħab mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani fetħu jew qed imexxu xi Ċentru ta' Matul il-Jum għall-Anzjani fil-lokalità tagħhom? Meta nfetħu dawn iċ-ċentri ? X'inhu n-numru ta' anzjani li jattendu dawn iċ-ċentri? X'kien jew għadu s-sehem li kull kunsill lokali qed jagħti f'dan ir-rigward? Hemm xi talbiet pendenti minn kunsilli lokali oħra għal ftuħ u jew it-tmexxija ta' Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Anzjani?
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpanniji parastatali li ġew privatizzati minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti mill-1987 'l hawn? X'investiment għamlu minn dak iż-żmien 'l hawn? Jista' jgħid jekk tali investiment kienx possibli li jsir kieku ma kienux pprivatizzati? Kemm qed iħaddmu nies illum? X'ammont ta' taxxa ħallsu fuq il-qliegħ li kellhom kull sena minn dak iż-żmien 'l hawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpaniji li ġew privatizzati mill-1987 ‘l hawn huma dawn li ġejjin: Maltapost, Malta International Airport, Maltaco, Freeport Terminals Ltd., Go, Tug Malta, Oil Tanking, Med Power Electric Ltd., Medelec Switchgear Ltd., Mediterranean Film Studio, Quality Shoes, Zrar Ltd., Beltilhazna Containers Ltd., Mqabba Marbles, Leisure Clothing, Air Supplies Ltd. u MP Clothing. Madankollu, informazzjoni dwar x’ammont ta’ taxxa ħallsu u x’investiment għamlu dawn il-kumpaniji ma tistax tingħata minħabba li hija ta’ natura sensittiva. Rigward kemm qed iħaddmu nies dawn il-kumpaniji llum nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1894 u jgħid liema kienu dawk il-kumpanniji parastatali li ġew privatizzati minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti mill-1987 'l hawn? X'investiment għamlu minn dak iż-żmien 'l hawn? Jista' jgħid jekk tali investiment kienx possibli li jsir kieku ma kienux pprivatizzati? Kemm qed iħaddmu nies illum? X'ammont ta' taxxa ħallsu fuq il-qliegħ li kellhom kull sena minn dak iż-żmien 'l hawn?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1894.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7178, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzoni għas-Servizzi tal-Ilma stallatx ukoll sistemi ta' moniteraġġ tal-pompi tad-drenaġġ f'bajjiet oħra? Jekk fl-affermattiv, f'liema bajjiet u kienx hemm kazi mindu ġew stallati 'l hawn fejn żviluppaw ħsarat u allura ttieħdet azzjoni immedjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-KSI nstallat sistema ta' moniteraġġ kif muri fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Minn mindu ġew installati dawn is-sistemi , kien hemm disgħa każi ta' ħsarat permezz tal-istess sistema u dan ippermetta lill-KSI li tieħu l-passi neċessarji bla dewmien.
Issa li l-Air Malta għalqet is-sena finanzjarja tagħha 2008-2009 u ħabbret ukoll l-iskedi tagħha għal din is-sena jista' l-Ministru jgħid is-sena li għaddiet kemm-il kumpannija organizzat titjirjiet chartered għal Lourdes u kemm ġarret b'passiggieri b'kollox? Kif dan hu paragunat mas-snin ta' qabel u cioè mindu bdiet titjiriet chartered għal Lourdes u cioè ukoll laħqitx il-miri tagħha? U kemm hu programmat li torganizza titjirjiet chartered din is-sena u x'inhi l-mira ta' passiġġieri li tistenna li tilħaq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ passiġieri (imorru u jiġu) fuq titjiriet ‘charter’ tal-Air Malta lejn Lourdes matul is-sena 2008 laħaq 13,460. L-Air Malta operat 4 titjiriet f’April 2008, 6 titjiriet f’Mejju 2008, 41 titjira diretta fit-tlett xhur tas-sajf Lulju sa Settembru 2008, u 8 titjiriet oħra fix-xahar ta’ Diċembru 2008. Dan kien ifisser żieda ta’ 14 it-titjira iktar fuq is-sena ta qabel, u żieda ta’ 5,597 passiġier.
It-titjiriet ta’ L-Air Malta lejn Lourdes bdew f’Marzu ta’ l- 1988.
