Legislature:
Category:
Reset
Active:

CBD/THC - Prodotti - Irtirar mis-suq

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li biha jinbeda u jiġi kkomunikat irtirar mis-suq (recall) ta’ prodotti tas-CBD/THC meta jkun hemm riskju għas-saħħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll kemm seħħew recalls jew interventi simili fl-aħħar sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC, f’każ li lott ta’ prodott ma jilħaqx ir-rekwiżiti meħtieġa, tali lott ma jinħariġx fis-suq.  Barra minn hekk, l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis tagħmel ukoll verifiki għall-għarrieda sabiex tiżgura li l-prodotti mqassma huma verament konformi mar-rekwiżiti u mar-riżultat tat-testijiet fil-laboratorju. Infurmat ukoll illi sal-ġurnata tal-lum ma nstabet l-ebda diskrepanza bejn ir-riżultat tal-prodotti miksuba għall-għarrieda u r-riżultati maħruġa qabel ir-rilaxx tal-prodott u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ ebda recall jew intervent simili.

CBD/THC - Prodotti - Rekwiżiti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti obbligatorji ta’ sigurtà għal prodotti li jkun fihom CBD/THC mqiegħda fis-suq Malti, inklużi limiti għal kontaminanti bħal metalli tqal, pestiċidi, residwi ta’ solventi u kontaminanti oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC, isiru testijiet xjentifiċi fir-rigward ta’: - Micro-organism analytes - Bacteria, yeast and mould - Trace / Heavy metal analytes - Filth and foreign material - Water activity and moisture content

CBD/THC - Prodotti - Verifikazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-metodoloġija/standards ta’ ttestjar li huma meħtieġa biex jiġi vverifikat il-kontenut ta’ CBD u THC f’dawn il-prodotti? Jista’ jgħid ukoll min huma l-awtoritajiet jew laboratorji rikonoxxuti għal dan l-iskop?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC, l-ittestjar isir f’laboratorju akkreditat bl-istandards GMP jew ISO/EC 17025.

CBD/THC - Prodotti - Limiti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk Malta tapplikax limiti massimi ta’ THC (inkluż “trace THC”) għal prodotti tas-CBD li jinbiegħu lill-pubbliku, u jekk iva, jista’ jindika x’inhuma dawn il-limiti skont il-kategorija tal-prodott?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant  għat-tweġiba mogħtija għal-Mistoqsija  Parlamentari numru 34768.

CBD/THC - Prodotti - Klassifikazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif skont il-liġijiet u r-regolamenti Maltin, jiġu kklassifikati prodotti li jkun fihom CBD u/jew THC (inkluż jekk jitqisux bħala mediċina, prodott kożmetiku, ikel/“novel food”, suppliment, prodott tal-vape jew prodott ieħor għall-konsumatur) u liema strumenti legali/linji gwida japplikaw għal kull kategorija?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi prodotti hekk imsejħa CBD huma prodotti li jkun fihom inqas minn 0.2% THC u għalhekk m’humiex meqjusa bħala droga narkotika skond deċiżjoni tal- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  B’rispett lejn tali deċiżjoni, il-liġi ta’ Malta ġiet emendata fl-2021 sabiex tirifletti tali deċiżjoni. Dawn il-prodotti ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija speċifika iżda huma suġġetti għal kwalunkwe liġijiet oħra li jkunu applikabbli.

CBD/Kannabis - Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema regoli japplikaw għal sinjali, posters u reklamar fuq faċċati relatati mas-CBD/Kannabis, u x’inhi l-proċedura ta’ infurzar meta dawn ma jkunux konformi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mil-lat ta’ liġi li tirregola l-ippjanar tal-iżvilupp, it-twaħħil ta’ sinjali jew reklamar fuq faċċata ta’ ħanut jirrikjedi permess ta’ żvilupp maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar. Meta tevalwa l-applikazzjoni, l-Awtoritità tal-Ippjanar tara li d-disinn ikun aċċettabbli. Iżda l-Awtorità tal-Ippjanar ma tidħolx fil-kontenut tas-sinjali jew reklamar.

CBD/Kannabis - Awtorità tal-Ippjanar - Deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jitqiesu postijiet sensittivi bħal skejjel, fid-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar ħwienet jew attività kummerċjali relatata mas-CBD/kannabis?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bejgħ ta’ CBD/kannabis huwa kklassifikat bħala Klassi 4B skont il-liġi SL 552.15 (L.N. 74/2014). Mill-aspett ta’ ippjanar, ma hemmx restrizzjonijiet speċifikati; iżda jiġu trattati bħala bejgħ ta’ prodotti oħra f’postijiet kif indikat fil-Pjanijiet Lokali.

