Awtorità tad-Djar — stallar ta' lifts f'appartamenti u prorprjetajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid saritx policy ġdida dwar l-istallar ta’ lifts f’appartamenti u proprjetà tal-Awtorità tad-Djar? Jekk fl-affermattiv meta bdiet jew se tibda tiġi attwata din il-policy? Kemm hemm applikazzjonijiet għall-istallazzjoni ta’ lifts u jekk dawn iridux isiru mill-ġdid skont il-policy il-ġdida? Jekk le, meta allura hu maħsub li jibda l-proċess għall-istallazzjoni tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa, l-Awtorità tad-Djar qed toffri Skema E għall-istallar ta’ lifts fi blokki residenzjali tal-gvern. Din l-iskema ħadet post l-iskema preċedenti li ngħalqet f’Settembru 2009. Bħalissa hemm 20 talba pendenti għall-istallar ta’ lifts fi blokki tal-gvern. Kull applikazzjoni approvata tiġi pproċessata skont il-kundizzjonijiet relattivi tal-iskema li kienet fis-seħħ meta saret l-applikazzjoni u għaldaqstant l-awtorità ma titlobx li ssir applikazzjoni mill-ġdid. Il-lifts jiġu stallati skont programm li jiġi mfassal fuq bażi ta’ prijorità li tingħata skont il-gravità tad-diżabilità tal-applikant u l-urġenza tal-każ. Skont il-programm, il-każijiet li hemm pendenti bħalissa għandhom jitlestew sa l-aħħar tal-2012.
Furjana — Triq l-Argotti - ristrutturar ta' appartamenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-Ministeru tagħha u/jew tal-Awtorità tad-Djar dwar il-bini ta’ appartamenti li tħallew mitluqa fi Triq l-Argotti, il-Furjana? Tista’ tieħu passi biex dawn l-appartamenti ssirilhom ir-ristrutturazzjoni li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jinkrew lil min għandu bżonn u biex fl-istess ħin titneħħa d-dehra kerha li hemm f’din il-lokalità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għalkemm l-Awtorità tad-Djar kellha ppjanat li dan il-proġett jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena, sfortunatament inħolqu ċirkostanzi fil-proċess ta’ tendering, li wasslu għal dewmien biex jingħata l-kuntratt għat-tlestija ta’ dawn il-units. L-Awtorità tad-Djar hija obbligata timxi mal-proċeduri stabbiliti ta’ tendering u għoti ta’ kuntratti u għaldaqstant ma kienx hemm mod kif jitħaffef aktar dan il-proċess. Madanakollu, għandi pjaċir ninfurmak li l-kuntratt ingħata riċentement u għaldaqstant ix-xogħol ta’ tlestija f’dan il-blokk mistenni jibda’ fil-ġranet li ġejjin.
B'referenza għal-lista ta' toroq residenzjali li kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra snin ilu u li kellhom isiru mill-gvern peress li qatt ma kienu saru, jista' l-Ministru jgħid kemm għad baqa' minn dawn it-toroq xi jsiru u liema huma? Kemm minnhom huma ppjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin u liema huma? Kemm hu l-infiq mistenni fuq dawn it-toroq? Hemm xi toroq oħra li l-gvern impenja ruħu li jagħmel għalkemm jaqgħu fir-responsabilità tal-kunsilli lokali? Kemm se tkun in-nefqa fuqhom u meta se jsiru? Liema huma t-toroq li saru mill-gvern fl-2008 u fl-2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Fit-tnax il-xahar li ġejjin Transport Malta se tkun qed tlesti 137 triq residenzjali mill-lista li semma l-Onor. Interpellant bi spiża ta' ċirka €4,450,000 u dan wara li bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena diġa tlestew 46 triq residenzjali bi spiża ta' €1,700,000. Dawn it-toroq huma murija fl-elenku A u B li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Nispeċifika illi bit-terminu "toroq residenzjali" Transport Malta tifhem dawk it-toroq f'żoni urbani fejn hemm bini residenzjali u li qatt ma jkunu ingħataw tarmac u li għalhekk, bil-liġi, huma responsabilita tal-Gvern Ċentrali. Irrid ngħid ukoll illi se jsiru dawn it-toroq u mhux oħrajn li għad iridu jsiru, fuq il-bażi tal-proċess deċizjonali segwenti:
1. ingħatat priorita lit-toroq residenzjali li qatt ma saru fuq toroq oħra li diġa saru imma għandhom bżonn "re-surfacing" u li strettament huma responsabilita tal-Kunsill lokali imma li l-gvern hu kommess li jagħmel;
2. min fost it-toroq residenzjali ingħatat priorita lil dawk it-toroq fejn il-bini jkopri mill-anqas 75% tat-triq;
3. min fost dawn it-toroq, ingħatat priorita lil dawk it-toroq li jqumu l-anqas flus biex isiru sabiex hekk isiru kemm jista jkun toroq residenzjali din is-sena.
