Legislature:
Category:
Reset
Active:

proċess tal-karti tal-identità il-ġodda

Question

In vista tad-diversi rapporti konfliġġenti li kien hawn minn sezzjoni tal-medja, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal eżattament il-proċess tal-karti tal-identità il-ġodda u meta hu maħsub li jibdew jinħarġu?

Response (GATT, AUSTIN)

Għal darba oħra, nerġa ninforma illi l-Ministeru tiegħi mhux responsabbli għall-proċess tal-ħruġ tal-karti ta' identita' liema proċess hu - u se jibqa'- responsabbilta' tal-Kummissjoni Elettorali. Konsegwentement minix f'pożizzjoni li nirrispondi d-domanda magħmula. Il-Ministeru tiegħi hu, iżda, responsabbli għall-iżvilupp tal-proċess elettroniku ġdid li jintuża biex, fost oħrajn, jinħarġu eID's. Wara li issa ġew approvati l-finanzjament mill-EU u t-tender ittieħed minn De La Rue, beda l-iżvilupp tas-sistema elettronika.

Gozo Channel

Question

Billi fuq programm li jixxandar is-Sibt filgħodu fuq ir-Radju RTK ingħatat l-impressjoni li l-kumpannija Gozo Channel se tiġi privatizzata, u billi tul il-programm diversi drabi saret sejħa ħalli jekk xi awtorità li kienet qed issegwi l-programm iċċempel ħalli tgħid x’se jiġri, u billi dwar l-istess dikjarazzjoni saru diversi telefonati, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern dwar din il-kumpanija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20759.

Privatizzazzjoni tas-servizz bil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tas-servizz bil-baħar bejn Għawdex u Malta u lura kif mitlub mir-regoli tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess mitlub mill-Unjoni Ewropeja mhux proċess ta’ privatizzazzjoni imma proċess fejn toħroġ għal-Public Service Obligation fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex.

Enemalta — WSC - sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju mogħti mill-Gvern lill-Korporazzjoni Enemalta u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kull sena mill-2006 ‘il hawn għall-elettriku, l-ilma u l-gass?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #20761 Sitting 274 2010-11-05 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — proġetti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi proġetti għandha l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu llum għal San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra? Fiex jikkonsistu dawn il-proġetti? Meta bdew jitwettqu u meta hu maħsub li jitlestew? Kemm hu maħsub li se jqum kull proġett? Ladarba l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu tlesti dawn il-proġetti għandhiex il-ħsieb ta’ proġetti oħra għall-inħawi tal-Gżira, Ta' Sliema u San Ġiljan, għall-inħawi tal-Kottonera u għall-inħawi ta’ Wied il-Għajn u Birżebbuġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Villaġġ tas-Snajja — postijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħditiet li l-Ministeru tiegħu kien qed ikollu mas-sidien tal-postijiet tax-xogħol u tal-ħwienet fil-Villaġġ tas-Snajja Ta’ Qali u x’se jiġri biex dan il-post jiġi rranġat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-konvenji tal-proġett ta’ Ta’ Qali ġew imġedda u estiżi sa l-aħħar ta’Ġunju 2011. Deċiżjoni finali fuq il-proġett ser tittieħed fix-xhur li ġejjin. Dan id-dewmien ġie kawżat mir-riżultati ta’ l-istudji li saru fuq is-sit u għalhekk qegħdin jiġu studjati soluzzjonijiet tekniċi biex tinstab soluzzjoni li tnaqqas l-ispiża tal-kostruzzjoni li f’xi każijiet jistgħu jkunu projbittivi għas-sidien.

karti, kartun, plastik, ħadid ħġieġ u batteriji użati miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru tunnellati ta’ karta u kartun, plastik, ħadid, ħġieġ, batteriji użati fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena u kif dan jipparaguna mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is sena inġabru 8099.24 tunnellata filwaqt li fl-istess perjodu fis-sena 2009 inġabar 4585.44 tunnellata. Jiġifieri żieda ta’ 77%.

