B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20676 u 20767, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kopja tar-rapport dwar in-nefqa għall-Mediterrane Film Festival tqiegħedx fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk le, meta hu mistenni li jkun lest u jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kif appena jkun lest.
Barranin reġistrati li jgħixu f’Malta – Sussidji fuq il-kera
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħareġ sussidji fuq il-kera lill-barranin li jgħixu f’Malta u meta ħareġ dan is-sussidju? Jista’ jgħid ukoll kemm kien u lil min ħareġ dan is-sussidju lill-barranin li huma reġistrati hawn Malta?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex individwu jikkwalifika għas-sussidju tal-kera, irid ikun ċittadin ta’ Malta jew tal-Unjoni Ewropea, jew igawdi minn stat ta’ refuġjat, jew jgawdi minn protezzjoni sussidjarja, jew jipposjedi stat ta’ residenza fit-tul, jew awtorizzazzjoni speċifika. Fil-preżent, l-Awtorità tad-Djar għandha 883 persuna barranija li huma eleġibbli sabiex jirċievu benefiċċju fuq il-kera. Il-benefiċċju tal-kera għal dawn il-persuni jlaħħaq għal €3,052,688 fis-sena. Dan il-benefiċċju jinħareġ kull xahar, fejn jiġi depożitat fil-kont bankarju tal-applikant.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex tiġi utilizzata d-dgħajsa tal-ibburdjar Viva Malta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għadda din id-dgħajsa kif ukoll approva fondi biex din tiġi utilizzata mill-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar. Infurmat li l-pjanijiet proposti huma li wara perjodu ta' taħriġ id-dgħajsa tal-ibburdjar Viva Malta tiġi użata waqt tlielaq offshore internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-avukati jew grupp ta’ avukati li ntgħażlu fl-aħħar call tal-Asset Recovery Bureau?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li data personali ta’ persuni li jokkupaw karigi inqas mill-iskali ta’ management ma jingħatawx sabiex jitħaddem il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data u l-interess pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), għandhiex informazzjoni dwar Karti tal-Identità li ħarġu illegalment wara l-2015 minn Identità? Jista’ jgħid ukoll x’passi se jittieħdu mill-FIAU dwar dan?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif jindika l-isem stess, il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja hu responsabbli għall-ġabra, il-kollazzjoni, l-ipproċessar, l-analisi u t-tixrid ta’ informazzjoni finanzjarja bil-għan li jipprevjeni, jinkixef u jiġi miġġieled il-ħasil ta’ flus u finanzjar ta’ terroriżmu.
Il-Korp m’għandux il-funzjoni jew il-poter li jinvestiga, jiġġieled jew jipprevjeni kwalunkwe attività kriminali, u l-funzjonijiet tiegħu huma dawk elenkati speċifikatament fl-artikolu 16 ta’ l-Att kontra Money Laundering. Għaldaqstant is-suġġett tal-mistoqsija ma jaqax taħt il-funzjonijiet u poteri tal-Korp.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rappurtati u konfermati każijiet ta’ COVID minn Jannar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dak kollu li ntefaq biex sar il-film/video li ntwera waqt il-Mediterrane Film Festival u li fih ħa sehem l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li l-latrina pubblika f’Baħar iċ-Ċagħaq terġa’ tinfetaħ peressli ilha magħluqa għal numru ta’ xhur jekk mhux snin?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li jaħdmu l-istess xogħol, jitħallsu l-istess paga?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Avviż Legali 128 tal-2024. Din il-liġi li ser tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar tal-2025 ser tiggarantixxi li ħaddiema tal-aġenziji tax-xogħol li jkunu ġew assenjati ma' entità privata u li jagħmlu xogħol kumparabbli ma’ ħaddiema li jkunu ingaġġjati mal-istess entità, jitħallsu paga bażika, jingħataw bonuses statutorji, u kundizzjonijiet tax-xogħol oħra daqs il-ħaddiema l-oħrajn skont l-Avviż Legali msemmi.
Santa Venera — Triq Patri Ġustin Sant – Lift fi Blokk
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-lift li jrid isir fi Blokk H fi Triq Patri Ġustin Sant, Santa Venera?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift eżistenti ġie żarmat. Il-kuntrattur li ser ikun qed jinstalla l-lift il-ġdid ġie magħżul. Huwa mistenni li jibda bix-xogħlijiet ta’ modifikazzjoni strutturali meħtieġa ladarba tinħareġ l-approvazzjoni mill-Building & Construction Authority (BCA).
Identità — Karti tal-Identità li nħarġu illegalment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx li Identità ħarġet Karti tal-Identità illegalment wara li ngħataw ċertifikati li kienu ffalsikati? Jista’ jgħid kemm-il Karta tal-Identità illegali nstabet u x'se jsir fuq hekk?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-tagħrif li għandi l-aġenzija Identità ma kellix każi marbuta ma’ ħruġ ta’ karti tal-identità b’mod illegali jew falsifikati kif qed jindika fid-domanda tiegħu.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jistaqsi dwar permessi ta’ residenza, li hija xi ħaġa totalment differenti, kif suppost jaf, ninfurmah li wara investigazzjoni nterna mit-Taqsima tal-Compliance u l-Expatriates Unit fi ħdan l-Aġenzija Identità, l-Aġenzija għaddiet l-informazzjoni, inkluż il-provi kollha misjuba minnha, lill-Pulizija ta’ Malta biex tkompli bl-investigazzjonijiet u tieħu kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi.
