Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ’Attard – siġar protetti fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx siġar protetti fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħ’Attard – siġar taċ-ċitru u siġar oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħ’Attard – għelieqi ta’ bdiewa fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ħ’Attard – Triq iż-Żagħfran – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5996 u jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li fiż-żona tal-Gold Market, fi Triq iż-Żagħfran, ġewwa Ħ'Attard ma jkunx hemm ipparkeġġar ta' vetturi fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku? Jista’ jgħid x’miżuri qed jieħu bħalissa l-Gvern biex minn issa jitnaqqas it-traffiku? Jista’ jgħid jekk hux qed jintbagħtu pulizija tat-traffic, ħaddiema/uffiċjali ta’ Transport Malta jew wardens biex imexxu t-traffiku f’Ħ’Attard speċjalment ħdejn l-Attard Farm Supplies fi Triq l-Imdina u fi triq li minn Ħ’Attard tmur lejn Ħaż-Żebbuġ, fi Triq Nutar Zarb u fi Triq il-Linja kantuniera ma’ Triq il-Linja? Jista’ jgħid meta u x’ħin f’dan l-aħħar xahar kien qed ikun hemm uffiċjali ta' Transport Malta/Pulizija, fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku speċjalment filgħodu fiż-żoni msemmija f’Ħ'Attard sabiex jiġu osservati t-traffic lights u jieħdu ħsieb il-flow tat-traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din iż-żona ilha tiġi diskussa sa mill-2016 b’soluzzjonijiet, uħud minnhom kif qiegħed jgħid l-istess Onorevoli Agius. Il- Kunsill Lokali ma kienx qed jaqbel kompletament mat-tibdiliet li kienet qed tissugerixxi Transport Malta, inkluż li jitneħħa l-parking kif indikat f’din l-istess Mistoqsija Parlamentari. Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda, jiġifieri jekk jintbagħtux Ufficjali fil-post, ninforma lill-Onor. Interpellant li tali responsabilità taqa f’idejn il-Pulizija tat-Traffiku u kull direzzjoni lill-UffiĊjali ta’ Transport Malta ukoll tingħata mill-Pulizija. Infurmat li meta taħt pressjoni qawwija ta’ traffiku, fuq il-post xi drabi ntbagħat mutur biex jgħin titaffa l-konġestjoni.

Ħ’Attard – Triq Tumas Chetcuti, Oliver Agius, u Ferdinand Inglott – emissjonijiet ta’ carbon monoxide

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-emissjonijiet ta' carbon monoxide f’Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcuti u Triq Oliver Agius, f’Ħ'Attard? Jista’ jippubblika l-istudji li saru?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema studji qed jirreferi.

Ħ’Attard Bypass – effett fuq l-irziezet eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu affettwati l-irziezet eżistenti bil-bypass ta' Ħ'Attard u jekk iva x'se jiġri mill-għejxien tas-sidien tal-imsemmija rziezet li jaqilgħu l-għejxien tagħhom minn dan ix-xogħol? Jista’ jgħid x'se jiġri mil-ġibjuni eżistenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onor. Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Dan ifisser li f’dawn l-inħawi, ser tintuża inqas art minn kemm fil-fatt kien se jkun hemm bżonn skont il-pjan tal-2006. Transport Malta għaddejja b’diskussjonijiet mas-sidien ta’ artijiet li jistgħu jiġu affettwati b’dan il-proġett, u ma’ persuni oħra li jagħmlu użu mill-istess artijiet, sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jkunu xierqa għalihom, mingħajr ma jkun imxekkel l-iżvilupp infrastrutturali meħtieġ f’din iż-żona, żvilupp li se jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u arja aktar nadifa, għar-residenti u għal aktar min 30,000 persuna li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi ta’ kuljum.

Ħ’Attard Bypass – parkeġġ tal-istabbiliment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-parkeġġ tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinsab fi Triq Ferdinand Inglott b’relazzjoni mal-bypass ta' Ħ'Attard?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellent jirreferi għat-twegiba mogħtija ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 5992 tal-istess Seduta.

Ħ’Attard – Bypass — roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il roundabout se jkun hemm fil-bypass ta' Ħ'Attard? Fejn se jsiru? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta’ kif hu maħsub li jsiru dawn ir-roundabouts?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Il-pjanti tal-proġett diġà ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.

