Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10908 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater dei — feasibilty study fuq sorsi alternattivi tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx il-feasibility study dwar l-integrazzjoni u l-użu ta' sorsi alternattivi tal-enerġija mas-sistemi eżistenti fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, x'kienu? Xi pjani hemm għat-twettiq tar-rakkmandazzjonijiet li saru?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fl-iSptar Mater Dei ma sar l-ebda feasibility study kif indikat mill-Onor. Interpellant. Iżda d-Dipartiment tal-Inġinerija tal-isptar beda jesplora diversi possibilitajiet ta' kif forom alternattivi ta' enerġija jistgħu jiġu integrati mas-sistemi tal-inġinerija eżistenti fl-isptar.

Impjanti ta' riċiklaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-istrateġija tal-Gvern dwar l-impjanti ta' riċiklaġġ? Kemm se jkunu? Fejn se jinbnew u x'se tkun il-kapacità li dawn se jitrattaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li fid-dokument li ġie publikat f’Jannar 2009 (A Draft Revised Solid Waste Management Strategy for the Maltese Islands) il-Gvern, apparti mill-impjant ta’ Sant' Antnin u t-Transfer Station f’Għawdex, qed jippjana li jsaħħaħ l-infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart permezz ta’ żewġ Mechanical Biological Treatment Plants oħra. Wieħed mill-impjanti huwa maħsub għan-naħa ta’ fuq ta’ Malta (b’kapaċità ta’ 150,000 tunellata fis-sena) u l-ieħor għal Għawdex (b’kapaċità ta’ 20,000 tunellata fis-sena). Għalkemm fid-dokument hemm indikat xi siti fejn jistgħu jinbnew dawn l-impjanti, għadhom qed isiru l-istudji meħtieġa ħalli dak li qed ikun propost jiġi evalwat.

Ta' Qali — Villaġġ tas-Snajja - proġett tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jispjega fiex wasal il-proġett tal-Gvern għall-villaġġ tas-snajja f'Ta Qali wara l-laqgħat li saru ma' dawk konċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel fażi tal-proċess ta' konsultazzjoni mas-sidien ta' Ta Qali tlesta. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-MIP ser ikollha l-ewwel abbozzi tal-proġett il-ġdid, u dawn ser ikunu diskussi għal darb'oħra mas-sidien.
Leg 11 PQ #10911 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2008 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kemm kienu rrappurtati korrimenti fuq il-postijiet tax-xoghol u kemm minnhom kienu fatali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li dwar każijiet fatali li seħħew fil-perijodu indikat milll-Onor Interpellant kien ta' sitt ħaddiema. Tlieta matul is sena 2008 u tlieta matul l-ewwel sitt xhur tas sena 2009. Informat ukoll illi in-numru ta’ persuni li għamlu talba għall-benefiċċju għal korriment fuq ix-xogħol matul is-sena 2008 kien ta’ 3,951 filwaqt illi it-talbiet li saru għall-istess benefiċċju bejn Jannar u Ġunju 2009 kien ta’ 1,638.
Leg 11 PQ #10912 Sitting 147 2009-10-13 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Maltas dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini u/jew alterazzjonijiet ta' skejjel tal-istat, tal-knisja u privati? Fiex tikkonsisti kull applikazzjoni u fiex wasal dan il-proċess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10901 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Kanċer tal-Pulmun

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu nies f'Malta u Għawdex bil-kanċer tal-pulmun sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u mil-liema lokalitajiet kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Maltaco — logħob organizzat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-logħob organizzat mill-kumpannija Maltaco fl-2008 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm kien il-logħob f'kull logħba organizzata? Fl-istess perijodu l-Ministeru tal-Finanzi ta' permessi għal logħob ieħor lil xi entitajiet oħra? Jekk iva, x'kien il-logħob li sar u l-valur ta' flus li ntlagħab?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #10903 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Siringi li tqassmu lill-persuni bil-vizzju tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lil persuni bil-vizzju tad-droga miċ-Ċentri tas-Saħħa fl-2008 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kif tqassmu dawn, lokalità b'lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10904 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

