Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li l-gvern irid jippreżenta l-abbozz tiegħu lill-Kummisjoni Ewropea sal-aħħar ta’ din is-sena? Jista’ jagħti d-data meta se jippreżentah quddiem il-Parlament għad-diskussjoni? Jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra jew jagħti kopja tiegħu lill-Oppożizzjoni fil-ġurnata li jirrispondi din id-domanda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar tal-2019. Abbozz ta’ dan il-pjan jinstab fi stadju avvanzat sabiex jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar tas-sena 2018 wara li jkun ġie approvat mill- Kabinett. Matul l-2019, wara li jiġi diskuss l-abbozz mall-Kummissjoni Ewropeja, u jittieħed kont ta’ konsultazzjoni pubblika u aktar informazzjoni minn studji kurrenti, jitqiegħed il-pjan fuq il-Mejda tal- Kamra.

Enerġija rinnovabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel il-gvern fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli, biex nilħqu l-miri mfassla għall-2020? Jista’ jgħid kemm huwa persważ il-Ministru li dawn il-miri se tilħaqhom Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jintlaħqu l-miri mfassla għall-2020 fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli, il-Gvern qiegħed jimplimenta bis-sħiħ in-National Renewable Energy Action Plan li ġie ppublikat fl-2017 u li fost oħrajn jinkludi numru ta’ nċentivi għall-istallazjoni ta’ sistemi fotovoltajiċi ta’ daqs zgħir, medju u kbar (solar farms), kif ukoll għajnuna għal min jinvesti f’solar water heaters. Qiegħed jiġi wkoll assigurat li persentaġġ dejjem akbar mill-fjuwil ikun ġej minn sorsi rinnovabbli. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jimplimenta dawk il-miżuri kollha li jwasslu sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020 bl-aktar mod effettiv.

Baġit għas-sena d-dieħla – allokazzjoni ta’ 40% inqas għall-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-gvern qed jalloka 40% inqas għall-enerġija fil-baġit għas-sena d-dieħla? Jista’ jgħid kif dan it-tnaqqis jaqbel mal-miri tal-gvern u ma’ dak li qed jippjana li jimplimenta f’dan il-qasam matul is-sena d-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-voti speċifiċi fejn qiegħed jara li l-Gvern qed jalloka 40% inqas għall-enerġija fil-baġit għas-sena d-dieħla u fl-istess ħin jirrelata’ l-Mistoqsija tiegħu mal-fatt li semma l-miri tal-Gvern u dak li qed jippjana li jimplimenta f’dan il-qasam matul is-sena d-dieħla.

Provision of spare capacity electricity

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-partita baġitarja nru 5789 imsejħa “Provision of spare capacity electricity”? Jista’ jgħid l-allokazzjoni ta’ €14-il miljun għal reserve capacity għalxiex intużat fil-passat jew ser tintuża?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti baġitarja Nru 5789 imsejħa ‘’Provision of Spare Capacity Electricty’’ hija providiment tal-Public Service Obligation (PSO), ffirmat bejn il-Gvern Malti u Enemalta plc fit-2 t’Ottubru 2014, bħala kumpens għal Enemalta plc b’risq iż-żamma ta’ spare capacity fejn għandha x’taqsam il-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din l- ispare capacity hija essenjzali sabiex Enemalta tkun tista tkopri għat-telf tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni li normalment ikunu qed joperaw, kif ukoll hija neċessarja, f’sitwazzjonijiet bħal total shutdown , sabiex il-provista tal-elettriku tkun tista’ tiġi ristabilita fl-iqsar żmien possibbli.

Investigazzjoni dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Fejn jidħlu l-anomaliji li hemm fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, issa li l-Prim Ministru ammetta u ġie fi kliem l-Oppożizzjoni, u fuq ix-xandir nazzjonali ħabbar li s-sena d-dieħla din se tissolva, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-investigazzjoni li qed jagħmlu f’dan ir-rigward? Jista’ jinfurmana jekk il-familji u n-negozji li qed jinsterqu humiex ser jiġu kkumpensati? Jekk iva, kif, kemm u meta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sistema li qed tintuża mill-ARMS ilha tintuża minn żmien l-Aministrazzjoni Nazzjonalista. Jekk l-Onor. Interpellant qed jallega li l-konsumaturi nsterqu, allura bl-istess argument tiegħu stess, fiż-żmien meta kien hemm Amministrazzjoni Nazzjonalista, li huwa stess kien jagħmel parti minnha, kien qed jassumi li l-konsumatrui kienu qed jinsterqu u baqa’ ma tkellimx.

