Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reati kriminali li ma jġorrux piena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk preżentement hemmx reati kriminali li ma jġorrux piena? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jindika liema huma r-reati u f’liema artikoli tal-liġi qegħdin dawn ir-reati bla piena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tinkiseb b’analiżi tal-ligijiet ta’ Malta.

Santa Venera — Triq il-Kanun - Porzjon ta’ art proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema porzjon ta' art hi proprjetà tal-Gvern fi Triq il-Kanun, Santa Venera, u dan billi jippreżenta site plan li tindika tali art? Jista’ jgħid ukoll taħt liema entitjiet tal-Gvern jaqgħu dawn l-artijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema porzjon ta’ art qed jirreferi.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal- Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Immigration Appeals Board — Appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board u jipprovdi d-data tar-reġistrazzjoni ta' kull appell li hemm pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ appelli pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board jammonta għal 4,914.

Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati — Impjegati full-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati full-time fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid min huma, f'liema kariga ġew appuntati u meta ġew appuntati? Jista' wkoll jindika kemm telqu jew tneħħew/tkeċċew nies li kienu jaħdmu full-time fl-Akkademja u jindika meta spiċċa l-inkarigu tagħhom u għal liema raġuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ impjegati fl-Akkademja tal-Forzi Armati minn Jannar 2023 sal-ġurnata li qegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija Parlamentari kien ta’ ħdax. Illum l-Akkademja għandha ħaddiema fi ħdana li huma Professjonisti u li llum qegħdin joffru korsijiet li huma akkreditati. L-Akkademja llum m’għadiex biss tħarreġ lill-Korpi Dixxiplinati imma anke ħaddiema oħra fis-settur tas-sigurta. Dan filwaqt li qegħda toffri wkoll dan li hu msejjaħ bħala continuous professional development lill-Korpi u lill-ħaddiema tas-sigurta bil-għan li jibqgħu jiġu mħarrġa b’mod kontinwu. It-tabella tindika d-dati li fihom saru l-ingaġġi fl-Akkademja. Impjegati li ġew ingaġġati bħala full-time qabel Jannar 2023: Executive Officer Manager II Assistant Principal Impjegati ingaġġati full-time wara Jannar 2023: Director of Studies 13/03/2023 Registrar 10/04/2023 Manager ll 29/05/2023 Manager ll 03/07/2023 Manager ll 20/05/2024 Registrar 01/11/2024 Manager ll 03/03/2025 Dan filwaqt li kien hemm żewġ riżenji, waħda fl-1 ta’ Awwissu 2023 u oħra fit-30 ta’ Mejju 2024. Fl-4 ta’ Awwissu 2023, irtira ħaddiem li ħareġ bl-pensjoni filwaqt li fl-16 ta’ Lulju 2023 persuna mxiet għal Dipartiment ieħor.

Programmi tas-CEPOL — Taħriġ lill-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħata taħt il-programmi tal-European Union Agency for Law Enforcement Training (CEPOL) lill-Pulizija ta' Malta jew lil persuni oħra taħt dan il-programm f'taħriġ li qed isir f'Malta minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni responsabbli biex jikkordinaw dan it-taħriġ lokalment, x'laqgħat saru b'konnessjoni mas-CEPOL barra minn Malta, fejn Malta ġiet irrappreżentata, min attenda dawn il-laqgħat u jinkludi meta, fejn saru u kemm damu, kif ukoll x'kienet in-natura ta' dawn il-laqgħat/programmi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mis-sena 2023 sal-aħħar ta’ Frar 2025 kien hemm mija u tnejn u erbgħin (142) kors ta’ taħriġ li kien ko-ordinat mill-Ispettur li ilha nkarigata mit-taqsima nazzjonali tas-CEPOL mis-sena 2021, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, li tindika d-data ta’ meta sar it-taħriġ, in-numru ta’ parteċipanti u fejn sar, meta ma kienx online. Dwar ko-ordinament ta’ taħriġ li jsir lokalment, ikun dak imsejjaħ Activity Manager li japplika meta joħorġu grants tal-Aġenzija għal dan il-għan u mhux il-ko-ordinatur tas-CEPOL. F’Malta ġie ospitat avveniment dwar Interoperability of the EU Large Scale IT Systems - Current and Future Implementation bejn il 11 ta’ Novembru u 15 ta’ Novembru 2024, fejn ibbenefikaw żewġ parteċipanti Maltin minflok wieħed, kif tradizzjonalment isir. Dettalji mitluba dwar il-laqgħat li saru minn Jannar 2023 sal-aħħar ta’ Frar 2025, barra dawn il-gżejjer, konnessi mas-CEPOL fejn Malta kienet rappreżentata, jinsabu fit-tabella u dawn prinċipalment saru ġewwa l-Ungerija, fejn hemm il-Kwartieri Ġenerali tal-Aġenzija.