Ħ’Attard – prijorità għat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prijorità qed tingħata lit-trasport pubbliku sabiex tiġi riżolta l-problema tat-traffiku fiż-żona ta' Ħ'Attard?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ Central Link Project, l-investiment infrastrutturali ta’ €55 miljun sabiex intaffu d-diffikultajiet ta’ vjaġġar u tniġġis ta’ arja fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi ser jonqos b’50%. Dan ifisser li f’dawn it-toroq ser naraw ukoll tnaqqis ta’ 50% fil-ħin tal-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku, li wkoll ser ikun qed igawdi minn dan il-proġett. Is-servizz ta’ trasport pubbliku f’dawn l-inħawi ser ikun jista’ jsir aktar effiċjenti, hekk kif ser isib inqas diffikultajiet fir-rotot li juża. Central Link Project ser inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar billi jelimina diversi bottlenecks, sistemi ta’ traffic lights u toroq arterjali dojoq li bħalissa qed ixekklu kull mezz ta’ trasport li jgħaddi minn dawn l-inħawi. Il-proġett ser iżid 7.4 kilometri ta’ korsiji ġodda fir-rotta bejn l-Imrieħel u r-roundabout tal-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, sabiex ikompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar. Fl-istess waqt, matul din ir-rotta, Central Link Project ser jintroduċi diversi bus baysbi spazji adekwati sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jirkbu u jinżlu mill-karozzi tal-linja b’aktar kumdità u sigurtà.

Ħ’Attard – Triq iż-Żagħfran – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li fiż-żona tal-Gold Market, fi Triq iż-Żagħfran, ġewwa Ħ'Attard ma jkunx hemm ipparkeġġar ta' vetturi fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku? Jista’ jgħid x’miżuri qed jieħu bħalissa l-Gvern biex minn issa jitnaqqas it-traffiku? Jista’ jgħid jekk hux qed jintbagħtu pulizija tat-traffic, ħaddiema/uffiċjali ta’ Transport Malta jew wardens biex imexxu t-traffiku f’Ħ’Attard speċjalment ħdejn l-Attard Farm Supplies, fi Triq l-Imdina u fi triq li minn Ħ’Attard tmur lejn Ħaż-Żebbuġ, fi Triq Nutar Zarb u fi Triq l-Linja kantuniera ma’ Triq il-Linja? Jista’ jgħid meta u x’ħin f’dan l-aħħar xahar kien qed ikun hemm uffiċjali ta' Transport Malta/Pulizija, fil-ħin li jinġemgħa t-traffiku speċjalment filgħodu fiż-żoni msemmija f’Ħ'Attard sabiex jiġu osservati t-traffic lights u jieħdu ħsieb il-flow tat-traffiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħ’Attard – garaxxijiet f’Triq Tumas Chetcuti, Ferdinand Inglott u Oliver Agius

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju sabiex wieħed ikun ċert li l-ħruġ mill-garaxxijiet tar-residenti li joqogħdu f’Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius ikun wieħed sigur, ġaladarba tkun lesta l-bypass ta' Ħ'Attard?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’¿ewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Kieku l-Gvern ¿amm mal-pjanijiet tal-amministrazzjoni preċedenti tal-2006 u bena Bypass ta’ sitt korsiji, kieku kien ser ikun hemm ħafna aktar teħid ta’ art u vetturi fl-inħawi tat-toroq residenzjali msemmija – Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcui u Triq Oliver Agius. Permezz ta’ Central Link Project, it-toroq residenzjali imsemmija ser jinbnew mill-ġdid. F’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq ewlenija ġdida, b’żewġ korsiji biss minflok erbgħa jew sitta kif ippjanat fl-2006, ser tkun aktar baxxa mit-toroq residenzjali, b’mod li ma tkunx tidher mill-istess toroq residenzjali. Fl-istess waqt, bejn it-triq arterjali u t-toroq residenzjali ser ikun hemm żoni ta’ siġar u pjanti, landscaped area, li jkomplu jbiegħdu ż-żona residenzjali miż-żewġ korsiji tat-triq arterjali. It-triq residenzjali ser ikollha wkoll spazji ta’ parkeġġ għar-residenti. Il-garaxxijiet imsemmija jinsabu f’toroq residenzjali. Dawn it-toroq ser jinbnew mill-ġdid, sabiex ikunu ta’ kwalità aħjar għar-residenti li jgħixu fihom. Madankollu, xorta waħda ser jibqgħu toroq residenzjali, anke wara li jitlesta Central Link Project. Il-garaxxijiet mhux ser ikunu qed jagħtu għal xi waħda mill-korsiji ta’ toroq arterjali li ser jiġu żviluppati b’dan il-proġett. Permezz ta’ Central Link Project, ir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara ser igawdu minn tnaqqis ta’ 13% fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi.