ARMS – cumulative consumption per annum

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-ARMS x’qed jifhmu bi cumulative consumption per annum hekk kif miktuba fil-legal notice? Jista’ jgħid ukoll meta tibda u tispiċċa s-sena, għal skop ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma, skont kif jikkalkulawha l-ARMS, jekk hux minn Jannar sa Diċembru, minn Jannar sa Jannar ta’ wara, jew sempliċement 12-il xahar konsekuttiv? Jista’ jgħid kif?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ta r-Regolatur dwar l-ilment imressaq mill-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward.

Ħ’Attard – Bypass – Central Link Project

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx irreveduti l-pjanti tal-bypass ta’ Ħ’Attard (Central Link Project)? Jekk ir-risposta hija iva, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq hekk kif proposta hux se tkun street level jew taħt il-livell tat-triq fiż-żoni ta’ Triq Oliver Agius, Triq Ferdinand Inglott (li tinkludi wkoll il-parti li tgħaqqad ma’ Triq Żebbuġ) kif ukoll Triq Tumas Chetcuti, Ħ’Attard? Fil-każ li se tkun taħt il-livell tat-triq, jista’ l-Ministru jagħti kemm-il metru se tkun ‘l isfel fit-toroq imsemmija hawn fuq u jekk hemmx il-ħsieb sabiex l-istess triq ipproġettata tkun mgħottija sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tar-residenti li joqogħdu fil-viċin u dan hekk kif se jsir fi proġett separat f'Santa Venera fejn se titgħatta parti minn Triq Reġjonali hekk kif imħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima?

Response (BORG, IAN)

Il-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Dan il-pjan kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji. Permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida lil hinn minnha, b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. Central Link Project jinkludi disinn ġdid tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat jkollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu is-central strips. Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali u¿ata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, mas-7.6 kilometri ta’ korsiji għar-roti u aktar minn 19,000 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas). Mill-ewwel riżultati tal-istudji tekniċi li għaddejjin bħalissa, nistqarr li l-proġett ser iwassal għal tnaqqis drastiku ta’ 50% fil-ħin tal-ivvjaġġar bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, li jfisser tnaqqis kbir fid-diffikultajiet tar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara. L-istudji jħarsu wkoll lejn xenarji tal-futur, u jikkonfermaw li jekk l-infrastruttura tal-inħawi tibqa’ kif inhi, il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi ser jiżdied b’250% Fost it-tagħrif tekniku li qed jinġabar bħala parti mit-tħejjija għal dan l-investiment, sar magħruf li l-proġett ser iwassal għal titjib ta’ madwar 13% fil-kwalità tal-arja fl-inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, bi tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-vetturi li bħalissa jqattgħu aktar ħin fl-inħawi mwaħħlin fit-traffiku. Fost oħrajn, il-proġett ser iwassal għal tnaqqis ta’ 13% fl-emissjonijiet tat-trabijiet fini (particulate matter), 16% fl-emissjonijiet tad-diossidju tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) u 67% fl-emissjonijiet tal-volatile organic compounds. Dawn l-emissjonijiet jikkaw¿aw diversi diffikultajiet tas-saħħa u oħrajn ambjentali. Fl-istess waqt, l-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju, li jikkawżaw it-tibdil fil-klima, mistennija jonqsu sa tunnellata fis-siegħa. L-istudji jikkonfermaw ukoll li permezz ta’ Central Link Project, it-tniġġis tal-arja mill-karozzi ser jonqos bi 13%. Jekk ma jsir xejn, fi-snin li ġejjin it-tniġġis ser jittripplika, b’żieda ta’ 300%. Tajjeb jiġi ċċarat li ma kienx hemm għalfejn jiġu riveduti l-pjanti sabiex isir dak li qed jissemma f’din il-mistoqsija. Dan hekk kif il-pjanti ta’ Central Link Project minn dejjem kienu jinkludu l-karreġġjata ġdida (żewġ korsiji minflok erba’ jew sitta kif oriġinarjament propost minn amministrazzjonijiet preċedenti) lilhinn mit-tliet toroq residenzjali indikati diversi metri taħt il-livell tal-istess toroq residenzjali. Il-qisien ta’ kemm it-triq ġdida ser tkun aktar baxxa mit-toroq residenzjali jvarjaw minn post għal ieħor, skont diversi esiġenzi tekniċi kif ukoll skont il-livelli eżistenti ta’ toroq oħra fl-inħawi. Fl-istess waqt, fejn huwa possibbli, bejn it-toroq residenzjali u t-triq il-ġdida ser ikun hemm żona ta’ siġar u pjanti sabiex tkompli tisseparahom. Infrastructure Malta għadha għaddejja bil-konsultazzjonijiet u l-istudji meħtieġa sabiex tkompli ttejjeb il-benefiċċji ta’ dan l-investiment li tant ilhom jistennew ir-residenti ta’ Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, kif ukoll eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jivvjaġġaw f’din ir-rotta. L-aġenzija ser tibqa’ tilqa’ proposti u suġġerimenti teknikament fattibbli u sostenibbli li jistgħu jsaħħu l-pjanijiet ta’ Central Link Project, sakemm jintemm il-proċess tal-applikazzjoni għall-permessi tal-iżvilupp fix-xhur li ġejjin, u jkun jista’ jibda x-xogħol biex dan il-proġett jitwettaq.