CEPOL — Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-kordinament għat-taħriġ taħt il-European Union Agency for Law Enforcement Training (CEPOL), li sa tmiem l-2022 kien isir mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, tneħħa minn idejn l-Akkademja u beda jitmexxa mill-Human Resources tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant f’din il-mistoqsija diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23405.

Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili — Xogħlijiet fl-istazzjonijiet - Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet kollha li qegħdin isiru fl-istazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili fil-perjodu minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika l-mod kif ġew inkarigati l-kuntratturi, liema hija l-kumpanija li qed twettaq ix-xogħol u x’inhi l-ispiża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ċertifikati ta' koabitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Abbuż ta’ droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet għal abbuż ta' droga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin matul ix-xhur ta' Jannar u Frar tas-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll xi rriżulta minn dawn it-tesijiet u, jekk hu l-każ, kemm kien hemm persuni li nstabu pożittivi u għal liema droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin isiru żewġ tipi ta’ testijiet ta’ droga. Isiru testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u testijiet fuq dawk li huma diġa’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fil-każ tat-testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità minn barra jkun hemm ħafna li jirriżultaw fil-pożittiv, u għalhekk dan jikkonferma kemm hu importanti li l-ħabs jibqa’ ħieles mid-droga biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu rijabilitazzjoni bogħod mill-vizzju. Fit-tieni tip ta’ testijiet, u ċjoè dawk li jkunu ilhom aktar minn 30 ġurnata l-ħabs, infurmat li mit-testijiet li huma konklużi is-sena 2024 rat it-testijiet kollha jirriżultaw fin-negattiv, filwaqt li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena kien hemm biss każ wieħed li nstab pożittiv waqt li ma kienx resident ġewwa l-ħabs, iżda kien qed jattendi programm ta’ rijabilitazzjoni ġewwa l-Caritas.

Rapport tal-Ombudsman dwar il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'passi ttieħdu wara r-rapport tal-Ombudsman intitolat "Own Initiative Investigation into possible systematic maladministration within the Corradino Correctional Facility - January 2025"?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin il-ħabs responsabbiltà tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi inbidel minn post bla ebda forma ta' ordni, dixxiplina jew riabilitazzjoni, u ħabs mimli droga, għal post ordnat, bla droga, u tentattiv ġenwin ta' riabilitazzjoni. Ninsab infurmat li kif jindika r-rapport innifsu l-investigazzjoni li qed jagħmel referenza għaliha nbdiet fl-2021 bil-ħsieb li tiffoka fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettivata' Kordin f'perjodu li issa jmur lura għal iktar minn tliet snin. Kull rapport ikun evalwat bis-serjetà u b'rispett lejn l-uffiċċju li jkun ippubblikah, f'dan il-każ l-uffiċċju tal-Ombudsman. Tant hu hekk li l-amministrazzjoni tal-faċilità se tkun qed tikkomunika uffiċjalment mal-uffiċċju tal-Ombudsman. Iżda, l-istess amministrazzjoni u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ilhom snin jieħdu azzjonijiet konkreti, inkluż fil-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport u wħud minnhom ssir proprju referenza għalihom fl-istess rapport, hekk kif kienu tliet snin ta' bidliet u azzjonijiet kontinwi. Uħud mill-inizjattivi ewlenin li ttieħdu fl-aħħar snin, jinkludu; •⁠ ⁠It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri •⁠ ⁠L-introduzzjoni ta' care plan għal kull priġunier li jidħol fil-ħabs •⁠ ⁠Xogħol fuq tliet half-way houses ġodda f'Malta waħda minnhom se tkun l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa •⁠ Sar xogħol fid-diviżjoni tan-nisa sabiex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija •⁠ ⁠Saru aktar minn 40 Standard Operating Procedure li jitrattaw l-operat ta' kuljum tal-Aġenzija •⁠ ⁠Issaħħu s-sistemi diġitali fosthom bl-Offender Management System li tgħaqqad l-imsieħba kollha fis-settur •⁠ ⁠L-istaff tal-professjonisti li fost oħrajn jinkludi Psikologi, Psikjatri u Social workers illum ilaħħaq is-87 •⁠ Żdiedu s-servizzi mediċi offruti bħal dentistrija u oftalmoloġija u llum fl-Aġenzija hemm erba' tobba u magħhom 11-il infermier f'kull shift •⁠ ⁠Sar admission hub fejn priġunieri ġodda qed jagħmlu l-ewwel ġimgħa fiha qabel imorru ikunu assenjati d-division •⁠ ⁠Iddaħħal il-kunċett ta' safe cell f'numru ta' diviżjonijiet fejn ikun hemm anke monitoraġġ permezz tas-CCTV •⁠ ⁠Ġie ngaġġat uffiċjal edukattiv u ġie rinnovat iċ-ċentru edukattiv għall-priġunieri •⁠ ⁠Ġie rinnovat iċ-ċentru ta' taħriġ għall-uffiċjali •⁠ ⁠Qed isir mental first aid kors lil kull ħaddiem fl-Aġenzija kemm uffiċjali u kemm dawk pajżana •⁠ ⁠Tkabbret u nbidlet b'mod komplut il-kċina tal-ħabs u magħha tjieb is-servizz tal-ikel •⁠ ⁠Sar rinnovar tal-forensic unit u f'numru ta' diviżjonijiet, liema xogħol huwa wieħed kontinwu •⁠ ⁠Infetaħ post fil-Marsa biex il-priġunieri jiltaqgħu ma' uliedhom f'ambjent 'il bogħod mill-ħabs •⁠ ⁠Ingħataw iktar opportunitajiet ta' xogħol permezz tal-prison industry •⁠ ⁠Qed issir kollaborazzjoni ma' diversi entitajiet biex jiġu offruti numru ta' korsijiet fosthom mal-MCAST.

