Awtoritajiet statutorji u organizzazzjonijiet parastatali — ħaddiema
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont ta’ kemm persuni kien hemm impjegati ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali, għal dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — konsulenti
Question
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 292 u 963, jista' l-Ministru jgħid min huma t-tliet konsulenti tiegħu, x'tip ta' konsulenza qed jipprovdu u kemm qed jitħallsu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-konsulenti li għandu dritt jaħtar Ministru sabiex jgħinuh fil-ħidma tiegħu, skont ir-regoli stabbiliti fil-Manwal tal-Kabinett li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u l-ħlas huwa skont l-istess manwal.
Kunsilli lokali – ilmenti dwar ħmieġ jew problema ta’ skart
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment dwar ħmieġ jew problema ta’ skart ġew irreġistrati fil-Kunsilli Lokali kollha, u b’mod rispettiv għal kull lokalità, fl-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment ġie reġistrat fil-Kunsilli Lokali kollha, u b’mod rispettiv għal kull lokalità, fl-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru f’Tal-Pietà u Gwardamanġa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation tinsab fil-process li tibda x-xoghol fuq il-Promenade tal-Pieta jiġifieri l-promenade li jibda miż-żona ta' Sa Maison u twassal sal-ġnien tal-Pietà (ex torpedo depot area). Dan il-proġett huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar €2.5 miljun.
Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq id-Duluri, Triq it-Telgħa ta’ Gwardamanġa, Triq Marina, Triq l-Indipendenza u Triq Santa Monika. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €2,359,286.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru f’Santa Venera?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Santa Venera, Infrasturcture Malta għamlet xogħlijiet fi Triq Reġjonali, Triq il-Kanun, Triq Pietru Dacoutros, Triq il-Brunzar, Triq il-Parroċċa, Triq il-Blata l-Kaħla, Triq Brighella, Triq San Ġorġ, Triq il-Kardinal Sciberras, Triq Abela, triq ġdida fi Triq il-Kanun, Triq Misraħ il-Barrieri u rrestawrat il-mini ta’ Santa Venera. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €6,136,574.
Santa Venera — Triq il-Kanun – Fire Engine Station
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-Fire Engine Station fi Triq il-Kanun, Santa Venera? Jista’ jgħid kemm-il metru kwadru ta’ art se tieħu u meta se tkun lesta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li x-xogħol fuq l-istazzjon tat-tifi tan-nar ġewwa Santa Venera nbeda wara li kien intgħażel il-kuntrattur permezz ta’ sejħa pubblika għat-tħaffir. Il-kuntrattur waqaf jaħdem wara ftit ġimgħat, bil-konsegwenza li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu jittermina l-kuntratt. Dan ġie kkontestat mill-kuntrattur u l-proġett huwa wieqaf sakemm il-kwestjoni tkun riżolta. Sadanittant id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kompla jaħdem biex jitkabbar il-proġett li ser jieħu 4,500 metru kwadru, biex l-istazzjon tat-tifi tan-nar ta Santa Venera jkun ikbar u jservi wkoll ta’ Kwartieri Ġenerali kif ukoll ta’ kamra tal-kontroll tal-Protezzjoni Ċivili.
Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni – talbiet għall-proċeduri ta’ IVF
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni, kemm għall-proċeduri ta’ IVF li jsiru fil-privat u anke dawk provduti mis-settur pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat--Tnejn 20 ta’ Ġunju, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun kellha biss żewg (2) talbiet pendenti għal IVFs/ICSi li ser isiru fis-settur Pubbliku. Ma kien hemm l-ebda talba pendenti għas-Settur privat.
Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni – laqgħat u każijiet evalwati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il każ ġie evalwat u kkonsidrat f’kull laqgħa li saret quddiem l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni għal din l-aħħar sena, billi jipprovdi d-dati tal-laqgħat u t-total ta’ każijiet evalwati f’kull laqgħa rispettivament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2022 sa l-10 ta Ġunju saru 8 sessjonijiet ta' evalwazzjoni u approvazzjonijiet ta' proċeduri tal-IVF/ICSI ġodda li fihom ġew approvati 141 proċedura ta IVF kif deskritt fit-tabella hawn mehmuża:
Date of EPA board meeting
Procedure
MDH
Private Clinics
02/02/2022
ICSI/IVF
28
NIL
25/02/2022
ICSI/IVF
19
NIL
21/03/2022
ICSI/IVF
30
NIL
29/04/2022
ICSI/IVF
26
6
06/05/2022
ICSI/IVF
2
3
ONLINE
13/05/2022
ICSI/IVF
3
2
ONLINE
27/05/2022
ICSI/IVF
8
6
03/06/2022
ICSI/IVF
3
5
ONLINE
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 290 u 961 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-14 ta’ Mejju, dan il-Ministeru ħtieġlu jqabbad konsulenzi kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 306, tista’ l-Ministru tagħti spjegazzjoni u break down tan-nefqa stmata bħala €35 miljun u jekk hemmx il-fondi diġà allokati għal dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif semmejt fil-Mistoqsija Parlamentari 306, din hija stima tal-proġett. Stima aktar dettajlata tal-ispejjeż tkun iddeterminata ladarba jitwettqu aktar studji, ikun iffinalizzat disinn dettaljat u ladarba jitnieda l-proċess tal-procurement.
Tista’ l-Ministru tgħid min qed jieħu ħsieb l-upkeep u s-soft areas tar-roundabout f’Santa Venera li tagħti lejn Triq il-Kapillan Mifsud, lejn Triq il-Ferrovija, u/jew lejn Triq Reġjonali, u liema entità hi inkarigata tagħmel dan u sa meta hu l-kuntratt attwali? Meta jiskadi l-kuntratt preżentement fis-seħħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-sit inkwistjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru fil-Belt Valletta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta twaqqfet fis-sajf tal-2018 sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna hekk kif fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet ukoll f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex.
