Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied Fulija — Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20297 dwar Wied Fulija, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ Wied Fulija hija l-inqas miżbla li kienet attiva mqabbla mal-Magħtab u Tal-Qortin, u din issa ilha li ngħalqet madwar 30 sena. Tant hu hekk, li kien stabbilit li lanqas sistema ta’ ġestjoni ta’ gass ma kien hemm bżonn. Is-sistema ta’ capping skont ir-rekwiżiti tad-direttiva tal-landfill, f’din il-miżbla li tilfet l-attività hi biżżejjed biex tiżgura l-inqas effett possibbli fuq l-ambjent. Madankollu minħabba li r-riabilitazzjoni hi riċenti ħafna u mases ta’ materjal ta’ dan it-tip ġieli jkollhom xi ċaqliq, is-saff ta’ fuq tal-capping isirulu interventi fejn u kif ikun hemm bżonn.

Il-Magħtab — Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20298 dwar il-Magħtab, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżbla tal-Magħtab kienet l-iktar waħda kumplikata minħabba l-kobor tagħha, l-ammont ta’ skart u l-kompożizzjoni tal-iskart li ntefa’ fiha. Minħabba f’hekk, din il-miżbla għandha sistema ta’ estrazzjoni u trattament ta’ gass. Din il-miżbla tinsab f’kumpless attiv, li jinkludi żewġ miżbliet oħrajn li għadhom jintużaw, u diversi impjanti. Minħabba dan hemm sistema ta’ moniteraġġ regolari. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar riżultati minn laboratorju indipendenti tal-gassijiet fl-arja madwar il-miżbla tal-Magħtab. Intenni li r-riżultati miksuba fil-Magħtab juru livelli taħt il-limiti stipulati. Il-miżbliet ta’ Qortin u Wied Fulija kienu ferm inqas attivi u ma neċessitawx l-istess intervent u moniteraġġ li jsir fuq il-Magħtab.

Għawdex — Tal-Qortin - Testijiet għall-gassijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20299 dwar Tal-Qortin, f’Għawdex, tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-livelli tal-gassijiet fl-aħħar testijiet li saru u tippubblika r-rapport ta' tali testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżbla tal-Qortin imqabbla mal-Magħtab u Wied fulija, għalkemm ferm inqs attiva minn dik tal-Magħtab, kellha attività iktar minn Wied Fulija għax ingħalqet ferm aktar tard. Għalhekk kienet ġiet installata sistema ta’ ġestjoni tal-gass, madankollu, illum, il-kwantità tal-gass fil-bjar hija baxxa ħafna u mhix biżżejjed biex tinħaraq. Fil-Qortin, il-WasteServ tara perjodikament il-livell tal-gass fil-bjar tal-miżbla biex tara hemmx biżżejjed biex jinħaraq bħala parti mill-operat. Is-sistema ta’ capping skont ir-rekwiżiti tad-direttiva tal-landfill, f’din il-miżbla li tilfet l-attività, hija biżżejjed biex tiżgura l-inqas effett possibbli fuq l-ambjent.

Park ta’ Wied Fulija – Testijiet għal gassijiet tossiċi u radjoattività

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx gassijiet tossiċi u preżenza ta' radjoattività fil-park ta' Wied Fulija? Tista' tgħid ukoll meta saru t-testijiet neċessarji u tqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-miżbla ta’ Wied Fulija ma baqgħetx tintuża mill-1996 u minn dakinhar ma ġie depożitat l-ebda skart ieħor. Matul l-eżerċizzju ta' rijabilitazzjoni fl-2019, il-potenzjal li kien fadal tal-gassijiet kien ġie vvalutat mill-ġdid fid-disinn, u kien ġie konkluż li fil-proċess ta’ riabilitazzjoni, il-gassijiet se jonqsu aktar. Barra minn hekk, tqies ukoll li l-livelli huma baxxi u sistema ta' capping hi biżżejjed. Wara dan, il-landfill ġiet capped skont id-direttiva tal-landfills biex tkompli tnaqqas kwalunkwe effett ambjentali. F’dak li għandu x’jaqsam mar-radjazzjoni, waqt ix-xogħlijiet is-sit ġie mmonitorjat ukoll mill-OHSA Radiation Protection li kkonfermat li s-sit ma esebixxa l-ebda livelli ta’ radjazzjoni li huma speċifiċi għal Wied Fulija.

Il-Magħtab – Testijiet għal gassijiet tossiċi u radjoattività

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx gassijiet tossiċi u preżenza ta' radjoattività fil-Magħtab? Tista' tgħid ukoll meta saru t-testijiet neċessarji u tqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Wasteserv jaghmel testijiet kull ġimgħa biex jiċċekkja l-livelli ta’ gassijiet tossiċi fil-Magħtab. Dawn s’issa dejjem irriżultaw taħt il-limiti li hemm stipulati f’S.L. 424.24 Regolamenti dwar is-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema minn riskji relatati ma’ Aġenti Kimiċi fuq il-post tax-Xogħol. Isiru wkoll testijiet minn laboratorju indipendenti kull tliet xhur. L-aħħar testijiet saru fis-26 ta’ Marzu 2024. Għal darb’oħra r-riżultati miksuba kienu taħt il-limiti li hemm stipulati fil-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà. Barra minn hekk, il-Wasteserv ma’ taċċettax skart perikoluż ġewwa l-Magħtab, li jista’ jwassal għal preżenza ta’ radjoattività.

