Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera – Spazji għal parkeġġi riservati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spazju ta' parkeġġ riservat għal persuni b'diżabilità kien hemm f’Santa Venera fis-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 sal-ġurnata li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b'sena u triq triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ħamrun – Spazji għal parkeġġi riservati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spazju ta' parkeġġ riservat għal persuni b'diżabilità kien hemm fil-Ħamrun fis-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b'sena u triq triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex — Traffikar ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' traffikar ta' persuni intervjeniet fihom l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li f’dan il-perjodu kien hemm żewġ każi ta’ traffikar ta’ persuni fis-sena 2022, fejn ġew imressqa l-Qorti 6 persuni, li ġew segwiti u proċessati mill-Korp tal-Pulizija u mhux l-intervent ta' Frontex.

Faċilità tal-Ħażna taż-Żejt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15008 u 15858 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u allura jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14340 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi l-faċilità tal-ħażna taż-żejt issir offshore u ma tibqax fil-Forti Ricasoli fil-Kalkara?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Kalkara — Forti Ricasoli - ħażna taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15009 u 15859 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u allura jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14339 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jgħid x'passi qed tieħu biex il-faċilità tal-ħażna taż-żejt ma tibqax fil-Forti Ricasoli fil-Kalkara?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Leġiżlazzjoni sussidjarja 549.37 — persuni akkużati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15860 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15010, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar mal-Pulizija b'rabta ma' ksur tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.37 - Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġjar ta' Ħsejjes fl-Ambjent? Jekk kien il-każ, jista’ l-Ministru jipprovdi d-dati flimkien mal-akkużi u l-lok ta' fejn seħħ il-każ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Fotografi jew vidjografi - direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14352, 15002 u 15604 u jipprovdi lista ta' kemm-il direct order għall-fotografi jew vidjografi inkarigati mill-Ministeru li ngħataw f'din l-aħħar sena u dan billi jipprovdi l-isem tal-kuntrattur, id-dati tal-inkarigu, l-attivitajiet li saru u kif ukoll l-ammonti mħallsa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed ikun preżentat fiż-żewġ tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – salvataġġ fuq il-baħar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16307, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u ċjoè jaqsam l-ammont ta' 494 persuna li ġew salvati mill-baħar mill-Forzi Armati ta' Malta fis-sena 2023, u jaqsam din l-informazzjoni skont in-nazzjonalità tal-persuni msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi d-data miżmuma hija ta' dawk il-persuni li jkunu waslu f'pajjiżna b'mod irregolari. Infurmat li n-nazzjonalità tagħhom hekk kif magħrufa kienet hekk: Bangladesh, Syrian Arab Republic, Guinea, Egypt, Pakistan, Sudan, Burkina Faso, Cameroon, Eritrea, Guinea-Bissau, Ethiopia, Palestine, Ghana, South Sudan, Congo DC u Gambia.

Forzi Armati ta' Malta — Suldati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il suldat għandha l-Forzi Armati ta' Malta li huwa mħarreġ biex jagħti s-servizz tiegħu f'operazzjonijiet ta' search and rescue fuq il-baħar u dana billi jipprovi l-grad u l-livell ta' esperjenza tas-suldati msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-AFM għandha mitejn erbgħa u disgħin (294) suldat imħarreġ sabiex jagħti s-servizz tiegħu f'operazzjonijiet ta' search and rescue fuq il-baħar. Il-gradi tas-suldati huma kif jidher hawn taħt. Il-livell ta’ esperjenza jvarja skont dawn il-gradi. Rank/Grade No. of Soldiers Lieutenant Colonel 3 Major 5 Captain 23 Lieutenant 6 Second Lieutenant 1 Warrant Officer Class I 4 Warrant Officer Class II 11 Staff Sergeant 24 Sergeant 37 Bombardier 59 Lance Bombardier 38 Gunner 83 Total 294

Pajjiżi li mhumiex Stati Membri — Ħidma li qed issir mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni għandu l-Gvern dwar il-ħidma li qed issir mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex mal-pajjiżi li mhumiex Stati Membri fil-Mediterran rigward l-immigrazzjoni irregolari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-Ministru ma jistax jirrispondi għall-Aġenzija Frontex.