Transport Malta – Studju dwar il-Bypass ta’ Ħ’Attard

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-istudju ta’ Transport Malta (TM) dwar il-bypass ta’ Ħ’Attard? Jista’ jippubblika l-istudji (u t-TIS) fuq it-traffiku fl-inħawi tal-madwar il-bypass li qed tiġi proposta u li jinkludu fost postijiet oħra Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara? Meta saru dawn l-istudji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onor. Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Central Link Project jinkludi disinn ġdid tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat jkollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu is-central strips. Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali użata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, żewġ kilometri ta’ korsiji għar-roti u 19,300 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas). Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta’ Central Link Project, li bħalissa qed jiġu diskussi ma’ dawk kollha konċernati. L-istudju li qed isemmi l-Onorevoli Agius, Traffic Impact Assessment (TIS), isir meta jkun ser isir xi żvilupp ta’ bini, mhux meta jkunu se jiġu mtejba jew mibnija mill-ġdid it-toroq. TIS isir sabiex jistudja l-impatt ta’ bini ġdid, u l-użu tiegħu, fuq is-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku, u tat-toroq, madwar l-istess binja. Waqt it-tfassil ta’ Central Link Project, Transport Malta wettqet diversi studji tekniċi, bħala parti minn proċess magħruf bħala Cost Benefit Analysis. Din l-analiżi ma tqisx biss l-impatt tal-infrastruttura tat-toroq ġodda proposti, iżda tqis ukoll proposti alternattivi, sabiex tiġi identifikata l-aktar waħda li ser ikollha benefiċċji għal dawk kollha involuti. Dawn l-istudji tekniċi twettqu fix-xhur li għaddew, u waqt li kienu qed jiġu meqjusa pjanti u proposti differenti sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji qed jiġu diskussi mal-awtoritajiet konċernati sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat ir-rapport dwarhom. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji ser jifformaw parti mill-proċess pubbliku tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-permessi meħtieġa dwar dan il-proġett. Madankollu, mir-riżultati tal-istudji tekniċi li diġa ġew ikkonfermati, nistqarr li l-proġett ser iwassal għal tnaqqis drastiku ta’ 50% fil-ħin tal-ivvjaġġar bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, li jfisser tnaqqis kbir fid-diffikultajiet tar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara. L-istudji jħarsu wkoll lejn xenarji tal-futur, u jikkonfermaw li jekk l-infrastruttura tal-inħawi tibqa’ kif inhi, il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi ser jiżdied b’250%. L-istudji jikkonfermaw ukoll li permezz ta’ Central Link Project, it-tniġġis tal-arja mill-karozzi ser jonqos bi 13%. Jekk ma jsir xejn, fi-snin li ġejjin it-tniġġis ser jittripplika, b’żieda ta’ 300%.

Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara – Traffic Counts minn Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Transport Malta għamlet traffic counts tal-vetturi fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara? Fejn saru? Jista’ jippubblikahom?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5986, nikkonferma wkoll li t-traffic counts meħtieġa sabiex jitfassal Central Link Project saru f’Novembru 2017, fi ġranet tax-xogħol. L-istudju sar permezz ta’ tagħmir diġitali li jkejjel l-ammont ta’ vetturi, it-tip ta’ vetturi u tagħrif ieħor relatat, li tpoġġa fi sbatax-il post differenti fl-inħawi tal-proġett, f’ħinijiet differenti tal-jum. Intużaw ukoll l-automatic traffic counters ta’ Transport Malta li jikkontrollaw is-sistemi tat-traffic lights fl-istess inħawi, sabiex it-tagħrif miksub ikun iċċekkjat u kkonfermat minn sorsi differenti. B’kollox, waqt l-istudju fi ġranet differenti nġabar tagħrif dwar il-moviment ta’ aktar min 191,500 vettura. 93% ta’ dawn il-vetturi kienu vetturi żgħar, waqt li l-kumplament kienu vetturi kbar, bħal trakkijiet. It-tagħrif kollu miksub minn dawn l-istudji kompla jikkonferma li l-pjan propost mill-Gvern huwa l-għażla li toffri l-aktar benefiċċji għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi u għar-residenti li jgħixu fihom.