Darba jitlestew dawn it-toroq mill-lista originali ta' aktar min 500 triq li kienet tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra xi snin ilu, jkun baqa biex isiru 87 triq residenzjali (Dokument C) li jiswew ċirka €4,500,000 u 41 triq (Dokument D) li r-"re-surfacing" tagħhom huwa responsabilita tal-Kunsilli Lokali imma li se jsiru mill-Gvern.
F'din il-leġislatura, sa Ġunju 2010 u eskluż ix-xogħol li sar fuq il-bini ta' toroq min fondi tal-Unjoni Ewropea, sar xogħol fuq 323 triq għal valur totali ta' €12,090,000. It-tabella ta' hawn taħt tagħti informazzjoni ta' kif dan kien maqsum, waqt li Dokument E li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra jagħti d-dettalji tat-toroq.
Fl-aħħarnett irid nispeċifika illi Transport Malta għandha taġġorna l-lista ta’ toroq residenzjali li jridu jsiru peress illi nfetħu toroq oħra min meta saret l-aħħar lista.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki jirrikonoxxix it-tliet korsijiet tal-Grenoble Graduate School of Business (ċioe il-korsijiet f'Master in Business Administration, Master in International Business u Bachelor in International Business) li se jiġu offruti f'Malta f'Settembru li ġej mill-International Institute of Studies tal-Computer Domain?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara eżerċizzju ta’ komparabilita’ li sar fl-2009 ma’ standards ta’ Masters in Business Administration (MBAs) rikonoxxuti f’Malta, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki jirrikonnoxxi l- MBA ta’ Grenonble Graduate School of Business. L-eżerċizzju ta’ komparabilita’ fl-KMK huwa proċess kontinwu biex jassigura standards għoljin għall-kwalifiki kollha barranin ipprovduti f’Malta.
Ma saret l-ebda talba lill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki biex jiġu rikkonoxxuta l-
Bachelor in International Business
u l-
Master in International Business
.
Tista' l-Ministru tgħid kemm staff tal-Istitut tal-Informazzjoni Teknologika u Kommunikazzjoni fl-MCAST ingħataw borża ta’ studju biex jistudjaw f’xi kors akkademiku fil-livell ta’ Baċellerat u/jew fil-livell ta’ Masters? Jekk kien hemm min ingħata din il-borża ta’ studju, tista’ telenka ma’ liema universitajiet (u l-aġenti tagħhom f’Malta) dawn qegħdin jistudjaw? Kif saret l-għażla ta' dawn l-universitajiet? Kien hemm xi sejħa għal offerti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa hemm disa’ (9) impjegati fl-Istitut tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-MCAST li qed isegwu kors ta’ studju fil-livell ta’ Masters. Ħadd m'hu qed jagħmel kors fil-livell ta’ Baċellerat.
Tmienja (8) minn dawn id-disa’ (9) impjegati qed jistudjaw mal-Università ta’ Hertfordshire. L-impjegat l-ieħor qed jistudja mal-Università ta’ Sheffield Hallam.
L-impjegati kollha applikaw direttament mal-Università u mhux permezz ta’ aġent f’Malta.
L-għażla tal-Università ssir mill-impjegati nfushom u għaldaqstant m'hemmx lok li l-MCAST joħroġ sejħa għal offerti.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett, x’qed isir bħalissa u meta ser jibda jaħdem l-uffiċċju tal-ażil f’pajjiżna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li, wara li għaddiet id-Direttiva għat-twaqqif ta’ l-Aġenzija European Asylum Support Office, il-Kummissjoni ħarġet is-sejħa għar-reklutaġġ tad-Direttur Eżekuttiv, liema sejħa għalqet fid-9 ta’ April 2010. Bħalissa l-Kummissjoni qed tieħu passi biex jiġi nnominat il-Management Board. Huwa maħsub li l-Kummissjoni tkun f’posizzjoni li tlaqqa’ l-ewwel Board Meeting lejn l-aħħar tas-sena.
