Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq residenzjali – aċċess għall-persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena għandu l-għan illi t-toroq residenzjali ta' Malta u Għawdex kollha jkunu jistgħu jiġu meqjusa bħala aċċessibbli għall-persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku.

San Ġiljan – Triq Charles Sciberras — asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar fi Triq Charles Sciberras, f'San Ġiljan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak ta’ San Ġiljan, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li qed tiġi diskussa u maqbula magħhom.

Applikazzjoni mill-Gvernijiet Lokali mal-Ministeru għal skemi ta' parkeġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jistgħu l-Gvernijiet Lokali japplikaw mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali biex jiskattaw l-iskema fejn ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn parkeġġi ta' binjiet tal-Gvern, meta dak l-istess parkeġġ ma jkunx qiegħed jintuża f'ħinijiet partikolari?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħamrun u Santa Venera — renders għall-proġett fi Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-renders għall-proġett li qed isir preżentement fi Triq il-Kbira San Ġużepp, kemm fil-Ħamrun kif ukoll Santa Venera?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhuwiex prassi li jsiru renders għal proġetti ta' road rebuilding.

Servizz Ċivili — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5098 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3778, jista' l-Prim Ministru jaqsam l-imsemmija ammonti f’numri reali rispettivi għall-impjegati fis-settur pubbliku u dak privat u jgħid kemm minnhom, f'termini reali, huma ħaddiema ta' nazzjonalita Maltija u kemm le?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fis-servizz pubbliku hemm 784 impjegat li ma humiex ta' nazzjonalità Maltija.

Renumbering tad-Djar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqija parlamentari 5102, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jitkompla r-renumbering tad-djar kollha f'Santa Venera li beda fl-2001? Jista' jgħid minn dak iż-żmien 'l hawn liema toroq tlestew, liema toroq baqa' jsiru u x'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien kollu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li mill-1988 sal-lum ġew innumerati 54 triq minn 83 triq li jiffurmaw parti minn Santa Venera. 6 toroq oħra (Triq Adelaide Cini, Triq il-Batterija, Triq Brighella, Triq il-Kardinal Sciberras, Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq San Ġorġ) ġew innumerati meta kienu għadhom jiffurmaw parti minn lokalitajiet oħra (Il-Ħamrun u Ħal Qormi) qabel ma ġew deċiżi l-konfini tal-lokalitajiet fl-1993. Ma’ dawn possibilment iridu jiżdiedu toroq oħra fostom Triq il-Lunzjata u Triq Ġużè Pace. Hemm 7 toroq li huma ffurmati minn binjiet tal-Gvern (Triq Dun Xand Cortis, Triq l-Għolja, Triq il-Palazz l-Aħmar, Triq Patri Franġisk Grech, Triq Patri Ġustin Sant, Triq Patri Ġwann Azzopardi u Triq Pietru Dacoutros) li qatt ma ġew innumerati minħabba l-fatt li l-linji gwida preċedenti ma kinux jippermetu li binjiet tal-Gvern jingħataw numru uffiċjali u li huma distinti minn binjiet oħra. Hemm ammont ieħor ta’ toroq li ġew innumerati fil-passat iżda l-eżerċizzju qatt ma ġie ppubblikat uffiċjalment fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-kumplament tat-toroq, li huwa verament minimu, għad għandhom xi problemi biex jingħataw numru uffiċjali fil-preżent peress li għandhom parti kbira minnhom li huma siti bla bini fosthom Triq l-Istitut Bonnici, Triq Ħal Kaprat u Triq il-Madonna tal-Karmnu. Il-ħsieb li ma jingħatawx numru għalissa huwa biex ma jingħatawx inkonvenjent żejjed lir-residenti f’każ li fil-futur qarib dawn is-siti jinbnew. Toroq li possibilment jistgħu jiġu nnumerati huma Triq il-Franka (residenza waħda fir-Reġistru Elettorali), Triq il-Ħaddied (residenza waħda fir-Reġistru Elettorali), Triq il-Ħajjata (blokka waħda fir-Reġistru Elettorali) u Triq il-Markiż John Scicluna. L-Address Management Unit fi ħdan l-Uffiċċju Elettorali se tkun qed tieħu ħsieb tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex il-propjetajiet f’dawn l-erba’ toroq jingħataw numru uffiċjali. Kif jista’ jara l-Onor Interpellant ix-xogħol tat-tismija tat-toroq u numerar tal-bibien huwa xogħol kontinwu u l-Address Management Unit regolarment ikun qed isegwi dan il-proċess fid-diversi toroq fil-gżejjer Maltin minn żmien għal żmien.