Malta Enterprise — talba għall-investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena lill-Malta Enterprise minn individwi, gruppi u kumpanniji lokali u barranin għal investiment f’Malta? X’investiment riedu jagħmlu? Kemm minnhom kienu approvati, meta se jibdew jaħdmu u kemm beħsiebhom jimpjegaw ħaddiema? Kemm mit-talbiet li saru kienu minn Maltin u kemm minn barranin jew minn Maltin u barranin? X’kienet l-għajnuna mogħtija mill-Gvern? Kemm kien l-ammont ta’ talbiet is-sena li għaddiet u fiex waslu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena il-Malta Enterprise laqgħet 34 applikazzjoni għall-proġetti ġodda (22 kumpaniji ġodda u 11-il espansjoni ta’ proġetti eżistenti). Minn dawn 16 ġew approvati, u tlieta għadhom qed jiġu evalwati. L-applikazzjonijiet ġew minn setturi varji inklużi l-manifattura, ħarsien tal-ambjent, ICT, teknoloġija, bioteknoloġija, crafts, arti u preservazzjoni. Minn dawn il-proġetti tlieta huma investimenti barranin filwaqt li 13 huma investimenti lokali. Dawn il-proġetti għandhom jimpjegaw 452 persuna fi żmien tliet snin. L-assistenza li intalbet tinkludi, art, fabbriki, u inċentivi oħra mogħtija mill- Malta Enterprise . Fl-2009 il- Malta Enterprise approvat 28 proġett. Minn dawn 15 qegħdin joperaw, 3 ġew irtirati, u 10 għadhom għaddejjin b’diskussjonijiet u preparamenti relatati mas-sit minn fejn ser joperaw. Ġew ukoll approvati 24 proġett taħt l- ERDF Small Start-ups grant scheme , liema kumpaniji jkunu bdew joperaw fl-aħħar 3 snin. Dawn qegħdin fil-proċess li jimplementaw il-proġetti proposti fl-applikazzjoni.

Fabbriki — ħaddiema - 4 day week

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel disa’ xhur ta’din is-sena kienx hemm fabbriki li talbu u fil-fatt bdew iħaddmu lill-ħaddiema tagħhom bil-4 day week? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu l-fabbriki u l-ħaddiema u kienx hemm talbiet li minflok ma ntlaqgħu, ingħataw forma ta’ għajnuna mill-Gvern u minflok spiċċaw biex komplew jinvestu? Kif danakollu jipparaguna ma’ dak li ġara fl-2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2008 sa llum il-Gvern laħaq ftehim ma' 15 –il kumpanija rigward assistenza biex jiġu salvati l-impjiegi minħabba l-effetti tar-riċessjoni. Ma’ dawn –il 15 kumpanija, il-Gvern ikkommetta għajnuna fil-forma ta’ għotja finanzjarja li tlaħħaq is-somma totali ta’ €8,489,520. Barra din l-għajnuna il-Gvern ikkommetta €1,137,500 f’forma ta’ garanziji u s-somma ta’ €2,255,775 fil-forma ta’ self b’imgħax baxx, u assistenza b’valur ta’ €10,491 bħala sussidju tal-imgħax fuq self.

Tobba u infermiera — full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tobba u infermiera full-time u part-time mal-Gvern fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? Kemm minnhom kienu jaħdmu fl-isptarijiet, fiċ-ċentri tas-saħħa, fil-bereġ u f’entitajiet oħra tal-Gvern? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infermiera — impjiegi full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ħarġitx sejħa għall-impieg full-time jew part-time ta’ infermiera mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet, għalqitx u jekk iva kemm applikaw u mil-liema pajjiż huma? Kemm b’kollox hu maħsub li jiġu impjegati infermiera barranin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #20756 Sitting 273 2010-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Quality Service Charter

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għadux jiġi mħaddem il-Quality Service Charter fid-Dipartimenti tal-Gvern, f’entitajiet tiegħu u f’kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, fejn u x’inhu l-iskop tiegħu u jekk hemmx applikazzjonijiet biex dan jibda jitħaddem minn oħrajn? Jekk inhu hekk minn min saru dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li filwaqt li hemm diversi Dipartimenti u entitajiet li jħaddnu xi forma ta’ Quality Service Charter, il-Gvern ser ikun qed jimxi pass ieħor u jara li jamalgama l-Quality Service Charter f’kuntest aktar wiesgħa. Il-Gvern qed ifassal programm ta’ ħidma, fejn id-Dipartimenti u entitajiet jidħlu għal sistema ta’ moniteraġġ ċentrali li għandu jwassal biex jitjieb mhux biss is-servizz imma anki tiżdiet l-effiċjenza fis-Settur Pubbliku ġenerali.

