Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korpi dixxiplinarji — Proċeduri kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fi ħdan il-korpi dixxiplinarji ta' pajjiżna li għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta? Jista’ għal kull wieħed jgħid x'inhuma l-akkużi miġjuba kontrihom u x'inhi preżentement, jekk qed issir, il-kundizzjoni ta' ħlas mill-korp dixxiplinarju tagħhom (jekk hux on half pay, no pay, full pay, eċċ.), u jaqsam tali informazzjoni skont il-korp dixxiplinarju u kemm ilhom għaddejjin il-proċeduri ġudizzjarji għal kull persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-total (dawk kollha li nħarġu matul is-snin u għadhom mhux konklużi) huma 23 każ fil-Forzi Armati ta’ Malta, 2 każi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, każ wieħed fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u 70 każ fil-Korp tal-Pulizija.

Identità — Ċertifikat ta' koabitazzjoni - Rekwiżiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex persuna li tikseb ċertifikat ta' koabitazzjoni mill-aġenzija Identità, jinħarġilha permess ta' residenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li biex ċittadin minn pajjiż terz jinħariġlu permess ta’ residenza abbażi ta’ relazzjoni fit-tul u stabbli, li ma jkunx żwieġ jew unjoni ċivili, ma’ ċittadin Malti, irid jissottometti Formola O u magħha jissottometti ċerta dokumentazzjoni, li fost oħrajn tikkonferma tali relazzjoni.

Regolamenti / Policy dwar ir-Rijunifikazzjoni tal-Familji — Eliġibbiltà

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-distinzjoni fl-eliġibbiltà bejn 'Policy on members of third country nationals who do not qualify for family reunification by means of Family Reunification Regulations SL 217.06' u l-eliġibbiltà taħt SL 217.06, jiġifieri kif persuna titqies li hi kwalifikata jew le?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li d-Direttiva dwar ir-Rijunifikazzjoni tal-Familja tistabbilixxi r-regoli li taħthom ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jġibu lill-membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu qed jgħixu legalment, bl-għan ikun li tipproteġi l-unità tal-familja u tiffaċilità l-integrazzjoni. Id-Direttiva hija trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tas-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 217.06. Il-punti ewlenin tad-Direttiva, li jistabbilixxu l-kriterji ta’ eliġibbiltà, huma li Ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li għandhom permess ta’ residenza validu għal mill-inqas sena u li għandhom l-għażla legali ta’ residenza fit-tul jistgħu japplikaw għar-riunifikazzjoni tal-familja. Membri tal-familja eliġibbli għar-riunifikazzjoni tal-familja huma Il-konjuġi tal-isponsor; L-ulied minuri tal-koppja (jiġifieri tfal mhux miżżewġin taħt l-età legali tal-maġġoranza fil-pajjiż tal-UE kkonċernat), jew ta’ wieħed mill-membri tal-koppja, fejn dan/din għandu kustodja u l-ulied huma dipendenti minnu/minnha, inkluż tfal adottati. Ukoll, il-poligamija mhix rikonoxxuta, u għalhekk konjuġi wieħed biss jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni. Barra minn hekk, it-tfal ta’ konjuġi li mhumiex eliġibbli huma esklużi mid-dritt għar-riunifikazzjoni. L-isponsor u l-konjuġi tiegħu/tagħha jrid ikollhom 21 sena jew aktar. Sponsor jitqies eliġibbli biex japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja permezz tar-Regolamenti, wara sentejn (2) mill-ħruġ tal-ewwel permess ta’ residenza eliġibbli. Ħlief f’każijiet speċjali, il-membru tal-familja li għandu jiġi riunifikat għandu jibqa’ barra mill-UE waqt il-proċedura. Il-kriterju ta’ referenza tad-dħul huwa l-paga medja grossa stabbilita mir-rapport Labour Force Survey maħruġ mill-NSO flimkien ma’ 20% addizzjonali tal-paga medja għal kull dipendenti. Filwaqt li hemm politika nazzjonali għal dawk il-persuni tcns li ma jilħqux il-kriterji tad-Direttiva tal-UE, u dan skont il-politika tal-pajjiż. Din il-politika ilha ghal diversi snin u ġiet aġġornata maż-żmien. Din il-politika hija pubblika. Il-permessi maħruġa taħt il-politika nazzjonali huma kkunsidrati temporanji u ta’ natura ex gratiae. Fostom tiprovdi li l-benchmark tad-dħul huwa l-paga medjana (dħul nett) stabbilita mir-rapport SILC maħruġ mill-NSO + 20% għal kull dipendenti. Dan filwaqt li d-definizzjonijiet li ġejjin jibqgħu kif stipulati fid-Direttiva tal-UE għal skopijiet ta’ din il-politika, peress li huma essenzjali għad-definizzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja: Min huwa kkunsidrat bħala membru tal-familja, L-età tad-dipendenti u tal-isponsor, Il-post fejn jinsab id-dipendenti meta ssir l-applikazzjoni (barra minn Malta), L-esklużjoni ta’ relazzjonijiet poligami Infurmat li min għandu dawn il-permessi mhuwiex intitolat għad-drittijiet mogħtija lil dawk li jilħqu l-kriterji kollha tar-Regolamenti tar-Riunifikazzjoni.

Reati kriminali li ma jġorrux piena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx kien hemm komunikazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar talba biex tiġi emendata l-liġi fid-dawl tal-fatt illi hemm reati kriminali illi ma jġorrux piena? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'kienet ir-risposta li rċieva l-Korp tal-Pulizija mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali dwar din it-talba? Jista' jipprovdi lista tar-reati bla piena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi r-risposta hija fin-negattiv.