It-taqsima tal-Compliance twaqfet proprju bħala għodda oħra ta’ governanza interna fi ħdan l-awtorità hekk kif m’għandha tittolera l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet li b’xi mod jew ieħor jaffettwaw l-integrità tagħha u l-fiduċja tal-pubbliku fiha.
Jien nibqa’ ninsisti mal-awtorità li jinvestigaw kwalunkwe suspett li jista’ jinħoloq waqt l-eżerċizzji ta’ verifika mwettqa minnha, jew fuq rapporti li tirċievi, u f’każ li dawn jirriżultaw fondati tgħaddi l-informazzjoni kollha neċessarja lill-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għall-Isptar Karin Grech? Kemm hemm pazjenti bħalissa fl-Isptar Karin Grech? Jista’ jgħid ukoll meta u fejn se jibdew jitqiegħdu dawn il-pazjenti waqt ix-xogħlijiet fl-Isptar Karin Grech?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet u ppjanar tas-servizzi tas-saħħa fejn il-qofol hu kif ser inkomplu ntejbu s-servizzi sabiex il-pazjent ikollu kura ħolistika u dejjem aħjar bil-prinċipju li jiggwidana jibqa’ dejjem “il-pazjent l-ewwel”.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar formularju tal-mediċini sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll meta kien ġie emendat l-aħħar il-formularju tal-mediċini?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma li l-Onor. Interpellant li kopja tal-aħħar formularju tal-mediċini qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-aħħar li ġie aġġornat kien f’Lulju 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jitpoġġew il-ħaddiema barra mill-Isptar Mater Dei fejn huma l-uffiċċji fis-Swatar, jekk sarx xi ftehim dwar dawn l-uffiċini u kemm hemm ħaddiema b’kollox li se jkunu ċċaqalqu u minn liema dipartimenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema ser jitqassmu fi tlett sulari fl-ex HSBC Call Centre. Bħalissa hemm ftehim li qed jiġi negozjat. B’kollox hemm 180 ħaddiem li se jkunu qed jiċċaqalqu u dawn ġejjin mill-Amministrazzjoni li jinkludu Finanzi u Riżorsi Umani.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jintużaw fondi Ewropej biex isir it-tibdil li hu ppjanat fil-binja tal-Isptar Mater Dei?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li kull possibilità ta’ finanzjament tiġi esplorata s'issa t-tibdil ippjanat fil-binja tal-Isptar Mater Dei hu minn fondi nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha tagħti flus il-Kummissjoni Maltija tal-Films u lil min?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni, bħal kull entità/intrapriża oħra, ikollha ammonti ta’ pagamenti li għandha tagħmel. Dak kollu li hu dovut, jitħallas skont l-arranġamenti ta’ ħlas li l-Kummissjoni Maltija tal-Films tkun għamlet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm food couriers reġistrati ma’ Jobsplus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm huma barranin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat minn Jobsplus li statistika marbuta mal-impjiegi tinħareġ skont il-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO-08). Din il-Klassifika toħroġ mil-Kummissjoni Ewropea (2009/824/KE), li ghandha titli differenti minn ‘food couriers’.
Skont l-istatistika li tinġabar minn Jobsplus, hemm tliet titli fil-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi li wieħed jista’ ju¿a biex jindika xogħol ta’ ‘food couriers’ jew ‘couriers’. Madanakollu, fin-nuqqas ta’ klassifikazzjoni uffiċjali ta’ dan l-impjieg, id-dejta ppreżentata ma tfissirx neċessarjament li dawn il-ħaddiema kollha huma ‘food couriers’.
It-tliet impjiegi skont il-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi li ġew meqjusa għal din ir-risposta huma:
8321: Sewwieqa tal-mutur
8322: Sewwieqa tal-karozza, vann jew mutur
9621: Messaġġiera, dawk li jqassmu l-pakketti u dawk li jaħdmu fil-portinerija u jġorru l-bagalji.
Sa Jannar tal-2024 (l-aħħar ċifri ppublikati), kien hemm 3,617 -il ħaddiem f’wieħed minn dawn l-impjiegi. 569 huma Maltin, 221 ġejjin minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea, u 2,827 ġejjin minn pajjiżi terzi.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma u kemm hemm klabbs u assoċjazzjonijiet li huma reġistrati mal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) skont il-liġi, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li bħalissa n-numru ta’ għaqdiet sportivi reġistrati jinsabu hawn taħt;
Federazzjonijiet – 7
Assoċjazzjonijiet – 71
Klabbs – 272