Dawn l-aħħar ħames snin it-traffiku ta’ passiġieri għall-Lourdes (imorru u jiġu) kien hekk :
Total ta’ passiġieri 2004 – 7,930
Total ta’ passiġieri 2005 – 8,997
Total ta’ passiġieri 2006 – 9,214
Total ta’ passiġieri 2007 – 7,863
Total ta’ passiġieri 2008 – 13,460
Għas-sena 2009, huwa stmat li l-Air Malta se tagħmel 28 titjira diretta.
Tista' l-Ministru tgħid jekk mit-twaqqif tiegħu f'Settembru 2008 'l hawn iċ-Ċentru dwar l-Istudji dwar il-Familja fl-Università ta' Malta kkonkludiex xi studji dwar il-familja? U jekk fl-affermattiv, dwar xiex kienu dawn l-istudji? Tista' l-Ministru tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Bord taċ-Ċentru għall-Istudji tal-Familja ġewwa l-Università ġie uffiċjalment kostitwit fis-6 ta' Frar, 2009. S’issa għad m’hemm l-ebda studju li kien iffinalizzat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tagħhom 'l hawn kemm-il elezzjoni saret għall-kunsilli lokali? Meta saret kull elezzjoni? Kemm-il kandidat ikkontesta kull elezzjoni? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa? Kemm kellu kandidati kull partit f'kull elezzjoni? Kemm kienu eletti kandidati f'kull elezzjoni u f'isem min kienu eletti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mit-twaqqif tagħhom ’l hawn sa llum saru b’kollox 350-il elezzjoni għall-kunsilli lokali.
Wara l-ewwel sensiela ta’ elezzjonijiet li kienu saru bejn l-20 ta’ Novembru, 1993 u l-14 ta’ Mejju, 1994, l-elezzjonijiet baqgħu jsiru skond it-Tieni Skeda ta’ Att XV tal-1993 u Artiklu 8 ta’ l-istess liġi. Id-dati ta’ dawn l-elezzjonijiet, kemm ikkontestaw kandidati u kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa jidhru fil-lista f’tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
In-numri ta’ kandidati, ma’ liema partiti ħarġu, kemm kienu eletti u f’isem min kienu eletti l-kandidati jidhru fil-lista f’tabella ‘B’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif tal-Local Enforcement Systems x'kien, sena b'sena, l-ammont ta' flus dovut lil kull kunsill lokali? Kemm f'total irċevew il-kunsilli lokali u x'inhu l-ammont li kull kunsill lokali għandu jdaħħal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3556, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq li ngħataw it-tarmac matul l-2008 f’Ħ’Attard?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn it-toroq f’Ħ’Attard inbnew u ngħataw l-asfalt matul l-2008: parti minn Triq in-Nebbieta, parti minn Triq A.Durer, parti minn Triq Konti R. Barbaro u Triq iż-Żahar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew id-Divizjoni tal-Edukazzjoni kenux infurmati minn Lasalle Business College tal-Imsida li b'seħħ immedjat kien se jwaqqaf il-programmi CIM fil-livelli Professional Postgraduate Diploma in Marketing, Strategic Marketing Decisions (Managing Marketing Performance) u Strategic Marketing in Practice għad-detriment tal-istudenti li kienu qed jagħmlu dawn il-programmi, partikolarment dawk li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet? Jekk kien infurmat tista' tgħid ingħatax il-permess u tispjega kif l-istudenti li waslu għall-eżamijiet se jkunu mgħejuna joħorġu mis-sitwazzjoni inkwetanti li ddaħħlu fiha f'daqqa' waħda? Jekk le, x'passi se jittieħdu biex ikunu mħarsa l-interessi tal-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żagħżagħ u Sport, id-Direttorat tal-Kwalita' u Standards u d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi ma kienux infurmati li l-programmi CIM fil-livelli Postgraduate Diploma in Marketing, Strategic Marketing Decisions (Managing Marketing Decisions) u Strategic Marketing In Practice ser jitwaqqfu. Il-Ministeru rrefera l-każ lid-Direttorat tal-Kwalita u Standards li ser jinvestiga l-każ sabiex jara x’passi jistgħu jittieħdu fl-aħjar interess ta’ l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu in-numru ta' liċenzji tal-kummerċ li jiġu pproċessati kull sena? Liema hi l-aħħar sena sħiħa li ġiet ipproċessata u x'kien l-ammont ta' flus li daħħal il-Gvern f'dik is-sena partikolari? Liema kien l-aħħar xahar li ġie pproċessat mis-sena 2008?