L-ispiżerija tal-għażla tiegħek — mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema lokalitajiet huma intitolati għal mediċini b'xejn skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali li qed jinqdew mis-settur privat għall-ġbir tal-mediċini tagħhom? Fejn l-aħħar li saret reġistrazzjoni għall-ispiżerija tal-għażla tiegħek? X'sar jew x'se jsir mir-reġistrazzjoni li kellha ssir f'Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Novembru?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-lokalitajiet li fihom qed topera l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek huma: Attard, Baħrija, Balzan, Buġibba, Dingli, Fleur de Lys, Għargħur, Gżira, Imtarfa, Lija, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Msida, Naxxar, Paceville, Pembroke, Pieta, Qawra, Rabat, San Ġwann, St Andrews, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Ta' Ġiorni, Ta' Xbiex. L-aħħar lokalita' li fetħet ir-reġistrazzjoni għall-Iskema kienet dik ta' Ħal-Lija u din saret f'Mejju 2008. Informat ukoll li f'Lulju 2008, l-Iskema li għada fil-fażi ta' proġett pilota, ġiet sospiża temporanjament sabiex tiġi evalwata u kkonsolidata. Dan il-proċess issa tlesta u tħejjew pjanijiet sabiex is-sistema tkompli tiġi mifruxa fil-futur qarib.

Passi fil-konfront ta' postijiet tal-logħob

Question

Billi qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf f'diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari ta' membri taż-żewġt naħat intqal li kienu qed jittieħdu passi fil-konfront ta' postijiet tal-logħob ħalli dawn ikunu konformi mal-liġi eċċ., jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-passi meħuda u r-riżultati tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10906 Sitting 146 2009-10-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kmamar tan-Nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid twaqqafx l-ispettorat li kellu jara li l-kmamar tan-nar kollha qed joperaw skond il-liġi? Jekk twaqqaf, xi spezzjonijiet għamel u f'liema kmamar tan-nar f'Malta u Għawdex? F'kull każ, instabu jew kienu mrażżna abbużi fix-xogħol u fil-logħob tan-nar u fil-ħażna tal-isplussivi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mit-twaqqif tal-Ispettorat tal-Kmamar tan-Nar f’Lulju tas-sena l-oħra sal-lum, l-ispetturi żaru l-kmamar kollha li jinsabu ġewwa Malta. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra dak li huwa mistenni minn dan l-ispettorat. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-Ispettorat se jżur għall-ewwel darba l-kmamar f’Għawdex u jibda t-tieni sensiela tiegħu ta’ spezzjonijiet ta’ dawk f’Malta.
Leg 11 PQ #10449 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq li ġew resurfaced mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm u liema toroq ġew resurfaced s'issa f'Malta mill-kunsilli lokali matul l-2009 u liema toroq huma ippjanati li jiġu resurfaced sal-aħħar tal-2009 mill-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tax-xogħlijiet li saru mill-bidu ta’ din is-sena s’issa u dawk proġettati sal-aħħar tas-sena.

Marsaxlokk — Triq it-8 ta' Mejju - Binja Ħal-Ġinwi - tarmac

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9954 u jgħid meta l-Awtorità dwar it-Trasport se tagħmel l-arranġamenti tagħha biex Triq it-8 ta’ Mejju f’Marsaxlokk tingħata t-tarmac u jsiru l-bankini fuq in-naħa tal-Binja Ħal-Ġinwi biex jitnaqqas ir-riskju li meta tagħmel ħafna xita ma jerġgħux jispiċċaw taħt l-ilma l-garaxxijiet u l-bażijiet tal-lifts li hemm taħt l-istess binja li skont ir-risposta li ta l-Ministru tal-Politika Soċjali f'mistoqsija parlamentari 9697 "ir-residenti ma jixtiequx jaċċettaw il-handing over tal-lifts minħabba l-possibilità li jerġa' jseħħ għargħar u jagħmel ħsara fil-bażijiet tal-lifts”?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qed isiru l-istejjem u l-koordinazzjoni neċessarji sabiex dan ix-xogħol jiġi kkunsidrat fil-pjan ta' xogħlijiet għax-xhur li ġejjin, dejjem meta jkunu allokati l-fondi meġtieġa u skond il-prijorita' ffissata.

