Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti — fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti li tlestew kompletament permezz ta’ Fondi Ewropej matul is-sena 2024 u l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm intużaw Fondi Ewropej u Fondi Maltin għal kull proġett?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Airmalta – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Airmalta fil-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema li għadhom fuq il-kotba tal-Airmalta u kemm tħallsu pagi, xahar b'xahar, mill-ġurnata li fiha għalqet l-Airmalta sal-aħħar ta’ Frar 2025?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjni mitluba għadha qed tinġabar.

Transport Malta – Għeluq ta’ toroq mingħajr permess — Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntrattur weħel multa u kemm kienet din il-multa f'kull każ lil kull kuntrattur, minn Transport Malta talli dan ikun għalaq triq mingħajr permess mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-2023 sal-lum, kien hemm total ta’ 199 każ ta’ xogħlijiet mhux awtorizzati li ma kinux jinvolvu l-għeluq sħiħ ta’ toroq, li għalihom ġew imposti multi li jammontaw għal €99,500. Barra minn hekk, kien hemm każ wieħed ta’ xogħol mhux awtorizzat li kien jinvolvi għeluq sħiħ ta’ triq, li għalih ġiet imposta multa ta’ €1,500.

MFSA — Kopji żbaljati ta’ liċenzji ta’ subject persons

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26569 u jgħid kemm-il darba u liema kienu d-drabi fejn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) uriet kopja żbaljata tal-liċenzja ta’ subject person fuq is-sit elettroniku tagħha mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema subject persons kellhom kopja żbaljata tal-liċenzja murija fuq is-sit elettroniku tal-MFSA?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-domandi li qegħdin jiġu mistoqsija huma kwistjoni li tolqot mertu ta’ kawża. Di fatti, hemm allegazzjonijiet marbuta magħhom f’tali proċeduri ġudizzjarji, liema proċeduri għadhom sub judice. Saħansitra domandi parlamentari preċedenti, li wkoll jirrelataw ma’ tali kawża u li ġew imwieġba, diġà tressqu bħala prova fl-istess proċeduri ġudizzjarji.

MFSA – Rapporti ta’ leaks lil media

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26485 u jgħid jekk kienx hemm rapporti lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ta’ leaks lill-media minn subject persons fl-2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll meta saru dawn ir-rapporti, x’investigazzjonijiet saru u x’passi ttieħdu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-domandi li qegħdin jiġu mistoqsija huma kwistjoni li tolqot mertu ta’ kawża. Di fatti, hemm allegazzjonijiet marbuta magħhom f’tali proċeduri ġudizzjarji, liema proċeduri għadhom sub judice. Saħansitra domandi parlamentari preċedenti, li wkoll jirrelataw ma’ tali kawża u li ġew imwieġba, diġà tressqu bħala prova fl-istess proċeduri ġudizzjarji.

MFSA –Subject persons – Settlements irtirati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26486 u jgħid meta l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) fis-snin 2019, 2020, 2021, 2023 u 2024 offriet settlement lil subject persons imbagħad dawn ġew irtirati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-domandi li qegħdin jiġu mistoqsija huma kwistjoni li tolqot mertu ta’ kawża. Di fatti, hemm allegazzjonijiet marbuta magħhom f’tali proċeduri ġudizzjarji, liema proċeduri għadhom sub judice. Saħansitra domandi parlamentari preċedenti, li wkoll jirrelataw ma’ tali kawża u li ġew imwieġba, diġà tressqu bħala prova fl-istess proċeduri ġudizzjarji.

MFSA – Settlements ma’ kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26487 u jgħid kemm saru settlements ma’ kumpaniji mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u min kienu tali kumpaniji? Jista’ jgħid ukoll min mill-MFSA ddeċieda li jagħmel tali settlements u x’kienu dawn is-settlements?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-domandi li qegħdin jiġu mistoqsija huma kwistjoni li tolqot mertu ta’ kawża. Di fatti, hemm allegazzjonijiet marbuta magħhom f’tali proċeduri ġudizzjarji, liema proċeduri għadhom sub judice. Saħansitra domandi parlamentari preċedenti, li wkoll jirrelataw ma’ tali kawża u li ġew imwieġba, diġà tressqu bħala prova fl-istess proċeduri ġudizzjarji.

Ħal Far — Trakka l-Kbira - Titolu tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art kollha li hemm bżonn biex fuqha ssir it-Trakka l-Kbira f'Ħal Far hijiex għand il-Gvern u jekk le, x'fadal xi jsir biex il-Gvern ikollu t-titolu tagħha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

L-Imsida — Grawnd tal-futbol - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema art tinsab għand il-Gvern u liema art jonqos li tiġi akkwistata biex il-Gvern ikollu t-titolu tagħha biex tgħaddi għand SportMalta u jkun jista’ jsir il-proġett tal-grawnd tal-futbol fl-Imsida? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-perit tal-proġett biex jispjega dan kollu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-art mgħoddija lill-Gvern hija delineata f’ PD 2021_0504 maħruġa mill- Lands Authority u li din qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li għalkemm l-art delineata f’PD 2020_0792 ġiet mgħoddija lil-SportMalta mill-Lands Authority, mill-form E searches jirriżulta li għad fadal xi titli fuq terzi u b’hekk l-art ma tistax tiġi mgħoddija lill-klabb qabel l-espropju jiġi ffinalizzat min-naħa tal-Lands Authority.