Jaf li sidien ta' postijiet tal-kummerċ li bagħtu l-ħlas tal-liċenzja tal-kummerċ tagħhom f'Ottubru li għadda għadhom ma rċevewx il-liċenzja mġedda/l-irċevuta? Jista' jispjega għaliex dan id-dewmien fid-dħul tal-Gvern u jieħu passi biex dan id-dewmien ma jkomplix b'detriment għall-istess Gvern u wkoll għas-sidien ta' postijiet tal-kummerċ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numri ta' applikazzjonijet għal-liċenzi jvarja minn sena għall-oħra.
Statistika globali għal dawn l-aħħar erba' snin hija kif ġej:
2005
Jan - Dec
1126
2006
Jan - Dec
1209
2007
Jan - Dec
1137
2008
Jan - Dec
870
Din tinkludi applikazzjonijiet għal-liċenzi għal postijiet kummerċjali, għal attivitajiet freelance, bejjiegħa tat-toroq, bejjiegħa ta' monti, buskers, fieri kummerċjali, car boot sales u trasferimenti.
L-ammont tal-flus li daħħal il-Gvern minn applikazzjonijiet għal-licenza fit-2008 kien ta' 545,601 Ewro.
L-aħħar xahar li ġie pproċessat mill-2008 kien Diċembru.
Minn Ottubru s'issa ġie rċevut il-ħlas ta' madwar 9200 "renewal".
Fadal biex jintbgħatilhom irċevuti mal-150 li daħlu f'Jannar 2009 u 150 oħra li għandhom xi problema li qegħdin jiġu kkuntatjati individwalment .
Hawnekk tajjeb nagħmel klarifika li is-sena 2008 ma kienitx bħal snin oħra fejn jidħlu "renewals".
Dan għaliex f’Ottubru 2007 tħabbru tariffi ġodda u orħos fil-ħlas tal-liċenzji tal-kummerċ fejn ma baqgħetx issir distinzjoni fuq il-lokalità u valur tal-kera ta’ l-istabbilment i¿da fuq il-metri kwadri ta’ kobor tas-sular terran ta’ dak l-istabbilment. Dan wassal biex bosta negozji zgħar gawdew minn roħs sostanzjali fil-ħlas tal-liċenzja u anke jekk kien hemm xi zidiet permezz ta’ dawn ir-rati ġodda l-liċenzjat jibqa’ jħallas dak li kien iħallas qabel sa kemm ma jsirx xi trasferiment jew bdil fil-ġeneru tan-negozju. Għawdex ukoll gawda minn dan it-tibdil għaliex kull liċenzja maħruġa fuq negozji għawdxin tgawdi minn roħs addizzjonali ta’ 25% fuq it-tariffa . Dan ir-roħs gawdew minnu kull min ħallas il-liċenzja fit-2008.
Biex id-detenturi tal-liċenza setgħu igawdu minn dan ir-roħs ġew mitluba jagħmlu dikjarazzjoni tal-metri kwadri tas-sular terran u jħallsu skond it-tariffi marbuta ma' dik l'
area.
Din it-tariffa flimkien ma spjegazzjoni ġiet mgħoddiha lilhom mat-talba għal-ħlas. Id-Divizjoni għall-Kummerċ opera ukoll servizz t'assistenza li bejn it-13 t'Ottubru u 14 ta' Novembru għen mal-2800 detentur.
Fl-aħħarnet nixtieq niġbed l-attenzjoni għal fatt li minkejja mhux mitlub mill-liġi kienet il-prassi li d-ditentur tal-liċenzja jirċievu flimkien ma l irċevuta dokument iġenerat mis-sistema awtomizzata li ukoll juri li l-liċenzja ġiet mħallsa. Filwaqt li kif għedt iktar qabel l-irċevuta intbgħatet lil- madwar 8900 detentur, id-dokument li tiġenera is-sistema ser jieħu ftit ta¿-¿mien biex jintbgħat il-kullħadd. Dan għaliex kontra snin imgħodija qabel jiġi ġenerat trid jiġi imdaħla fis-sistema l-informazzjoni li bagħat l-applikant. Dawn diġa intbgħatu mal-4500 u qegħdin jintbgħatu mal-150 kuljum.
Madanakollu jekk xi ħadd għandu bzonn xi assistenza jista jikkuntatja il Business Care Unit –tad- Divizjoni tal-Kummerċ fuq 21226688.