Ħ’Attard – bypass – Central Link Project – fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Unjoni Ewropea hux se tagħti xi tip ta’ fondi biex issir il-bypass ta’ Ħ’Attard (Central Link Project)?

Response (BORG, IAN)

B’riferenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 7365, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ppreżentat applikazzjoni lill-Planning & Priorities Coordination Division biex jiġu parzjalment iffinanzjati numru ta’ proġetti, fosthom is-Central Link Project, mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa, din l-istess applikazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Project Selection Committee for Cohesion Policy 2014-2020.

Enemalta – xiri ta’ high-voltage cables

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta' high-voltage cables li nxtraw mill-Enemalta bejn l-1 ta' Jannar 2015 u t-30 ta' Settembru 2018? Jista’ jgħid għal liema prezz inxtraw, u jindika liema nxtraw b'tender, b’quotation jew b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

L-Informazzjoni mitluba għal perjodu ta’ Jannar 2015 sal-lum għandha valur kummerċjali għall-kumpanija Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.

ARMS Ltd — CEOs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-CEOs tal-ARMS Ltd mill-2013 sal-lum? Min hu s-CEO illum u sa meta hu l-kuntratt tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond is-segwenti tabella. Wilfred Borg 14 ta’ Ottubru 2010 – 2013 Henry Attard 18 ta’April – 31 ta’ Lulju 2013 ( Interim CEO ) James Davis 15 ta’ Awwissu 2013 – 30 ta’Mejju 2014 Carmen Ciantar 1 ta’ Ġunju 2014 – 3 ta’ Lulju 2016 David Magro 6 ta’ Ottubru 2016 – 23 ta’ Ottubru 2017 Lawrence Cauchi 15 ta’ Novembru 2017 – 16 ta’ Mejju 2018 John Attard 17 ta’ Mejju 2018 – CEO kurrenti

ARMS Ltd – kontijiet tal-klijenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ARMS Ltd hux qed titfa’ flus direttament fil-kont tal-klijenti li għandhom il-panelli u jkollom jieħdu l-flus minn ARMS Ltd għax jikkunsmaw anqas milli jipproduċu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ARMS Ltd għandha formoli biex kull min ikollu l-pannelli fotovoltajiċi nstallati jinformaha (lil ARMS) bl-IBAN Number ħalli fejn ikun hemm kreditu aktar minn konsum, ARMS Ltd tgħaddi l-flus dirett fil-kont bankarju tal-klijent rispettiv. Ta’ min jgħid li mhux il-klijenti kollha jagħżlu dan il-metodu ta’ refużjuni. Hemm min espressament ma jkunx irid, u għaldaqstant jinħareġ pagament b’ chequemeta tintalab refużjoni.

ARMS Ltd – differenza bejn meter reader u agent meter reader

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-differenza fix-xogħol u fil-paga bejn Meter Reader u Agent Meter Reader mal-ARMS Ltd fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma? Kemm hemm u kemm hemm bżonn li jkun hemm għal full complement għal Meter Readers u Agent Meter Readers?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ Meter Reader u Agent Meter Reader huma l-istess. L-istruttura tal- Collective Agreement fiha 7 gradi fejn il- Meter Reader jaqa’ fil-grad t’ Agent bħal ma’ huma l- clerks . Il-paga bażika fl-2018 hija ta’ €13,575 fis-sena. Ninsab infurmat li bħalissa ARMS Ltd għandha 15 il- Meter Reader li 4 minnhom ser jirtiraw fl-2019 u 2 oħra huma mpjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.