Ombudsman — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tar-rapporti li saru f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Ombudsman dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, u jgħid x'passi ttieħdu għal kull rapport li ġie ppubblikat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għad-dokument impoġġi fuq l-mejda tal-Kamra referenza P.L. 4908.

EU Pact on Migration and Asylum — Pjan ta' Implimentazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-EU Pact on Migration and Asylum, liema pjan għandu jitlesta minn Malta sal-aħħar tas-sena 2025, b'mod partikolari dwar kif is-sistema tal-ażil ta' Malta ser ikollha tinbidel minħabba dan il-Patt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet stabbilita task force fi ħdan il-Ministeru biex tikkoordina l-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Patt. Il-Pjan Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni ġie sottomess lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2024 u t-task force imsemmija hawn fuq qed tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miri differenti li ġew identifikati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju tal-miri differenti li ġew abbozzati għal kull element li ġie identifikat mill-Kummissjoni biex il-Patt jiġi implimentat b’suċċess.

Persuni ddeportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-2024 ġewx iddeportati minn pajjiżna persuni illi kellhom akkużi kriminali pendenti quddiem il-Qrati f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew li kienu mftixxija mill-awtoritajiet ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija m’għandha ebda informazzjoni li fis-sena 2024 ġew iddeportati xi persuni minn dawn il-gżejjer li kellhom xi akkużi kriminali pendenti quddiem il-Qrati f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew li kienu mfittxija mill-awtoritajiet ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

AFM — Persuni li daħlu Malta irregolarment

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm persuni daħlu f’Malta irregolarment mill-baħar u ġew interċettati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) f'dawn l-aħħar ħames snin u jindika l-post li fih tniżżlu f'Malta flimkien mal-ġurnata u l-ħin? Jista' jaqsam din l-informazzjoni skont kull dgħajsa rispettivament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Għalhekk ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni rregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali. Ħdimna mill-qrib ma’ pajjiżi oħra, pajjiżi ta’ oriġinu u kif ukoll pajjiżi ta’ tranżitu, sabiex naqqasna l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar. Għamilna tibdil sabiex ikollna sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt joqgħod ġewwa pajjiżna. Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti. Twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna. Fl-istess waqt sar xogħol estensiv fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u kemm dawk miftuħa, mingħajr ma poġġejna piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet imgħoddija. Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal mistoqsija parlamentari 14382. Infurmat li matul is-sena 2024 kompliet ix-xejra pożittiva ta’ tnaqqis ta’ wasliet irregolari, fejn reġa' ġie esperjenzat tnaqqis. Sena Wasliet 2019 3,405 2020 2,281 2021 838 2022 444 2023 380 2024 238

Traffikar ta’ droga — Każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif individwu li nstab ħati ta' traffikar ta' droga u ngħata sentenza ta' 20 sena ħabs inħarġitlu liċenzja biex joffri servizz ta' security guard, filwaqt li hemm numru ta' nies oħrajn li fuq reati ħafna inqas ma nħarġitilhomx liċenzja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li tali proċess isir skont il-liġi li tirregolah. L-Onor. Interpellant jifhem li ma jistax jiprovdi informazzjoni b'informazzjoni limitata mogħtija fil-mistoqsija parlamentari.

Korpi dixxiplinarji — Persuni li ġew imkeċċija u reġgħu ddaħħlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-korpi dixxiplinarji ta' pajjiżna hemmx persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew imkeċċija mis-servizz, iżda mbagħad reġgħu daħlu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hemm, għal liema raġuni tkeċċew, u għal liema raġuni reġgħu daħlu fis-servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-korp tal-Pulizija kien hemm uffiċjal li ġie mkeċċi fis-sena 2017 u daħal lura xogħol fis-sena 2018. Infurmat li reġa' daħal fis-servizz wara reviżjoni tal-każ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.