Ħ’Attard — Bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun ‘il bogħod (f’metri) il-bypass ta' Ħ'Attard mir-residenti li joqogħdu f'dawn it-toroq: Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcuti u Triq Oliver Agius? Jista’ jgħid jekk humiex ippjanati li jsiru sound barriers fi Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Kieku l-Gvern żamm mal-pjanijiet tal-amministrazzjoni preċedenti tal-2006, kieku kien ser ikun hemm ħafna aktar teħid ta’ art u vetturi fl-inħawi tat-toroq residenzjali msemmija – Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcui u Triq Oliver Agius. Permezz ta’ Central Link Project, it-toroq residenzjali msemmija ser jinbnew mill-ġdid. F’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq ewlenija ġdida, b’żewġ korsiji biss minflok erbgħa jew sitta kif ippjanat fl-2006, ser tkun aktar baxxa mit-toroq residenzjali. Fl-istess waqt, bejn it-triq arterjali u t-toroq residenzjali ser ikun hemm żoni ta’ siġar u pjanti, landscaped area, li jkomplu jbiegħdu ż-żona residenzjali miż-żewġ korsiji tat-triq arterjali. It-tnaqqis drastiku fl-ammont ta’ korsiji oriġnarjament proposti (minn sitta għal tnejn), id-differenza fl-għoli bejn it-triq residenjali u dik arterjali u ż-żoni ta’ siġar u pjanti li ser issir bejn iż-żewġ toroq ser iservu bħala acoustic barriers li jnaqqsu l-ħsejjes milli jolqtu ħażin liż-żoni residenzjali. It-triq residenzjali ser ikollha wkoll spazji ta’ parkeġġ għar-residenti. Permezz ta’ Central Link Project, ir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara ser igawdu minn tnaqqis ta’ 13% fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi. Tagħrif ieħor mitlub jinsab fil-pjanti tal-proġett, impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.

Ħ’Attard — Bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun wiesa’ l-bypass ta' Ħ'Attard? Jista’ jgħid kemm se jkun hemm metri min-nofs it-triq sa kull naħa fejn jibda l-bini u d-djar tar-residenti jew l-għelieqi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Il-Bypass imsemmija mill-Onorevoli Agius, hekk kif ippjanata mill-amministrazzjoni tal-2006, kien se jkollha wisa’ sa sitt korsiji, tlieta’ f’kull direzzjoni. Central Link Project, li qed jiġi propost mill-Gvern, ser tinkludi biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji minflok is-sitt korsiji ppjanati fl-2006. Tagħrif ieħor mitlub jinsab fil-pjanti tal-proġett, impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.

Ħ’Attard – proġett ta’ bypass – Kamra protetta f’Wied Inċita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bil-proġett tal-bypass ta' Ħ'Attard, hux se tiġi affettwata l-kamra protetta li tinsab f'Wied Inċita?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Filwaqt li d-diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati dwar Central Link Project għadhom għaddejja, nixtieq niżgura li jekk xi strutturi protetti jkunu ser jiġu affettwati, l-awtoritajiet konċernati ser jieħdu l-passi kollha sabiex jissalvagwardjawhom, bħal ma sar fi proġetti infrastrutturali simili f’postijiet oħra.

Ħ’Attard – parking spaces fi Triq Tumas Chetcuti, Ferdinand Inglott u Oliver Agius

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm parking spaces fi Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius hekk kif titlesta l-bypass ta' Ħ’Attard? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li juri kif ġej il-parkeġġ f’dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. M’huwiex magħruf kemm kien se jkun hemm spazji ta’ parkeġġ għar-residenti fil-Bypass ta’ bejn erba’ u sitt korsiji li kien ippjana Gvern preċedenti fl-2006. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li b’dan il-proġett li qed jipproponi l-Gvern, minflok il-Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji kif ippjanat fl-2006, ser isiru biss ¿ewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. It-toroq imsemmija ser jinbnew mill-ġdid u ser ikollhom diversi faċilitajiet ġodda, fosthom spazji ta’ parkeġġ adekwati mal-ġnub tal-istess toroq. Fl-istess waqt, f’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq arterjali (b’¿ewġ korsiji minflok sitta) li ser tinbena bi dritt dawn it-toroq ser tkun aktar baxxa. Bejn it-toroq residenzjali msemmija u t-triq arterjali, ser ikun hemm ukoll spazji bis-siġar u pjanti oħra (landscaped area). Il-pjanti mitluba diġa ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.