Infurmat ukoll lli matul l-aħħar xhur il-Kummissjoni u dan il-Ministeru kienu f’kuntatti diretti sabiex jintlaħaq ftehim fuq il-kundizzjonijiet tal-kirja ta’ l-uffiċini li ġew offruti mill-Gvern Malti.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb jew sarx xi studju biex titwaħħal speed camera fit-triq prinċipali li twasslek lejn l-Imġarr min-naħa tal-Mosta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-fatt xi żmien ilu kienet saret applikazzjoni biex titwaħħal speed camera fit-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Iżda, peress li l-policy dwar l-ispeed cameras qed tkun riveduta għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni fuq l-ispeed camera in kwistjoni. Ovvjament din id-deċizjoni tkun tista’ tittieħed ġaladarba tkun finalizzata l-policy l-ġdida.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-istrateġiji li fassal il-Gvern f’din il-leġislatura, s’issa, li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż? Fejn u kif il-Gvern għen intraprizi li kienu għaddejjin minn diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali u li għandhom futur tant li kienu lesti jkomplu jinvestu fil-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12535. Ta’ min iżid, li l-inċentiv fiskali l-ġdid li ġie varat fil-budget għall-2010 għal kumpanniji ta’daqs micro issa bdiet topera taħt l-isem ta’ Micro-Invest. L-iskema hija amministrata mill-Malta Enterprise.
Strateġiji li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-istrateġiji li fassal il-Gvern f’din il-leġislatura, s’issa, li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż? Fejn u kif il-Gvern għen intrapriżi li kienu għaddejjin minn diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali u li għandhom futur tant li kienu lesti jkomplu jinvestu fil-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14114 u jgħid kemm kienu l-passiġieri li l-Air Malta ġarret għal Lourdes matul is-sena li għaddiet? Hemm xi ħsieb li din is-sena wkoll torganizza titjiriet diretti għal Lourdes u lura? Meta se jsiru dawn it-titjiriet? Kemm hu maħsub li se ġġorr passiġġieri?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14114.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Achille Ferris f’Ħaż-Żebbuġ Malta hijiex responsabbiltà tal-Gvern biex tingħata t-tarmac? Jekk iva, meta ser issir u jekk le min hu responsabbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm din it-triq hija responsabbiltà tal-Gvern din ma kinitx inkluża fil-lista oriġinali ta' toroq li kellhom isiru mill- Gvern Ċentrali . Ix-xogħlijiet fuq din it-triq ikunu jistgħu jsiru skond il-fondi u l-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-passiġieri li l-Air Malta ġarret għal Lourdes matul is-sena li għaddiet? Hemm xi ħsieb li din is-sena wkoll torganizza titjiriet diretti għal Lourdes u lura? Meta se jsiru dawn it-titjiriet? Kemm hu maħsub li se ġġorr passiġġieri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fit-2009 l-Air Malta ġarret 3,200 passiġġier għal Lourdes. Għal din is-sena l-Air Malta qed tippjana li ġġorr madwar 4,000 passiġġier. It-titjiriet huma ppjanati għal Għid, Lulju, Awwissu u Settembru.
Continuing Professional Development Activities — sussidju lill-infermiera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a) Meta bdiet l-iskema għas-sussidju lill-infermiera skont il-Continuing Professional Development Activities?
b) Kemm-il applikazzjoni saret minn dakinhar ‘l hawn?
ċ) Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet intlaqgħu s’issa u x’kien l-ammont ta’ sussidju mħallas lill-infermiera?
d) Għalxiex intalab dan is-sussidju?
e) Kemm baqa’ applikazzjonijiet pendenti u meta hu maħsub li jitħallas is-sussidju dovut partikolarment ta’ dawk l-infermiera li applikaw kwazi sena ilu?
f) Sakemm din l-iskema hu maħsub li se tibqa’?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Achille Ferris f’Ħaż-Żebbuġ Malta hijiex responsabbiltà tal-Gvern biex tingħata t-tarmac? Jekk iva, meta ser issir u jekk le min hu responsabbli?