Santa Venera — Storm water culvert fi Triq San Ġużep u Triq il-Kanun

Question

Billi l-storm water culvert li hemm fi Triq San Ġużepp u Triq il-Kanun, Santa Venera, wara x-xogħlijiet tal-bini tal-mini u t-tqegħid ta' cables tal-elettriku taħt wiċċ it-triq ġarrab ħsarat, tant li wara kull ħalba xita qed tinġemgħa għadira kbira ta' ilma, u dan b'detriment għar-residenti, u billi tentattivi li saru fil-passat biex dan il-culvert jitnaddaf ma rnexxewx, jikkonsidra l-Ministru li hu ż-żmien li jinbena storm water culvert ġdid biex mhux biss tittaffa l-problema ta' għargħar li qed ikun hemm, iżda wkoll biex l-kwalità ta' l-ilma tkun maħżuna f'bini li jsir apposta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-twelid ta' trabi kull sena, f'Malta u Għawdex, fl-2004, 2005, 2006, 2007 u 2008? Kemm kull sena, f'dawn is-snin, kien il-persentaġġ ta' trabi li twieldu u li għandhom reġistrat fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom unknown father? Jista' jgħid kif dan kollu hu mqassam lokalità, lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10898 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għaqdiet volontarji — impjegati taċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm u liema huma l-għaqdiet volontarji li għandhom impjegati taċ-ċivil sekondati magħhom u li rċevew għajnuna finanzjarja mill-Gvern matul l-2008 u din is-sena? Kemm kienet l-għajnuna li dawn irċevew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet volontarji li kellhom uffiċjali pubbliċi rilaxxati magħhom fis-snin 2008 u 2009, u l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet volontarji li rċevew għajnuna finanzjarja mill-Gvern matul 2008 u din is-sena, bl-ammonti li rċevew rispettivament.

Libreriji Pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew mislufa kotba mill-libreriji pubbliċi fl-2008 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kif kien is-self imqassam mil-librerija nazzjonali, minn dawk reġjonali u minn dawk lokali? Hemm il-ħsieb li dawn il-libreriji kollha jkollhom servizz ta' internet u li dan is-servizz ikun imqabbad bejn librerija u oħra? Kemm minn dawn il-libreriji huma llum amministrati mill-kunsilli lokali? Liema huma dawn tal-aħħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dragonara Casino — liċenzja tat-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta skadiet il-konċessjoni tal-liċenzja tat-tmexxija tad-Dragonara Casino? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess għall-konċessjoni l-ġdida?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9306 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Bord maħtur - xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Bord maħtur minnu dan l-aħħar dwar l-operat tal-Armata temmx ix-xogħol tiegħu? Jekk fl-affermattiv x'kienu l-konklużjonijiet u/jew ir-rakkomdazzjonijiet tiegħu u x'passi ttieħdu dwarhom mill-istess Armata u/jew minn oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Bord ta’ Inkjesta Indipendenti maħtur mill-Prim Ministru biex jeżamina l-operat tas-C (Special Duties) Company tal-Forzi Armati temm ix-xogħol tiegħu u r-rapport ġie ppublikat b’mod sħiħ permezz ta’ stqarrija uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni fit-3 ta’ Lulju 2009. Id-Direttorat tad-Difiża ġie mqabbad mill-Prim Ministru sabiex jissottometti pjan għall-implimentazzjoni ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta Indipendenti. Dan ir-rapport tlesta, u wara li ġie approvat mill-Prim Ministru, ġie mgħoddi lill-armata biex jiġi implimentat.

Bini ta' campus ġdid għall-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett għall-bini ta' campus ġdid għall-MCAST, u jekk dan miexi 'l quddiem fiex se jkun jikkonsist? Kemm se jiswa u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett għall-bini ta’ campus ġdid għall-MCAST qiegħed fil-proċess li tingħalaq l-applikazzjoni għall-Outline Development Permit mill-MEPA u allura il-programm tax-xogħlijiet u tlestija għadu ma jistax jiġi konkluż. Hu maħsub li l-ewwel fażi tal-proġett tkun il-parti ċentrali ta’ campus li tikkonsisti fi: Librerija Binja Amministrativa Binja għall-faċilitajiet tal-istudenti Institute of Business & Commerce Institute of Applied Sciences Underground Carpark Il-Gvern diġà ħabbar li l-ispiża totali tal-proġett hi ta’ madwar 120 miljun Ewro.