Outlets tas-CBD/Kannabis - Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk outlets li jbiegħu prodotti relatati mas-CBD/kannabis jenħtiġux permess speċifiku tal-ippjanar jew “change of use”, u jekk iva, xi kriterji jintużaw biex tiġi evalwata applikazzjoni bħal din?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma llil-Onorevoli Interpellant li 'outlets' li jbiegħu prodotti relatati ma’ CBD/kannabis jaqgħu taħt il-Klassi 4B skont SL 552.15 (Avviż Legali 74/2014).

Prodotti tas-CBD - Trattamenti fiskali

Question

Jista’ l-Ministru jikkjarifika x’inhu t-trattament tal-VAT u ta’ kwalunkwe excise/levy duty applikabbli għal prodotti tas-CBD, u jekk hemmx differenza fit-trattament fiskali għal prodotti li jkun fihom THC li jkunu qed jiġu distribwiti legalment taħt qafas regolat? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella komparattiva fejn jispeċifika kwalunkwe excise/levy duty applikabbli fuq tabakk u prodotti tat-tabakk kif jikkumparaw ma’ kwalunkwe excise/levy duty applikabbli fuq prodotti li fihom CBD jew THC?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Prodotti tas-CBD/THC - Sekwestri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sekwestri, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew qerda ta’ prodotti deskritti bħala CBD/THC fl-aħħar sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2025, kien hemm: Sekwestri: 46 konsenji żgħar (parcels) mill-Unjoni Ewropeja u 19 konsenji żgħar minn barra l-Unjoni Ewropeja. Ħafna minn dawn is-sekwestri saru wara sinerġija u koperazzjoni effettiva mal-awtorità ARUC. Ritorn lejn l-oriġini: Xejn; Qerda: Prodotti li nżammu ġew mgħoddija lil-Pulizija għal-proċeduri neċessarji min-naħa tagħhom.

CBD/THC - Dokumentazzjoni meħtieġa għall-importazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema dokumentazzjoni jridu jipprovdu l-importaturi (inkluż ċertifikati ta’ analiżi/laboratorju) meta jdaħħlu prodotti tas-CBD/THC f’Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta jidaħħlu prodotti tas-CBD/THC f’Malta hemm bżonn dawn id-dokumenti: 1)     Dwar prodotti CBD Non-Medical: Dikjarazzjoni tad-Dwana, clearances tal-Port Medic, tal-ERA (CITES), u certifikati ta’ analizi dwar il-kontenut THC; 2)     Dwar prodotti Cannabis-Mediċinali: Dikjarazzjoni tad-Dwana, clearances tal-Port Medic, tal-Medicines Authority, tal-ERA (CITES), il-permess tal-esportazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini, ċertifikati ta’ analiżi.

Importazzjoni ta’ prodotti tas-CBD/THC - Screening, spezzjonijiet jew ittestjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ screening, spezzjoni jew ittestjar tagħmel id-Dwana fuq importazzjonijiet ta’ prodotti li jkollhom CBD/THC, u liema kriterji jintużaw biex prodott jiġi miżmum jew jinħeles?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpelant illi ċċekkjar isir fuq id-Dikjarazzjonijiet tad-Dwana, skond kif ikun il-każ; fuq klassifika (CN code), valur, oriġini u kull ċertifikat u dokument meħtieġ. Isiru spezzjonijiet kemm fiżiċi, bil-magna tal-X-Ray u anki permezz tal-klieb tad-Dwana. Meta jkun hemm bzonn ittestjar, dan isir mill-ARUC. Kriterji biex jiġi rilaxxat jew miżmum ix-xogħol: · Prodotti CBD Non-Medical – Biex ikunu legali, prodotti CBD ma jridux jaqbżu il-0.2% THC u jridu jkunu konformi wkoll mar-Regolamenti/kontrolli oħra li jirregulaw il-prodott partikulari, (għax dawn jistgħu ikunu CBD oil, tinctures, capsules, edibles u creams (kosmetiċi) li jgħaddu taħt klassifiċi differenti). Dawn jaqgħu taħt l-Awtorita kompetenti ARUC. · Cannabis-Medicinali – Dawn il-prodotti (bħal mediċini u ‘buds/dried flowers’) jridu jkunu awtorizzati mill-Medicines Authority (li hija l-Awtorità kompetenti ta’ dawn il-prodotti) u jiġu vverifikati minn entitajiet oħra kif meħtieġ. Prodotti li ma jkunux konformi ma’ dawn il-kontrolli, jew awtorizzazzjonijiet, jew mhux dikjarati, jinżammu.