Belt Valletta — skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5107, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għalfejn skont l-iskeda tal-ġbir tal-iskart passati, fil-Belt Valletta kien isir ġbir fil-ħinijiet tas-7 a.m., tas-1 p.m. jew tat-3 p.m., skont it-tip ta' ġbir, iżda skont l-iskeda l-ġdida li bdiet mit-2 ta' Jannar 2023, dan il-ġbir se jibda jsir kollu fis-2.30 p.m.? Ma' min saru konsultazzjonijiet għal tali tibdil u x'inhi r-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li l-iskeda dwar il-ġranet tal-ġbir tal-iskart hi waħda uniformi għal Malta u Għawdex, u dan skond il-Works Management Plan nazzjonali, il-ħinijiet tal-ġbir f’kull lokalita` saret wara diskussjonijiet bejn il-Kunsill Reġjonali u l-Kunsilli Lokali rispettivi fi ħdanu.

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5108 u jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ vetturi licenzjati fit-toroq Maltin huwa ta’ 425,000 li minnhom hemm 2,024 proprjetà ta’ Dipartimenti tal-Gvern ta' Malta.

Electrogas Malta Ltd. – Gas Supply Agreement

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li tittermina l-Gas Supply Agreement mal-Electrogas Malta Limited, kif inhu permissibbli li jsir skont il-ftehim viġenti, sa qabel April 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-politika ta’ dan il-Gvern hija l-politika ta’ stabbilità mhux politika li kellu Gvern Nazzjonalista li tesponi lill-familji u lin-negozji għall-piżijiet.

Staff klerikali tal-Gvernijiet lokali – Collective Agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb illi jerġa' jiftaħ sabiex jinnegozja l-collective agreement għall-istaff klerikali tal-Gvernijiet Lokali li skada fl-2016 u ma reġax ġie mġedded? Jista' jgħid jekk għandux ħsieb illi jgħolli l-pagi tal-istaff klerikali? Jista' jgħid jekk hux qed isir xi ħaġa dwar dan u jekk hemmx negozjati għaddejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi għal sentejn sħaħ kienu għaddejjin taħdidiet bejn il-management (l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali bl-assistenza tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-OPM) u il-UĦM (f’isem il-ħaddiema klerikali tal-kunsilli lokali). Dawn id-diskussjonijiet kienu waslu fi stadju avvanzat ħafna fejn kien għad jonqos qbil fuq il-pakkett finanzjarju. Infurmat illi l-aħħar laqgħa li saret bejn il-partijiet kienet fit-3 ta’ Settembru 2019, liema laqgħa ġiet aġġornata għat-23 ta’ Ottubru 2019. In oltre, infurmat li wara l-laqgħa ta’ Settembru 2019 ma saru l-ebda laqgħat oħra u meta l-management talab lill-UĦM biex id-diskussjonijiet jitkomplew, ma kien hemm l-ebda rispons. Ninsab infurmat ukoll li l-management għandu kull interess li jsir il-Ftehim Kollettiv il-ġdid għall-impjegati klerikali tal-kunsilli lokali sabiex dawn itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u wkoll sabiex il-kariga ta’ ħaddiem klerikali ma’ kunsill lokali tkun waħda attraenti. Intant ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li fil-frattemp, saru l-emendi leġiżlattivi kollha neċessarji illi jippermettu li dawn il-pożizzjonijiet ta’ natura klerikali jimtlew.

Marsaxlokk FC – Applikazzjoni nru PA 8310/21

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dwar l-applikazzjoni għall-proġett ta' Marsaxlokk, li ġġib in-numru PA 8310/21, il-klabb ta' Marsaxlokk FC ingħatax il-permess mill-Commercialisation Unit tal-Ministeru fl-affermattiv? Jista' jindika meta saret it-talba mill-klabb u meta nħareġ dan il-permess għall-commercialisation?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klabb imsemmi applika fit-30 t’Awwissu tas-sena 2021. Bħalissa għadu għaddej il-proċess ta’ valutazzjoni u analisi mill-entitajiet konċernati.