Bordijiet — Ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħlas qegħdin jirċievu l-persuni appuntati fuq il-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, u jindika t-terminu taż-żmien li ġew inkarigati għalih?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infumat li l-informazzjoni dwar ħlas hija kif qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm saru reati kriminali fis-sena 2024, rispettivament għal kull lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar ir-rata ta’ rapporti ta’ kriminalità fl-2024 qed ikun ikkumpilat biex jiġi ppubblikat bħal snin oħra. Meta jkun finalizzat ikun jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kodiċi Kriminali — Applikabilità tal-Emendi

Question

Jista' l-Ministru jikkjarifika jekk l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li daħlu fis-seħħ wara l-Abbozz 111 ta' din il-Leġiżlatura, japplikawx għal dawk li mhumiex impjegati mas-servizz pubbliku, iżda huma impjegati fis-settur pubbliku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. membru għall-minuti u transcript tal-Parlament tas-seduta tal-Kumitat tal-Abbozzi, li għaliha huwa kien ukoll preżenti. Il-parir li l-Ministeru irċieva mill-Avukat tal-Istat huwa fl-affermattiv.

Forzi tal-Ordni – Kumpens lill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux kull persuna li tagħti servizz mal-forzi tal-ordni jew taħdem ma' entità fis-sigurtà f'pajjiżna irċevew il-pagament f'kumpens kif kien imwiegħed minnu, u ċjoè li kellhom jitħallsu nofs miljun Ewro f'kumpens maqsuma bejn aktar minn elf u sitt mitt ħaddiem? Jekk dawn il-ħlasijiet saru, jista’ jgħid kemm kienu l-ħlasijiet b'mod individwali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kontra għal dak li kien jiġri f'amministrazzjoni preċedenti, l-ħaddiema kollha fis-sigurtà u ż-żamma tal-ordni li jkunu involuti f’avvenimenti kbar, kollha jkunu kumpensati b’mod finanzjarju għas-sigħat ta’ xogħolhom u anke għal dawk is-sigħat maħduma żejda. Dawn ikunu mħallsa fil-ħin u skont il-ftehimiet kollettivi jew settorali rispettivi għal kull entità li tifforma s-sigurtà.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Uffiċjali li għaddew minn proċeduri dixxiplinarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk preżentement fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemmx uffiċjali ingaġġati li preċedentement kienu ttieħdu passi dixxiplinarji kontrihom f'forzi tal-ordni oħra? Jekk iva, kemm hemm minn dawn l-uffiċjali u fuqiex kienu l-proċeduri dixxiplinarji li ttieħdu kontrihom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar.

Korpi Dixxiplinati – Persuni li siefru fl-2023 u fl-2024

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25475 u 25693 u jipprovdi lista tas-safar kollu li għamlet it-tmexxija tal-Korpi Dixxiplinati fis-snin 2023 u 2024 u jgħid: min siefer; fejn siefer; għal liema skop; kemm kienet in-nefqa; u d-dati tas-safar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Permess ta’ xogħol validu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25477 u 25694 u jipprovdi tabella li fiha jagħti n-numru ta’ persuni li kellhom permess tax-xogħol validu f’pajjiżna fl-aħħar ta’ kull sena kalendarja għas-snin mill-2010 sal-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba u hekk kif ippubblikata mill-Eurostat fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permess ta’ xogħol validu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25478 u 25695 u jipprovdi f’persentaġġi s-setturi tax-xogħol li għalihom persuni nħarġilhom permess ta’ xogħol biex jidħlu f’Malta mill-2010 sal-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persentaġġi tas-setturi tax-xogħol li għalihom persuni nħarġilhom permess tax-xogħol minn Jobsplus mill-2010 sal-2024 qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permessi ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25479 u 25696 u jipprovdi tabella li fiha jagħti n-numru ta’ persuni li applikaw għall-permess ta’ xogħol, u kemm minnhom inħarġilhom permess ta’ xogħol mill-2010 sal-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba u hekk kif ippubblikata mill-Eurostat fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta' Malta — Attakki mill-ajru - Difiża

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' x'difiża għandhom il-Forzi Armati ta' Malta f'każijiet ta' attakki mill-ajru minn ajruplani, drones u missili? Jista' jagħmel elenku u jindika l-isem, l-ammonti, it-tip u s-sena ta' produzzjoni, u s-sena ta' akkwist mill-Forzi Armati tal-armamenti għad-dispożizzjoni tagħha għad-difiża msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li l-Onor. Membru jifhem li hemm informazzjoni marbuta mas-sigurtà tal-pajjiż, ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta' Malta qegħda wkoll fil-fażi finali ta’ studju biex tadotta wkoll apparat ġdid li jiżdied ma’ dak preżenti. Dan sabiex jiżdied mad-diversi investimenti bla preċedent tal-aħħar snin. Dan jingħaqad ma’ investiment li sar minn entitajiet oħrajn f'dan ir-rigward ukoll.

Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il bord ġie appuntat mill-Ministru, min huma l-persuni fuq kull bord u jindika jekk dawn il-bordijiet humiex qegħdin jiffunzjonaw? Jekk qed jiffunzjonaw, x'każijiet hemm pendenti quddiemhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li preżentement hemm 25 bord appuntati mill-Ministru. Dawn il-bordijiet kollha qegħdin jiffunzjonaw u d-dettalji għal kull bord qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. B’rabta ma’ dan, mhux il-bordijiet kollha appuntati mill-Ministru jittrattaw każijiet.

Korpi Dixxiplinati – Persuni li siefru fl-2023 u fl-2024

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25475 u jipprovdi lista tas-safar kollu li għamlet it-tmexxija tal-Korpi Dixxiplinati fis-snin 2023 u 2024 u jgħid: min siefer; fejn siefer; għal liema skop; kemm kienet in-nefqa; u d-dati tas-safar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.