Sptar Monte Carmeli – avvelenament tal-ikel

Question

B’referenza għall-Press Release li ħareġ il-Ministeru għas-Saħħa fuq allegat każ ta’ avvelenament tal-ikel li ġie kkonsmat mit-tobba tal-Isptar Monte Carmeli fil-weekend tas-27 ta’ April 2018, jista’ d-Deputat Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-investigazzjoni kif ukoll kopja tar-riżultati tal-kampjuni li ttieħdu? Jista’ jgħid x’azzjonijiet ser jittieħdu f’każ li tinstab xi ħaġa ħażina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nhar is-27 sat-28 t’April ġie organizzat avveniment għat-tobba tal-isptar Monte Karmeli, fejn attendew 47 persuna. 17 milli attendew, żviluppalhom gastroenterite wara li kkunsmaw ikel li kien ġie ordnat minn kumpanija tal-outside catering u li kien servut waqt dan l-istess avveniment. Wieħed mill-każijiet kellu jittieħed għal kura fl-Isptar Mater Dei. Is-sintomi ma damux aktar minn jumejn. Immedjatament uffiċjali għas-saħħa ambjentali ssejħu sabiex jibdew l-investigazzjonijiet neċessarji waqt li numru ta’ pazjenti pprovdew kampjun tal-ippurgar tagħhom iżda ma ġie isolat l-ebda mikrobu. Saru diversi spezzjonijiet kemm fil-post fejn ġie offrut tali ikel kif ukoll ġewwa l-istabbilimenti fejn ġie ppreparat l-ikel. Waqt l-imsemmija spezzjonijiet ġew elevati numru ta’ kampjuni tal-ikel li seta’ kien involut fil-każ indikat, kif ukoll ittieħdu swabs . Madanakollu, it-testijiet mikrobijoloġiċi kollha rriżultaw fin-negattiv.

Arms Ltd – meters tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5552 u jgħid kemm iżżomm flus l-ARMS Ltd biex tiċċekja meter u kemm hu l-ħlas lill-ARMS Ltd biex taqleb l-isem ta’ fuq min hu l-meter?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-każ tad-dawl hemm ħlas dovut lill-Enemalta ta’ €70 li f’każ li l-arloġġ ma jinstabx jaħdem kif suppost, jiġi rifuż. Filwaqt li fil-każ tal-ilma, il-ħlas dovut lill-Water Services Corporation hu ta’ €11.65. Ta’ min jgħid li dawn il-ħlasijiet ilhom fis-seħħ sa minn qabel ma ġiet imwaqqfa ARMS Ltd. min Gvern preċedenti. Il-ħlas ta’ €4.66 huwa mitlub biex wieħed ikun jista’ jaqleb il- meter minn fuq isem għal ieħor. Dan dejjem jekk il-post fejn hemm il- meter stallat ikun il-proprjeta’ ta’ min ser jieħu il- meter fuqu. Hemm ukoll il-kundizzjoni li biex isir it-trasferiment, kull kont pendenti irid jitħallas qabel ma jsir it-trasferiment. Fil-każ li l-persuna li ser tieħu l- meter fuq isimha ma tkunx is-sid tal-proprjeta’ tkun trid titħallas ukoll garanzija (depożitu) ta’ €466, liema garanzija (depożitu) jitħallas lura lill-persuna wara li toħroġ mill-proprjeta’. Dan dejjem wara li jinqagħtu l-kontijiet pendenti.

Arms Ltd – Rata għolja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5553 u jgħid kemm hawn familji li jħallsu lill-ARMS Ltd bir-rata għola domestika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li r-rata hekk imsejjħa ‘Domestika’ qedgħa għal dawk l-istallazzjonijiet f’proprjetajiet li ma jkunux ir-residenza prinċipali tal-persuna/i. Hija pero’ r-responsabbilta’ tal-familji kkonċernati li jinformaw lill-ARMS bin-numru ta’ persuni li joqogħdu fil-proprjeta’, tant li din il-proprjeta’ tibda titqies bħala ‘Residenzjali’. Fid-dawl ta’dan, l-ARMS ma tistax tkun taf kemm hemm “familji li jħallsu lill-ARMS Ltd bir-rata għola domestika”. Huma r-residenti fil-proprjeta’ li jridu jinformaw lill-ARMS jekk u meta l-proprjeta’ għandha tibda titqies bħala ‘Residenzajli’. Dan billi jimlew il-formola H.