Ta’ Qali — Titolu ta’ art biex tingħata lil SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid permezz ta’ pjanta tal-area, liema art hi tal-Gvern u liema art għad trid issir tal-Gvern biex il-Gvern ikollu t-titolu tagħha biex din l-art tkun tista’ tingħata lil SportMalta u li fuqha hemm diġà proġetti sportivi f'Ta Qali jew biex fuqha jsiru proġetti sportivi kif mitluba mill-Malta Football Association jew assoċjazzjonijiet sportivi oħra f'Ta’ Qali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun iżjed speċifiku għal-liema art qed jirreferi.

Ħ’Attard — Każin La Stella Levantina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-binja tal-Każin La Stella Levantina f'Ħ'Attard, tgħaddi għand il-Kumitat tas-Soċjetà wara li l-Gvern xtara dan il-każin mingħand is-sidien tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti akkwista l-binja msemmija li bħalissa tintuża minn Każin La Stella Levantina bħala parti mill-impenn kontinwu tiegħu biex jipproteġi l-futur tal-każini tal-banda fil-lokalita’ ta’ Ħ’Attard, kien għaliex il-Gvern għaraf li għaqdiet bħal Każin inkwistjoni għandhom rwol essenzjali fil-fibra kulturali u soċjali ta’ pajjiżna. Dan l-akkwist sar abbażi ta’ politika tal-Gvern sabiex ipprevjena r-riskju ta’ żgumbrament tal-każini tal-banda u żgura s-sostenibbiltà ta’ l-attività tagħhom fit-tul. Wieħed tajjeb jinforma lill-Membri ta’ din il-kamra li bħalissa, il-Gvern qed jaħdem sabiex jikkonkludi l-arranġamenti tal-kirijiet rigwardanti għal din il-proprjetà kif ukoll għal kull binja li ġiet salvata minn riskju ta’ żgumbramet simili, dan sabiex il-każini tal-banda jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu fil-komunitajiet tagħhom. It-termini tal-kiri se jiġu ppreżentati formalment lill-partijiet interessati, inkluż Każin La Stella Levantina, u dan skont dak li diġà ġie mitkellem u spjegat. Din l-inizjattiva hija parti minn sforz usa’ biex jiġu mħarsa l-ispazji kulturali u titħares it-tradizzjoni għanja tal-każini tal-banda għall-ġenerazzjonijiet futuri.

AIMS — CEO ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jew fiex wasal il-proċess biex fl-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) jinħatar CEO wara r-riżenja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel ix-xogħol ta’ CEO sakemm jinħatar CEO ġdid?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26077.

Santa Venera — Triq Patri Ġustin Sant – Lift fi Blokk

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20679, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għax-xogħlijiet tal-lift li jrid isir fi Blokk H fi Triq Patri Ġustin Sant, Santa Venera?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift fil-Binja Santa Venera, Entratura H, fi Triq Patri Gustin Sant, Santa Venera, huwa lest. Qed nistennew iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jingħata lir-residenti fil-futur qarib.

Corporate Tax — Kumpaniji reġistrati f’Malta li ħallsu iktar minn € 1,000,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji reġistrati f’Malta li fis-snin 2021, 2022 u 2023 ħallsu iktar minn €1,000,000 f’corporate tax?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella hawn taħt: SenaNumru ta’ Kumpaniji 2021318 2022273 2023154* *Hemm kumpaniji li għandhom 18-il xahar biex iħallsu t-taxxa u għalhekk l-ammont jiżdied sal-aħħar ta’ din is-sena.

Corporate Tax — Persuni li ħallsu iktar minn € 1,000,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta li fis-sena 2022 u fis-sena 2023 ħallsu iktar minn €1,000,000 f’corporate tax?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuni individwali ma jħallsux Corporate Tax, iżda Personal Tax. Għaldaqstant din il-mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba.

Corporate Tax — Kumpaniji reġistrati f’Malta li ħallsu iktar minn € 500,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji reġistrati f’Malta li fis-snin 2021, 2022 u 2023 ħallsu iktar minn € 500,000 f’corporate tax?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-tabella hawn taħt: SenaNumru ta’ Kumpaniji 2021564 2022513 2023297* * Hemm kumpaniji li għandhom 18-il xahar biex iħallsu t-taxxa u għalhekk l-ammont jiżdied sal-aħħar ta’ din is-sena.

Corporate Tax — Persuni li ħallsu iktar minn € 500,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta li fis-sena 2022 u fis-sena 2023 ħallsu iktar minn €500,000 f’corporate tax?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26578.

Motor Sport — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25942, 26330 u 26479 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha li b'xi mod jew ieħor huma relatati mat-Trakka l-Kbira, mat-Trakka tal-Kwart ta’ Mil u mat-Trakka tal-Carting?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.