Skeda ġdida ta’ ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li l-iskeda tal-ġbir tal-iskart il-ġdida tibda tapplika wkoll għall-entitajiet kummerċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart muniċipali huwa responsabbiltà tar-Reġjuni. Ninsab infurmata li fejn jidħlu entitajiet kummerċjali jekk l-iskart li jiġġeneraw huwa simili għal dak iġġenerat mir-residenzi allura l-ġbir ta’ dan l-iskart jimxi ma l-iskeda nazzjonali. Jekk entitajiet kummerċjali jixtiequ ġbir addizzjonali dawn għandhom jagħmlu arranġamenti privati tagħhom. Ċerta stabbilimenti tal-ikel għandhom l-obbligu, li joħroġ mil-liċenzja tagħhom, sabiex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għal ġbir ta’ skart li huma jiġġeneraw u li ma jkunx ta’ natura muniċipali.

Magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu aktar postijiet fejn ikun hemm il-magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli tal-BCRS? U jekk iva, fejn u meta se jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-operatur tal-iskema, BCRS Malta Ltd, huwa operatur privat. Bħala Gvern qegħdin naraw li issues li jinqalgħu jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun, inkluż ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu magni addizzjonali. Ninsab infurmata li se jkunu installati magni f'Cospicua, Mosta, Ta’ Xbiex, Birkirkara (Ta’ Paris), Naxxar, Marsa, Valletta, Sta. Luċija, Xagħra, Senglea u l-Armier. L-installazzjoni ta’ dawn il-magni flimkien mal-permessi neċessarji mill-entitajiet ikkonċernati mistennija jitlestew fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Proġett tal-Ġnien Romeo Romano

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru fil-Ġnien Romeo Romano fil-proġett li sar fis-sena 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano se jkunu swew mat-tmien mija u sitta u sebgħin elf ewro. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, ir-restawr, pavimentar ġdid, servizzi, irrigazzjoni, dawl, siġar u arbuxelli, għamara tal-ġnien u strutturi oħra, u tagħmir tal-logħob. Tlestew ukoll xogħlijiet oħra relatati mal-provvista tal-elettriku, is-sistema tad-drenaġġ għat-tieni fażi u alterazzjonijiet fi struttura perikoluża. Dawn ix-xogħlijiet swew madwar tlieta u erbgħin elf ewro.

Belt Valletta — skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn skont l-iskeda tal-ġbir tal-iskart passati, fil-Belt Valletta kien isir ġbir fil-ħinijiet tas-7 a.m., tas-1 p.m. jew tat-3 p.m., skont it-tip ta' ġbir, iżda skont l-iskeda l-ġdida li bdiet mit-2 ta' Jannar 2023, dan il-ġbir se jibda jsir kollu fis-2.30 p.m.? Ma' min saru konsultazzjonijiet għal tali tibdil u x'inhi r-raġuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Servizz Ċivili — ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3778, jista' l-Prim Ministru jaqsam l-imsemmija ammonti f’numri reali rispettivi għall-impjegati fis-settur pubbliku li huma ħaddiema ma' dipartimenti u/jew Ministeri u jgħid kemm minnhom huma impjegati ma' awtoritajiet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat kif ġej: Sena Awtoritajiet etc Dipartimenti Total 2017 12,711 33,943 46,654 2018 13,369 34,318 47,687 2019 14,114 34,659 48,773 2020 15,561 35,222 50,783 2021 15,965 35,521 51,486 2022 16,161 34,971 51,132

Servizz Ċivili — ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3778, jista' l-Prim Ministru jaqsam l-imsemmija ammonti f’numri reali rispettivi għall-impjegati fis-settur pubbliku u dak privat u jgħid kemm minnhom, f'termini reali, huma ħaddiema ta' nazzjonalita Maltija u kemm le?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

VisitMalta — ftehim ma’ Manchester United FC

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4149, jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-ismijiet ta' dawk li ħadu dawn il-biljetti tal-Manchester United, flimkien mas-sezzjoni li fiha ġew ikkategorizzati bħala eleġibbli kif intqal fl-istess risposta, u ċjoè jekk humiex: ġurnalisti, influencers, prize-winners, aġenti tal-ivjaġġar, operaturi turistiċi u organizzaturi ta’ konferenzi barranin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul dawn l-aħħar tliet snin tal-ftehim, il-biljetti ntużaw minn rappreżentanti ta’ operaturi turistiċi barranin, prinċipalment mir-Renju Unit. Minbarra hekk, għadd ta’ biljetti ntużaw ukoll f’inizjattivi ma’ stazzjonijiet tar-radju Ingliżi sabiex jittellgħu bħala premju għall-kompetizzjonijiet marbuta mal-gżejjer Maltin. L-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata. Madanakollu, l-Onor. Interpellant, jekk iħoss il-ħtieġa, jingħata l-opportunità li jara hu personalment l-informazzjoni mitluba.