speed camera fit-triq prinċipali mill-Imġarr għall-Mosta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb jew sarux xi studju biex titwaħħal speed camera fit-triq prinċipali li twasslek lejn l-Imġarr min-naħa tal-Mosta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi riċentement tajt direttiva biex tiġi eżaminata mill-ġdid il-policy għat-twaħħil ta speed cameras u li jiġu sospiżi t-twaħħil ta' aktar cameras sakemm dan isir.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-istrateġiji li fassal il-Gvern f’din il-leġislatura, s’issa, li jinċentivaw u jsostnu x-xogħol fil-pajjiż? Fejn u kif il-Gvern għen intraprizi li kienu għaddejjin minn diffikultajiet minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali u li għandhom futur tant li kienu lesti jkomplu jinvestu fil-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
MEUSAC — Funding Unit - għajnuna lill-kunsilli lokali u NGOs
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid mit-twaqqif f’Novembru 2008 tal-Funding Unit fi ħdan il-MEUSAC lil liema kunsilli lokali u NGOs ġiet offruta għajnuna teknika biex jagħżlu programmi tal-Unjoni Ewropea u biex jimtlew applikazzjonijiet għall-fondi taħt programmi tal-Unjoni Ewropea? X’kienu l-programmi li applikaw għalihom u jekk dawn kienu milqugħa, x’kienet l-għajnuna mogħtija mill-Unjoni Ewropea u għaliex intużat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Funding Unit tal-MEUSAC beda jopera f’Novembru 2008. Il-MEUSAC assista entitajiet tal-gvern, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-mili ta’ applikazzjonijiet għal proġetti taħt xi programm tal-UE.
Bejn Diċembru 2008 u Jannar 2009, saru ’l fuq minn 200 laqgħat individwali ta’ informazzjoni bejn uffiċjali tal-
Funding Unit
tal-MEUSAC u kunsilli lokali kif ukoll NGOs fuq assistenza teknika fil-mili ta’ l-applikazzjonijiet.
Matul l-istess perjodu, ġew sottomessi 84 applikazzjoni minn kunsilli lokali, kif ukoll 36 applikazzjoni minn NGOs, u 7 applikazzjoni minn Dipartimenti tal-Gvern bl-assistenza teknika tal—MEUSAC. Il-programmi huma:
Europe for Citizens, Youth in Action, MED, ERDF, EAFRD, -
Fondi Rurali Miżuri 313 u 323,
ENPI.
Minn dawn l-applikazzjonijiet, s’issa rriżultaw dawn il-fondi li ġew allokati lill-Kunsilli Lokali: €1,329,295.50
L-interpellant japprezza li r-relazzjoni bejn il-MEUSAC u l-klijenti tagħha hi waħda ta’ natura fiduċjarja u li l-MEUSAC mhiex fil-pożizzjoni li tiżvela min huma l-klijenti tagħha mingħajr il-kunsens tagħhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9908 u jgħid, lokalità, lokalità f'Malta u f'Għawdex kemm hemm bżonn ta' spiżeriji ġodda? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ta' persuni li wrew ix-xewqa u/jew applikaw li jiftħu spiżerija f'kull lokalità? Jista' jagħti lista, in order of merit ta' kulmin applika u ta' min imissu, f'kull lokalità?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li applikazzjonijiet għal ħruġ ta' liċenzji ġodda għal spiżeriji jiġu proċessati skond il-proveddimenti ta’ l-Avviz Legali 279/2007. Skond l-kriterji stabbiliti minn dan l-avviz legali ġew identifikati dawn l-lokalitajiet fejn qed jiġu proċessati applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ spiżerija: Xgħajra, Żabbar, Fgura, Vittoriosa, San Gwann, Marsaxlokk, Siġġiewi, Dingli, Mtarfa, Mġarr-Malta, Għarb, Xagħra, Fontana u Għajnsielem.
Se ngħaddi l-lista ta' applikazzjonijiet pendenti f'kull lokalità f’ordni kronoloġika lill-Onor. Interpellant personalment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-passiġieri li l-Air Malta ġarret għal Lourdes matul is-sena li għaddiet? Hemm xi ħsieb li din is-sena wkoll torganizza titjiriet diretti għal Lourdes u lura? Meta se jsiru dawn it-titjiriet? Kemm hu maħsub li se ġġorr passiġġieri?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.