ARMS Ltd — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li applikaw jew tefgħu r-riżenja tagħhom fl-ARMS Ltd fl-aħħar sena? Jista' jgħid x’kienu r-raġunijiet għal dawn r-riżenji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 28 ħaddiem li rriżenja minn Novembru 2017 sat-12 t’Ottubru 2018. Ir-raġuni tar-riżenji huma dawn: 9 : Fil-perjodu tal- probation tagħhom 18: Sabu xogħol alternattiv 1 : Skandenza tal-kuntratt

Ħ’Attard – siġar protetti fiż-żona tal-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6339 u jgħid jekk hemmx siġar protetti fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 6506. Inżid ngħid li qed isir kull sforz sabiex jiġi minimizzat l-impatt ambjentali.

Ħal Balzan – pjanti tal-proġett ta’ Triq ta' Wied Ħal Balzan

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pjanti tal-proġett ta’ Triq il-Wied f'Ħal Balzan ingħatawx lill-Kunsill Lokali, u jekk le jispjega għalfejn u jekk iva meta ngħataw? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti li ġew diskussi mal-Kunsill konċernat. Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li huma pubbliċi.

Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma għalfejn is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan ser jinqalgħu minn posthom u mhux ser jiġu integrati fil-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid ta Triq il-Wied f'Ħal Balzan huwa investiment tant meħtieġ li jinkludi wkoll servizz ġdid ta' distribuzzjoni tal-ilma taħt l-art, sistema ġdida ta kanali tal-ilma tax-xita, titjib fid-disinn tat-toroq bi spazji tal-parkeġġ miżjuda, il-bini mill-pedamenti, madwar 1.2 kilometru ta bankini ġodda u wiċċ ġdid għat-triq. Kif issemma waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, din it-triq hija waħda li dwarha jiġu riċevuti diversi lmenti minn residenti tal-istess lokalità fuq bażi regolari. It-triq se terġa' tinbena bl-użu tal-allinjament kurrenti filwaqt li żżomm l-istess wisa 'għall-karreġġati matul il-medda kollha tat-triq. Kif ġie indikat waqt il-konferenza stampa, is-siġar li qed jiġu riferuti qed jikkawżaw ħsara sostanzjali lit-triq innifisha kif ukoll lis-servizzi sottostanti li min-naħa tagħhom joħolqu problemi għar-residenti. F'dan ir-rigward, Transport Malta dejjem timmira għall-impatt ambjentali mnaqqas matul ix-xogħlijiet li jimpenja ruħu fuq it-toroq varji f'pajji¿na. Waqt id-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali u mar-rappreżentanti tal-ERA, ġie deċiż li s-siġar jistgħu jerġgħu jitħawlu x'imkien ieħor ghalhekk fejn hu possibli se jsir sforz biex is-sigar ikunu inkorporati fil-proġett kemm billi jitħallew f’posthom kif ukoll jiġu rilokati.

Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tax l-approvazzjoni tiegħu biex is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan jinqalgħu minn posthom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi LS 549.64 ma hemmx bżonn permess mil-ERA biex jinqalgħu dawn is-siġar. Madankollu, l-ERA xorta waslet għal qbil ma’ Transport Malta biex jiġu salvati dawn is-siġar u trapjantati f’sit ieħor.

Ħal Balzan – Triq il-Wied – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġi jiswa x-xogħol għall-proġett tat-Triq il-Wied f’Ħal Balzan u x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru? Jista’ jgħid jekk hux ser jinbidlu s-servizzi tal-ilma, tad-dranaġġ, ta’ street lighting u hux ser isiru bankini ġodda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol huwa stmat li jiswa madwar €500,000 liema ammont jeskludi d-drenaġġ li se jkun qed jiswa madwar €1,000,000 li jifforma parti mill-Master Plan tal-Water Services Corporation. Nikkonferma li s servizzi ta’ l-ilma u tad-drenaġġ kollha ta’ taħt l-art u l-bankini kollha se jkunu qed jinbidlu.

Ħ'Attard — Għelieqi ta' Bdiewa fiż-Żona tal-Bypass

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6341 u jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor Interpellant, fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta’ Ħ’Attard hemm total ta’ 47 bidwi rreġistrat mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA).

Ħ’Attard – siġar taċ-ċitru u siġar oħra

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6340 u jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fiż-żona msemmija hemm numru ta’ siġar protetti skont ir-Regolament dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar ta’ l-2011. L-applikazzjoni tal-proġett għada qed tiġi diskussa u għaldaqstant l-ammont ta’ siġar li ser ikunu mpattati għadu mhux magħruf.