CBD u/jew THC – Negozji - Liċenzji, reġistrazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet meħtieġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema liċenzji, reġistrazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet huma meħtieġa biex negozju jimporta, jagħmel “wholesale” jew ibigħ bl-imnut prodotti li jkun fihom CBD u/jew THC f’Malta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor, Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel - Protokolli

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe protokoll li bih skejjel jistgħu: i.    jirrappurtaw tħassib dwar outlets/reklamar fil-viċinanza; ii.   jirċievu risposta rapida mill-awtoritajiet kompetenti; u iii.  jiġi żgurat li l-aspett ta’ safeguarding tat-tfal jitqies?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

CBD/Kannabis - Żona protetti madwar skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex qafas ta’ “żona protetta madwar skejjel” li jirrestrinġi ċerti tipi ta’ bejgħ jew reklamar fil-viċinanza ta’ skejjel, inkluż fir-rigward ta’ outlets u reklamar relatati mas-CBD/kannabis? Jekk le, jista’ jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jiġi introdott qafas ta’ “school zones” li jinkludi restrizzjonijiet speċifiċi fuq reklamar u immaġinerija relatati mas-CBD/kannabis fil-viċinanza ta’ skejjel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti tas-CBD/THC - Azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru azzjonijiet ta’ infurzar relatati ma’ prodotti tas-CBD/THC fl-aħħar sena, u jaqsam din l-informazzjoni skont it-tip ta’ każ (spezzjonijiet, sekwestri, akkużi, proċeduri fil-Qorti)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34756.

CBD/Kannabis - Restrizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix (jew jekk qed tiġix ikkunsidrata) politika biex tiġi ristretta l-operat jew ir-reklamar ta’ outlets relatati mas-CBD/kannabis qrib skejjel u postijiet sensittivi, u jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Prodotti tas-CBD/THC - Miżuri ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar jeżistu għall-bejgħ online u għall-importazzjoni b’posta/courier ta’ prodotti b’CBD/THC, inklużi verifiki tal-età, kooperazzjoni mad-Dwana u proċeduri ta’ sekwestru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, fejn jirrigwarda l-Pulizija, il-miżuri ta’ infurzar huma regolati mill-provedimenti tal-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta u nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Artiklu 2 tal-istess kapitlu. Fl-infurzar l-Pulizija taħdem mill-qrib mad-Dwana u tikkopera bis-sħiħ mal-uffiċjali tagħha. Flimkien, jaċċertaw li kull prodott jew sustanza importata fis-suq lokali bi ksur tal-provedimenti tal-Kapitolu 101 tiġi traċċata, u kull każ jiġi nvestigat mill-Pulizija bl-istess mod kif isir f’investigazzjonijiet relatati mal-importazzjoni ta’ droga. Il-kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-Forzi tal-Ordni, twassal biex ta’ kull sena jinstabu diversi pakketti li jkun fihom sustanza illegali, kif ukoll prodotti ta’ CBD b’kontenut ta’ aktar minn 0.2% THC.  F’dawn il-każi l-Pulizija tinvestiga u meta l-persuna suspettata ta’ tali reat tinstab, titressaq il-qorti b'akkużi ta' mportazzjoni ta' droga fost oħrajn.

Prodotti tas-CBD/THC - Sekwestri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru sekwestri ta’ prodotti li ġew deskritti bħala CBD/THC fl-aħħar sena, u jindika l-kategoriji prinċipali (eż. oils, edibles, vapes, fjuri/inflorescenzi, kożmetiċi)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi s-sekwestri li saru mit-Taqsima ta’ kontra Droga tal-Pulizija ta’ prodotti li ġew deskritti bħala CBD/THC fl-aħħar, kien kif  jidher fit-tabella hawn taħt. Barra minn dan kien hemm sekwestru ieħor li għadhom qed isiru eżamijiet fuq is-sustanza misjuba u l-ammont għadu mhux disponibbli. Sena Każi ta’ sekwestri ta’ prodotti ta’ CBD/THC products. Użin f’kilogrammi/ammont 2025 37 cannabis grass 128 kilos 1 cannabis plant seizure 151 plants 2026 * 3 cannabis grass seizures 2.68 Kilos 1 Cannabis Plant seizure 40 plants *sa 01/03/2026

Prodotti tas-CBD/THC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Pulizija tiddetermina meta prodotti li jkollhom CBD/THC jitqiesu illeċiti taħt il-liġijiet dwar sustanzi kkontrollati u meta jitqiesu prodotti permessi?  Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx linji gwida operattivi f’dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob li interpellant jirreferi għal tal-Kapitolu 101, Artikolu 2 tal-Liġijiet ta’ Malta.