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-Kumitat tal-Mediċinali? X'inhuma t-terms of reference tiegħu? Kemm-il każ ta' mediċina li allegatament kienet qed tinbiegħ bl-għoli investiga? Kemm-il mediċina nstabet li qed tinbiegħ bi prezz ogħla mill-medja Ewropea? X'passi ttieħdu f'kull każ? Il-kumitat hux qed isegwi l-passi li jkun ħa biex jara li verament l-prezz ikun traħħas u sakemm għandu żmien jiffunzjona dan il-kumitat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kumitat tal-Prezzijiet tal-Mediċinali twaqqaf f’Novembru 2006. It-terms of reference ta’ dan il-kumitat huwa li joħloq sistema li biha jista jiġi vverifikat li l-prezzijiet tal-mediċinali huma ġusti u raġjonevoli. Wara diversi laqgħat fi Frar 2007, intlaħaq ftehim, li l-prezz tal-mediċinali f’Malta jiġi mqabbel ma’ tnax-il pajjiż Ewropew. Id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni li hija responsabbli mit-tħaddim ta’ din is-sistema, sabet 179 mediċinali li l-prezz tagħhom kien aktar mill-medja. Sar tnaqqis fuq 60 mediċinali waqt li qed isiru diskussjonijiet fuq il-mediċinali l-oħra. Id-Diviżjoni tagħmel numru ta’ spezzjonijiet fil-gimgħa biex tara li l-prezzijiet ikunu raħsu ma’ dawk miftehma. M’hemmx terminu definit ta’ kemm għandu jibqa jiffunzjona l-kumitat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-konsultazzjoni dwar ir-riforma maħsuba għall-kunsilli lokali ntemmitx? Tul il-perjodu li saret il-konsultazzjoni liema kienu dawk il-korpi kostitwiti, NGOs, individwi, eċċ li ġew ikkonsultati? X'kienu (forma ta' punti) is-suġġerimenti eċċ li saru u x'inhu issa l-pass li jmiss fir-rigward ta' din ir-riforma? Minn meta hu maħsub li tibda r-riforma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni ngħalaq fl-aħħar ta’ Novembru 2008. Saru laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ Ministeri, Dipartimenti tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali kollha, Trade Unions, il-pubbliku fi tliet laqgħat pubbliċi, kif ukoll tfal tal-iskola, anzjani, korporazzjonijiet pubbliċi bħall-Water Services Corporation, l-EneMalta, il-MEPA, il-MEUSAC u oħrajn kif ukoll diversi NGO’s bħall-Kulleġġ tal-Kappillani, u entitajiet oħra interessati wara talba minnhom stess.
Saru diversi proposti (’il fuq minn 2,000) fosthom dwar it-terminu tal-Kunsill, it-terminu tas-Sindku, xi forma ta’
allowance
lill-Kunsillieri, regolamenti aktar ċari dwar il-laqgħat tal-Kunsill u dwar l-ingaġġ tas-Segretarji Eżekuttivi, kif ukoll emendi sabiex il-liġi tkun aġġornata f’diversi oqsma, il-ħtieġa ta’ ristrutturar tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex isaħħaħ ir-rwol ta’ regolatur, kif ukoll diversi proposti oħra dwar delega ta’ aktar funzjonijiet lill-Kunsilli Lokali u l-għoti ta’ aktar riżorsi.
Ir-rapport finalizzat se jkun imgħoddi għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett. Wara jsiru l-emendi leġislattivi u amministrattivi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li minn mal-postijiet storiċi li qed jiġu restawrati, bħalma huma s-swar, jitneħħew lampi, wires, tabelli u siġar? Jista' jara li dawn ma jkomplux jitwaħħlu ma' postijiet bħal dawn minħabba l-ħsara li jikkawżaw fil-ġebla?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li f’dawk il-postijiet storiċi kollha, inklużi s-swar, fejn ikun qed isir xogħol ta’ restawr taħt ir-responsabiltà tat-Taqsima tar-Restawr, dejjem jitneħħew dawk l-elementi kollha kkunsidrati li jkunu qed jikkawżaw il-ħsara.
Peress li l-infurzar ma jaqax taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi nitlob l-Onor Membru biex jagħmel it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu lill-ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hawnx xi policy dwar it-tqegħid ta' posters ma' arbli, siġar eċċ? Jekk fl-affermattiv, x'inhi din il-policy, meta saret u fuq kollox tobbligax lil min iwaħħalhom li jerġa' jneħħihom malli tgħaddi l-attività? F'każ li dawn ma jitneħħewx minn min ikun waħħalhom, hemm xi penali?