Karta tal-identità mingħajr indirizz għal persuni b’obbligi u rabtiet amministrattivi f’Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jindirizza lakuna eżistenti billi joħloq karta tal-identità mingħajr indirizz, bħalma hemm f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, għal dawk iċ-ċittadini Maltin mhux residenti Malta, bħal fil-każ ta’ dawk li ma jkunux residenti prinċipalment f’Malta iżda jkollhom obbligi u rabtiet amministrattivi f’Malta, pereżempju residenza fiskali f’Malta, u għaldaqstant ikollhom bżonn karta tal-identità Maltija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kwalunkwe deċiżjoni jeħtieġ tittieħed skont Kapitlu 258 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ittieħdu b’riżultat ta’ proċeduri interni fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), fuq is-suldati qabel u anke wara l-konklużjoni tal-inkjesta li saret? Jista’ jgħid ukoll:
a. kemm-il suldat tkeċċa, x’rank kienu, f’liema sezzjonijiet kienu u x’kienu r-raġunijiet għat-tkeċċija; u
b. kemm-il suldat ġie demoted, x’rank kienu, f’liema sezzjoni kienu u x’kienet ir-raġuni għad-demotion?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li total ta’ 55 akkuża inħarġu kontra sitt persuni ta’ ranks differenti fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, li għalihom kollha nstabu ħatja.
Il-proċess ġie konkluż mill-Forzi Armati ta’ Malta skont l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta.
Fl-interess tas-servizz, suldat tkeċċa filwaqt li ieħor ingħata demotion. Dawn is-sitt suldati ġew immultati total ta’ 134 jum ta’ xogħol f’telf ta’ paga, reprimands uffiċjali u twissijiet formali.
Dan filwaqt li postings uffiċjali ġew irtirati, b’dan iwassal għal telf ta’ allowances u possibbilment xkiel għal promozzjonijiet futuri fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qegħdin jinħarġu r-riżultati tal-eżami tal-liċenzji tan-nar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li r-riżultati tal-liċenzja B bdew jingħataw lill-kandidati min-nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ April 2025. Ir-riżultati kollha ser ikunu notifikati fil-jiem li ġejjin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni li għandhom sentenza definita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm preżentement fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li għandha sentenza definita, u kemm minn dawn huma riċedivi, u ċjoè li kienu diġà skontaw sentenzi l-ħabs qabel dik li qegħdin jiskontaw? Jista’ wkoll jipprovdi tabella u jagħmel elenku tar-reati, anke jekk differenti mill-ewwel reat, li għalihom huma riċedivi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li sal-11 t’April 2025 hemm 446 persuna li qiegħdin jiskontaw sentenza definita fejn minnhom hemm 154 li kienu diġà skontaw priġunerija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-bastiment Garibaldi ttella’ fuq l-art? Jista’ jgħid għalfejn tqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-International Safety Training College (ISTC) u jippreżenta kopja tal-ftehim relatati ma’ tali operazzjoni? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-pjan għal dan il-bastiment?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-bastiment Garibaldi kellu ħsarat konsiderevoli, kemm fil-qafas strutturali tiegħu kif ukoll fix-xaftijiet tal-magni.
Dawn il-ħsarat kienu jeħtieġu spejjeż ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro biex jissewwew, u minkejja dan, xorta waħda l-bastiment ma kienx ser ikun adattat biex jissodisfa l-ħtiġijiet operattivi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Għaldaqstant, ittieħdet id-deċiżjoni li l-bastiment jittella fuq l-art u jitwassal Ħal Far, fejn issa qed jintuża bħala riżors fejn id-Dipartiment jista’ jagħmel taħriġ fuqu. B’dan il-mod, il-bastiment se jkompli jservi lid-DPĊ b’mod alternattiv, anke jekk m’għadux operattiv fil-baħar.
Infurmat ukoll li l-bastiment Garibaldi mhux taħt ir-responsabbiltà tal-ISTC, u ma je¿isti l-ebda ftehim kif indikat fil-mistoqsija Parlamentari.
Illum b'differenza minn qabel, fit-Taqsima Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sar investiment ta’ madwar tliet (3) miljun Ewro. Nefqa ta’ madwar miljun Ewro f’investiment strutturali sabiex it-taqsima ġiet adekwata u nefqa ta’ madwar żewġ Miljun Ewro sabiex inxtraw żewġ Rhibs, Hydrolift vessel u Diving Catamaran.