Siġar tal-palm mill-Bumunqar l-Aħmar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni llum tal-qirda tas-siġar tal-palm mill-Bumunqar l-Aħmar? Meta tfaċċat din il-marda? Kemm-il siġra tal-palm inqerdu s’issa u jekk is-siġar meqruda humiex jiġu mibdula b’siġar oħra tal-palm li f’ċerti postijiet tant kienu jsebbħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-marda tal-Bumunqar l-Aħmar kienet irrapurtata l-ewwel darba f'April tal-2007. Wieħed jista' jgħid illi s-sitwazzjoni issa qegħda taħt kontroll. Minn dak iż-żmien 'l hawn diġà ġew imqaċċta 1780 siġra tal-palm - 193 siġra fl-2008; 822 siġra fl-2009 u 765 siġra mill-bidu ta' l-2010 sal-lum. M'huwiex irrikomandat li jitħawwlu siġar tal-palm oħra minflok dawk li jkunu nqalgħu minħabba din il-marda, però f'xi postijiet pubbliċi ġew imħawwla siġar ta' speċi oħra minflok palm.

stallazzjoni ta' speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sarx l-istudju li kien ħabbar dwar l-istallazzjoni tal-speed cameras u jekk fl-affermattiv x’inhi l-policy il-ġdida? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u kif dawn jinkwadraw fil-policy il-ġdida jekk din saret u qed tiġi attwata?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20458.
Leg 11 PQ #20747 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Interim From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — staġun tal-football

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk f’dan l-istaġun tal-football l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu hux qed tisponsorja lil xi team barrani fil-kampjonati nazzjonali tal-Ingilterra, tal-Italja jew ta’ x’imkien ieħor? Jekk fl-affermattiv, liema hu t-team li qed jiġi sponsorjat u fiex jikkonsisti dan l-isponsorship?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

tobba u infermiera aggrediti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti ta’ tobba u infermiera li ġew aggrediti waqt ix-xogħol tagħhom fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? X’passi ttieħdu f’kull każ? Kemm kienu r-rapporti s-sena li għaddiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Divizjoni tal-Edukazzjoni — għalliema u ħaddiema aggrediti waqt ix-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sarux rapport ta’ għalliema u ħaddiema oħra fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni li ġew aggrediti waqt ix-xogħol tagħhom fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? X’passi ttieħdu f’kull każ? Kemm kienu r-rapporti s-sena li għaddiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2010 kien hemm tlett każijiet : i) każ li għadu pendenti l-Qorti bejn żewġ għalliema f’iskola f’Għawdex. ii) każ ta’ Supply Learning Support Assistant li tressaq il-Qorti u ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiża għal sentejn. L-inċident kien seħħ barra mill-iskola. iii) każ bejn Chairwoman u Kap ta’ Skola. Il-każ se jitressaq quddiem Bord ta’ Dixxiplina fil-futur qrib. Fis-sena 2009 kien hemm żewġ każijiet: i) każ ta’ dixxiplina kontra General Hand f’inċident mal-Kap ta’ l-iskola. Huwa ġie sospiż għal ħamest ijiem u ii) każ pendenti l-Qorti ta’ General Hand li ħebb għas-Surmast ta’ l-Iskola.
Leg 11 PQ #20750 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Infermiera, tobba, għalliema u ħaddiema oħra — rapporti li ġew aggrediti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport saru lill-pulizija fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ta’ tobba, infermiera, għalliema u ħaddiema oħra li ġew aggrediti fuq il-post tax-xogħol tagħhom? X’passi ttieħdu f’kull każ? X’kien in-numru ta’ rapporti li saru s-sena li għaddiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha 129 rapport dwar inċidenti li jikkoncernaw vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi. B’konnessjoni ma' dawn l-incidenti l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 145 persuna. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm 181 każ u li dwarhom kien hemm 198 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #20751 Sitting 272 2010-11-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Ġudikatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu jkun in-numru ta’ membri tal-Ġudikatura f’Malta u f’Għawdex? Kemm fil-fatt hu u xi pjani hemm biex ikun hemm full complement (jekk fil-fatt m'hemmx)?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Avviż Legali numru 265/09, “Ordni tal-2009 dwar l-Għadd ta’ Mħallfin fil-Qrati Superjuri” il-President ta’ Malta stabbilixxa li l-għadd ta’ Imħallfin li joqgħodu fil-Qrati Superjuri, minbarra l-Prim Imħallef, ikun għoxrin (20). Preżentement hemm dsatax (19) l-Imħallef u Prim Imħallef. Bħalissa n-numru ta’ Maġistrati huwa ta’ dsatax (19) li jinkludu anke dawk t’Għawdex.

studenti li ħarġu tqal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fis-sena skolastika 2009-2010 kemm kienu l-każijiet rrappurtati lid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ta’ student li ħarġu tqal? Tista' tgħid jekk minn dawn baqgħux jattendu l-iskola jew le, kenux fis-sekondarja, terzjarja eċċ., u x’għajnuna ngħataw dawk li baqgħu l-iskola? Kemm kienu r-rapporti li saru fis-sena ta’ qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.