Minbarra proġetti kbar bħal Marsa Junction Project, il-Mini ta’ Santa Luċija, Central Link Project, il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq arterjali u investiment ta’ miljuni kbar f’infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet mijiet ta’ toroq residenzjali u rurali.
Fil-Belt Valletta l-aġenzija għamlet xogħlijiet fi Triq l-Ifran, Triq il-Kavallier, Triq Żekka, Triq San Duminku, Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Xatt ta’ Lascaris, Triq San Kristofru, Triq il-Merkanti, Triq it-Tramuntana, bniet il-Fast Ferry Terminal għas-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex, għamlet l-ewwel fażi tal-proġett f’Marsamxett biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-passiġġieri li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport bil-lanċa, irranġat l-iskall f’Xatt il-Barriera li jintuża mid-dilettanti tar-Regatta u rrestawrat il-breakwater tal-Port il-Kbir taħt Forti Sant’Iermu. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €3,525,782.
Fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa, Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru fil-Floriana?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Floriana l-Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kurċifiss, Triq Emvin Cremona, Triq l-Indipendenza, fit-Telgħa ta’ Sa Maison, ħdejn il-Librerija Pubblika, Triq Vincenzo Dimech, Triq il-Kapuċċini, Triq San Franġisk, Triq San Tumas, Triq il-Miratur, Triq Pietro Floriani, Xatt it-Tiben, Triq San Publiju, Pjazza San Publiju, Triq Sarria, fuq il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb kif ukoll fil-faċilitajiet tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €5,290,335.
Fil-Floriana, il Grand Harbour Regeration Corportion wettqet diversi proġetti fosthom fi Ġnien tal-Mall, fi Triq l-Assedju, Vjal Nelson, Vjal Re Dwardu, Pjazza Tritoni u Ġnien il-Biskuttin. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €13,125,661.00
Fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa, Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru fil-Ħamrun?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ħamrun, Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq Abela Scolaro, Triq Dun Nerik Cordina Perez, Triq Villambrosa, Marsa-Hamrun Bypass, Pont għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda, Triq Karmenu Abela, Triq Ċensu Bugeja, Triq Atocia, Triq il-Vitorja, Triq Maitland, Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq il-Kappillan Mifsud. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €14,392,903.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti kapitali flimkien mal-ispiża totali għal dawn l-aħħar ħames snin li saru fil-Marsa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Marsa, Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kungress Marjan, Triq Dom Mintoff, Triq Diċembru 13, Triq Aldo Moro, Triq il-Ħaddiema, triq li twassal għall-fabbriki fil-qasam industrijali, Triq il-Marsa, Triq Nicolo Isouard, Triq Moll il-Braken, Il-Moll tal-Pont, Il-Moll tal-Ħatab, Triq il-Ġerrejja, Triq is-Serkin, Belt il-Ħażna, Triq Ġuże Flores, Triq il-Pitkali, Triq il-Biċċerija, Xatt iċ-Ċangaturi u bniet pont pedonali fi Triq it-Tiġrija. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal €11,124,926.
Fil-Marsa l-aġenzija wettqet ukoll l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar fit-toroq ta’ pajjiżna, ċjoè l-Marsa Junction Project b’investiment ta’ €70 miljun biex tnaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa, Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 274 u 773 u jgħid kemm ġew impjegati persuni maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali mill-ġurnata li ġie xolt il-Parlament tat-13-il Leġiżlatura, u ċjoè mill-20 ta’ Frar tas-sena 2022, sal-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali, u ċjoè sas-26 ta’ Marzu 2022?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ċivil u awtoritajiet statutorji – impjegati li għandhom impjieg ieħor
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 785 u ċjoe: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 273 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid sal-14 ta’ Mejju 2022, kemm hemm persuni impjegati maċ-Ċivil u ma’ awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali li għandhom impjieg ieħor abbażi full-time u/jew part-time, b’mod rispettiv?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, it-tabella hawn taħt turi n-numru ta’ persuni li jaħdmu maċ-Ċivil, awtoritajiet statutorji u entitajiet parastatali fuq bażi ta’ full-time u part-time u turi kemm kien hemm l-impjegati li kellhom impjieg ieħor full-time jew part-time fl-aħħar ta’ April 2022:
Impjieg ieħor
Impjegati maċ-Ċivil, awtoritajiet statutorji u entitajiet parastataliFull -TimePart-time
FULL- TIME160*11,481
PART- TIME10607
*L-entità rispettiva ma tkunx irreġistrat il-formola għat-tmiem tal-impjieg mal-JobsPlus.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Segretarji Permanenti impjegati fil-preżent u ċjoè fis-6 ta’ Ġunju, 2022 u kemm minn dawn ġew ingaġġati wara sejħa fis-servizz pubbliku? Dawk li ma ġewx maħtura wara sejħa, kif ġew ingaġġati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 19-il Segretarju Permamenti u dawn jiġu maħtura skont il-provedimenti tal- Kostituzzjoni ta’Malta.
Santa Venera/Ħamrun — Triq il-Kbira San Ġużepp - asfaltar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex il-ħsieb li taqla’ u tasfalta Triq il-Kbira San Ġużepp, kemm il-parti ta’ Santa Venera kif ukoll il-parti tal-Ħamrun? Jista’ l-Ministru jgħid liema biċċa se ssir u meta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja.
Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq il-Batterija u Triq Adelaide Cini fil-lokalità ta’ Santa Venera, kif ukoll Triq Maitland u Triq Qormi fil-lokalità tal-Ħamrun. It-triq indikata, Triq il-Kbira San Ġuzepp, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.