Għawdex — Tal-Qortin - Testijiet għal gassijiet tossiċi u radjoattività

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx gassijiet tossiċi u preżenza ta' radjoattività f'Tal-Qortin, Għawdex? Tista' tgħid ukoll meta saru t-testijiet neċessarji u tqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-miżbla tal-Qortin ingħalqet għad-depożitu ta' skart fl-2004 u sar rapport sħiħ biex jitkejjel u jittaffa l-piż fuq l-ambjent. Peress li l-miżbla kienet ingħalqet dan l-aħħar, il-ġenerazzjoni tal-gass kienet għadha attiva, u minkejja li l-potenzjal tagħha kien baxx, kien ġie deċiż li tiġi installata sistema ta’ ġestjoni tal-gass. Il-potenzjal tal-gass huwa żgħir u jonqos maż-żmien. F'din il-landfill ma kienu nstabu ebda sinjali ta' radjazzjoni. Din il-landfill ġiet riabilitata wara li ngħalqet u ‘capped’ skont ir-rekwiżiti tad-direttiva tal-landfill biex jitnaqqas kull effett ambjentali.

Ħ’Attard — Triq Victor Vassallo - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18223 u 18567 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18005, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan li rrefera għalih u li fuqu ser isiru x-xogħlijiet fi Triq Victor Vassallo, Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Benefiċċju waqt l-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18122 u jgħid min hu intitolat li jirċievi "Benefiċċju waqt l-impjieg" mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa dan il-benefiċċju kull ġimgħa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Benefiċċju għal waqt l-Impjieg ġie introdott għall-ewwel darba fis-sena 2015, bħala parti mill-pakkett tal-‘Making Work Pay Policies’. Dan il-benefiċċju jitħallas lill-ġenituri li jkunu jaħdmu u jkollhom tfal taħt it-23 sena jgħixu magħhom. L-eliġibilità tiġi kkalkulata skont id-dħul mix-xogħol iddikjarat wara li jitnaqqsu il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Ir-rati ta’ ħlasijiet fil-ġimgħa huma diversi. Qed nipproduċi hawn taħt, kopja tat-tabella, li wieħed jista’ ukoll jaċċessa mis-sit elettroniku tad-Dipartiment; mysocialsecurity.gov.mt, bi skeda tar-rati mħallsa għal-2024. Koppja - Persuna Waħda biss f'impjieg (Rata fil-Ġimgħa) 06/01/2024 - 03/01/2025 €6600.00 - €10494.99 €15.01 €10495.00 - €12994.99 €14.05 €12995.00 - €13994.99 €12.61 €13995.00 - €14994.99 €9.72 €14995.00 - €15994.99 €8.09 €15995.00 - €17994.99 €6.84 €17995.00 - €18994.99 €6.36 €18995.00 - €20994.99 €5.78 €20995.00 - €25999.99 €5.21 €26000.00 - €35000.00 €4.82

Ħ’Attard — Triq Victor Vassallo - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18223 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18005, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan li rrefera għalih u li fuqu ser isiru x-xogħlijiet fi Triq Victor Vassallo, Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħ’Attard — Triq Santa Katarina - Tindif u manutenzjoni tas-Centre Strip

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18226, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li s-centre strip ta’ Triq Santa Katarina, Ħ'Attard, titnaddaf u s-siġar jinżabru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Każijiet ta’ individwi — Pensjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 17843, 17844, 17845, 17846, 17847, 17848, 17849 u 17850, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment infurmax lil kull persuna dwar il-każ tagħha u jekk iva, jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li ntbagħatet lil kull persuna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-individwi li d-dettalji tagħhom ingħataw b’mod separat qed jiġu kkuntattjati mid-Dipartiment biex ikunu infurmati dwar il-każ tagħhom.

Malta Racing Club — Tiġrijiet bejn sewwieqa taż-żwiemel - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk EquestriMalta jew xi entità governattiva, għaddewx fondi lill-Malta Racing Club biex jorganizzaw tiġrijiet bejn sewwieqa taż-żwiemel Russi u oħrajn Maltin? Jista’ jgħid ukoll jekk fiċ-ċirkostanzi internazzjonali jaħsibx li dan kien għaqli jsir?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-EquestriMalta tassisti t-tiġrijiet u l-isport taż-żwiemel kemm mill-aspett amministrattiv u kif ukoll mill-aspett finanzjarju, bl-għan li jtejjeb dan l-isport fl-intier tiegħu. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-parteċipanti Russi; 1) Ma saqux taħt il-bandiera Russa u l-Malta Racing Club ġiet mitluba li timxi mal-protokolli maħruġa mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Il-protokolli huma applikabbli biss għal kompetizzjonijiet uffiċjali. 2) Ma kienetx parteċipazzjoni ta' tim, iżda individwali. 3) Ma telgħet fl-ebda ħin il-bandiera tar-Repubblika tar-Russja għall-kuntrarju tal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra parteċipanti. 4) Is-sewwieqa ukoll ma libsux il-ġakketta nazzjonali ta' pajjiżhom.

VISA maħruġin lil sportivi Russi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu VISAs lil sportivi Russi minn kemm ilha li bdiet l-invażjoni Russa fl’Ukraina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li inħarġu seba' Visas lil sportivi Russi mill-24 ta' Frar, 2022 sal-lum. Tali Visas inħarġu skont il-kodiċi li jirregola l-ħruġ tal-Visas fiż-żona Schengen u kollha kienu akkumpanjati minn talbiet uffiċjali b'rabta ma' għaqdiet sportivi. Tnejn kienu b'rabta ma' sports akkwatiku u ħamsa ma' dak taż-żwiemel. Tali visas jinħarġu wara skrutinju xieraq mill-awtoritajiet kompetenti.