Minn ħaddiema mhux stmati b'għodda second hand ta' ħaddieħor għal investiment massiċċ fil-ħaddiem, fil-kundizzjonijiet tiegħu u l-għodda li jużaw.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Korpi Dixxiplinati – Persuni li siefru fl-2023 u fl-2024
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25475, 25693, 25886 u 26418 u jipprovdi lista tas-safar kollu li għamlet it-tmexxija tal-Korpi Dixxiplinati fis-snin 2023 u 2024 u jgħid: min siefer; fejn siefer; għal liema skop; kemm kienet in-nefqa; u d-dati tas-safar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26418. Kif tkun konkluża tiġi ppubblikata.
Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta – Contract of Services u Engagement Forms
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27065 u jipprovdi lista ta' contract of services u engagement forms li l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) ħarġet bejn l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija paramentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27066 u jippreżenta l-lista ta' kuntratti maħruġa mill-Kummissarju għar-Riformi tal-Liġijiet mill-ħatra tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema kuntratti qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27081 u jgħid kemm hawn tower cranes preżentement f'Malta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lilll-Onor. Interpelant li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol tinsab fil-proċess sabiex tiġbor din l-informazzjoni u toħloq ‘data base’ ad-hoc kif ukoll qed tesplora kull possibilità biex tinġabar u żżomm din id-data, anke bl-introduzzjoni t’obbligi ġodda abbazi tal-liġi l-ġdida approvata mill-Parlament is-sena li għaddiet.
Il-funzjoni tal-Awtorità s’issa kienet dik li meta u fejn uffiċjali ta’ l-imsemmija Awtorità’ jsibu ‘tower crane’ jintalab iċ-ċertifikat li jkun maħruġ m’għand persuna kompetenti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26121, 26628 u 27080 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u lill-Prim Ministru rispettivament u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li wieħed irid jara kemm l-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta u wkoll l-artikolu 2 tal-Kap. 614 tal-Liġijiet ta' Malta. Infurmat li sabiex persuna tgawdi minn dak maħsub fl-artikolu 4(1)(g) tal-Kap.217 trid tkun il-konjugi.
Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili — Xogħlijiet fl-istazzjonijiet - Spejjeż
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26627 dwar l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet kollha li qegħdin isiru fl-istazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, fejn ġie mwieġeb li “l-informazzjoni fit-totalità tagħha għad trid tkun konkluża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni issa ġietx finalizzata u jekk iva, tingħata?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26627. Kif tkun konkluża tiġi ppubblikata.
Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta – Contract of Services u Engagement Forms
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta' contract of services u engagement forms li l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) ħarġet bejn l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija paramentari?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jippreżenta l-lista ta' kuntratti maħruġa mill-Kummissarju għar-Riformi tal-Liġijiet mill-ħatra tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'riformi saru mid-data li fiha ġie maħtur bħala Ministru sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, mill-Kummissarju għar-Riformi tal-Liġijiet kemm ilu fil-kariga?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwari r-Reviżjoni tal-Liġijiet Statutarji, l-Kummissarju tal-Liġijiet ma jagħmilx riformi iżda jagħmel reviżjoni tal-liġijiet, madanakollu l-Uffiċċju tal-Kummissarju iħejji u jippreżenta lill-Ministeru numru ta’ rapporti fuq dan ir-rigward. Apparti minn hekk ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att msemmi bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ reviżjoni u aġġornament sħiħ tal-Liġijiet ta’ Malta mill-Kummissjoni.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26121 u 26628 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni rispettivament u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26124 u 26684 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u lill-Prim Ministru rispettivament u jgħid kemm hawn tower cranes preżentement f'Malta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Santa Venera — Triq il-Kanun - Porzjon ta’ art proprjetà tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26685 fl-intier tagħha u jippreżenta site plan li tindika liema porzjon ta' art hi proprjetà tal-Gvern fi Triq il-Kanun, Santa Venera (il-parti li tinsab bejn Triq l-Isportivi, Santa Venera u Triq il-Mitħna, Ħal Qormi)?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument mitlub.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26121 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26124 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid kemm hawn tower cranes preżentement f'Malta?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.