Pajjiżi li mhumiex Stati Membri — Ħidma li qed issir mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni għandu l-Gvern dwar il-ħidma li qed issir mill-Gvern Malti mal-pajjiżi fil-Mediterran li mhumiex Stati Membri rigward l-immigrazzjoni irregolari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern ma kienx kuntent bl-status quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Ma setax ikun hemm strateġija effetti dwar l-immigrazzjoni rregolari mingħajr koperazzjoni mal-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Hawnhekk wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn pajjiżi ta’ transitu, bħal-Libja, u pajjiżi tal-oriġinu. F’Mejju 2020 ġie ffirmat ftehim mal-awtoritajiet Libjani dwar koperazzjoni fuq l-immigrazzjoni rregolari. Il-Libja huwa l-pajjiż ta’ transitu prinċipali tal-immigranti li jaslu Malta u l-ftehim wassal sabiex pajjiżna rnexxielu jnaqqas il-wasliet irregolari drastikament. F’dan il-perjodu wkoll l-awtoritajiet Maltin ħadmu fuq numru ta’ inizjattivi sabiex il-kontropartijiet tagħhom ikollhom il-ħiliet u l-kapaċitajiet sabiex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u jnaqqsu l-imwiet fuq il-baħar. Il-Gvern Malti impenja ruħu wkoll f’diversi inizjattivi ma’ pajjiżi oħra bħat-Tuneżija, l-Eġittu u l-Marokk, mhux biss dwar l-immigrazzjoni rregolari iżda f’fierxa usa’ ta’ suġġetti. Pajjiżna qed jagħti opportunitajiet ta’ taħriġ, edukazzjoni u xogħol lil nies minn dawn il-pajjiżi ġirien. Din il-koperazzjoni wasslet għal (i) aktar koperazzjoni fuq ir-ritorn ta’ immigranti rregolari minn dawn il-pajjiżi, u (ii) tnaqqis sinifikanti ta’ wasliet illegali minn ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi. Din il-ħidma tikkumplimenta xogħol ieħor fuq livell Ewropew fejn Malta dejjem tinsisti għal ħidma aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jipprovdi d-dati ta’ liema laqgħat attenda għalihom li kienu organizzati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex f'dawn l-aħħar tliet snin, u jipprovdi x'kienu d-dati tal-laqgħat, fejn u ma' min saru, u x'kien l-eżitu tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Aġenzija Frontex tkun parteċipi fid-diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern,fejn bħala Ministru responsabbli nkun mistieden għalihom. Ukoll, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex kien mistieden u preżenti f’Malta għal laqgħa tal-Med 5 li saret fl- 4 ta’ Marzu tas-sena 2023.

Forzi Armati ta' Malta – Taħriġ organizzat mill-Frontex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet snin il-Frontex organizzatx xi taħriġ għall-Forzi Armati ta' Malta, u jekk ikun il-każ jipprovdi d-dati, kemm-il suldat ipparteċipa, u x'kien it-taħriġ li sar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt. Description of Training No. of Participants Dates FRONTEX Training Border Surveillance Officer Maritime Operations, Estonia 2 Sept. 2022 FRONTEX European Coast Guard Functions Officer, Italy 1 Nov. 2022 FRONTEX Pre-Deployment Induction Training 22 Feb. 2023 8 Apr. 2023 6 Jan. 2024

Każijiet ta’ traffikar ta' persuni rrappurtati Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' traffikar ta' persuni ġie rrappurtat f’Malta? Jista’ wkoll jipprovdi informazzjoni dwar x'passi ttieħdu f'dawn l-aħħar tliet snin, u jipprovdi d-dati rispettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar tlett snin kien hemm żewġ każi ta’ traffikar ta' persuni rrappurtati f’Malta fejn ittieħdet azzjoni dwarhom mill-pulizija. F’Mejju 2022 tlett persuni tressqu l-Qorti in konnessjoni ma’ l-ewwel każ, filwaqt illi r-raba’ persuna nvoluta fl-istess każ tressqet fil-bidu ta’ Ġunju 2022. F’Ġunju 2022 żewġ persuni tressqu l-Qorti rigward it-tieni każ. Il-proċeduri fiż-żewġ każi għadhom sub judice.

Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati – Proċess tal-għażla

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tal-proċess li fih intgħażlet il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati kif imħabbar nhar it-13 ta' Jannar 2024, filwaqt li jipprovdi informazzjoni dwar l-edukazzjoni, il-kwalifiki u l-motivazzjoni wara n-nomina tal-Ministru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal stqarrija maħruġa permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni bir-referenza PR230050 nhar it-13 ta' Jannar 2023, u mhux 2024 kif intqal fil-mistoqsija, li tipprovdi dak mitlub u qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati — Xogħol u r-responsabilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tax-xogħol u r-responsabilitajiet li għandha l-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Att dwar l-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati, Kap. 559 tal-Liġijiet ta' Malta, b'mod speċjali l-artikolu 9.

Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati — Baġit allokat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha baġit allokat għal din is-sena finanzjarja, il-Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-baġit preżentat mill-Ministru għall-Finanzi u li dwaru dan il-Parlament alloka diversi seduti.

Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati — Investiment u nfiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment u nfiq sar fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati mit-13 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-msitoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ġewwa l-Akkademja għal Forzi dixxiplinati matul l-aħħar snin ingħata taħriġ varju li jinkludi: Il kors għal tħejjija sabiex issir kuntistabbli tal-Pulizija li huwa kors akkreditat mill-Malta Further and Higher Education Authority, korsijiet għal surġenti ġodda u għal spetturi ġodda, korsijiet għal Pulizija ta’ riserva u korsijiet għal dawk il-membri tal-korp li jkunu nteressati jingħaqdu mall-Pulizija tal-Komunità. Matul is-sena 2023 ingħata taħriġ intensiv sabiex iħejji lil Pulizija għal avveniment tal-Europride li sar ġewwa pajjiżna. Jingħata wkoll taħriġ fuq mentoring u ġie organizzat kors speċjaliżżat għal sewwieqa ta’ Muturi (blue light driving) lil diversi entitajiet li nkludew il- Pulizija, uffiċċjali tal-komunità tal-LESA, membri tal-Awtorita għat-Trasport u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Barra minn hekk jingħata taħriġ kontinwu ‘in service’ lil membri tal-Korp li jinkludi kemm aspett akkademiku u dak prattiku. Ingħata ukoll taħriġ lil membri tal-Armata bi tħejjija għal promozzjonijiet u lill-membri tal-Protezzjoni Civili. Perjodikament jingħataw ukoll korsijiet fil-Border Management. Dawn jattenduhom membri tal Korp, uffiċċjali tad-Dwana u uffiċċjali tal-Immigrazzjoni pajżana. L-akkademja tmur ukoll lil hinn mit-taħriġ għal Forzi Dixxiplinati. Jsiru numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet oħra li juru nteress li jibbenifikaw min taħriġ speċjaliżżat offrut mil-Akkademja. Għaldaqstant jingħata wkoll il-basic training course lil dawk li jkunu jixtiequ jsiru uffiċċjali tal-komunità (LESA), jsiru wkoll korsijiet għal promozzjonijiet fi ħdan din l-entita’ u korsijiet oħra skond il-bżonn. Ingħata wkoll kors ta’ taħriġ fuq immaniġġjar tat-traffiku lil membri tal-Water Services Corporation matul is-sena 2023. Matul is-sena 2023, l-Akkademja intuzat mil-Europol bħala bażi ta’ taħriġ li ngħata ġewwa pajjiżna. Minn barra korsijiet ta’ reklutaġġ, fil-ġimgħat li ġejjin l-Akkademja se tkun qed tagħti kors fuq ‘Fundamental Human Rights’ lil membri tal-Armata u taħriġ ieħor lil uffiċċjali tal- Aġenzija Identità. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda wkoll kors għal Spetturi ġodda fil-Korp tal-Pulizija. Fl-aħħar snin kompla għaddej xogħol infrastrutturali fejn żdiedu l-kmamar tat-taħriġ, inbniet guardroom u saru alterazzjonijiet fuq bini eżistenti. Ukoll, tħejjew il-pedamenti sabiex tinbena blokka ġdida li se tinkludi aktar klassijiet, librerija, gym u canteen. Inxtara apparat għal taħriġ fiżiku kif ukoll apparat ieħor li jgħin fit-taħriġ prattiku. Fix-xhur li għaddew tnehdiet ukoll uniformi ġdida għall-istaff tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati.

Forzi Armati ta' Malta – Ħidma konġunta mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema istanzi, f'dawn l-aħħar tliet snin, il-Forzi Armati ta' Malta assistew jew ingħaqdu ma' ħidma li saret b'mod konġunta mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex, u dan billi jipprovdi d-dati, informazzjoni dwar il-ħidma u kemm-il membru tal-Forzi Armati serva?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli t’hawn taħt. Frontex Operational Year 2021 Joint Operation Terra 19/05/2021 08/09/2021 16 Border Surveillance Joint Operation Poseidon Sea 24/03/2021 21/05/2021 32 Border Surveillance Support for Logistics 11/08/2021 26/01/2022 3 Logistical Support FSC Aerial Surveillance 27/01/2021 26/01/2022 17 Communication Support Frontex Operational Year 2022 Joint Operation Terra 18/05/2022 02/11/2022 24 Border Surveillance Joint Operation Poseidon Sea 05/10/2022 30/11/2022 32 Border Surveillance 05/10/2022 30/11/2022 2 Border Surveillance Support for Logistics 13/07/2022 09/09/2022 1 Logistical Support FSC Aerial Surveillance 26/01/2022 25/01/2023 20 Communication Support Frontex Operational Year 2023 Joint Operation Terra 22/03/2023 12/11/2023 24 Border Surveillance Joint Operation Poseidon Sea 22/03/2023 17/05/2023 32 Border Surveillance 22/03/2023 17/05/2023 2 Border Surveillance FSC Aerial Surveillance 26/01/2023 24/01/2024 22 Communication Support Frontex Operational Year 2024 Joint Operation Poseidon Sea 21/02/2023 17/04/2023 4 Border Surveillance FSC Aerial Surveillance 24/01/2024 22/03/2024 4 Communication Support

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex – Ħidma fil-Baħar Mediterran

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni għandu l-Gvern Malti dwar il-ħidma li qed issir mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex fil-Baħar Mediterran, u jagħti spjegazzjoni dwar ir-riżultati li nkisbu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-Ministru ma jistax jirrispondi għall-Aġenzija Frontex.