Legislature:
Category:
Reset
Active:

Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ż-żewġ helicopters Augusta Westland 139, b’reġistrazzjoni AS1428 u AS1429 intużaw għal xogħol ta’ salvataġġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29473.

Il-Belt Valletta – Aċċessibilità għall-ambulanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan, jew korrispondenza għaddejja ma’ entitajiet oħra tal-Gvern li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, sabiex tissolva l-kwistjoni tal-aċċessibilità għall-ambulanzi fit-toroq tal-Belt Valletta, partikolarment dawk li fil-passat riċenti kellhom każijiet fejn l-ambulanzi sabu diffikultà biex jgħaddu? Jekk iva, jista’ jqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, fejn intqal li “matul l-2022, Airbus Helicopters infurmat lill-operaturi kollha ta’ Alouette III li kienet qed tirtira l-bqija taċ-ċertifikati ta’ dan it-tip”, jista’ l-Ministru jispjega kif l-istess helicopters tat-tip Alouette III, tħallew itiru tant li saħansitra seħħew żewġ inċidenti fis-7 ta’ Marzu 2024 u fit-28 ta’ Lulju 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ż-żewġ Alouette III dejjem taru biċ-ċertifikati validi. Fil-fatt, meta l-Airbus kienet indikat l-irtirar ta’ ‘type certification’ dan ma kienx ifisser li l-pjattaformi ġew ‘grounded’. Fil-fatt numru ta’ helicopters ta’ dan it-tip baqgħu joperaw sakemm jew ċerti partijiet isiru ‘obsolete’ u ma kinux disponibbli iktar jew l-‘airworthiness certificate’ ma setax jibqa’ jinżamm. Kif diġà għidt, dawn dejjem taru b’ċertifikati validi u mġedda.

Forzi Armati ta’ Malta — Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, fejn intqal li “hemm żewġ ħelikopters AW139 li għaddejjin minn spezzjoni u manutenzjoni li tissejjaħ ‘8 year inspection’ kif mitlub mill-kumpanija”, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uniku helicopter operabbli li fadal tat-tip Augusta Westland AW139, hux se jkun għaddej minn spezzjoni u manutenzjoni wkoll fi ftit ġimgħat oħra? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser isir dan, kemm se jdum, u xi pjanijiet għandu għall-Forzi Armati ta’ Malta li matul dak il-perjodu se jkunu mingħajr helicopters operabbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tal-helicopters jitwettaq skont l-‘Aircraft Maintenance’ (AMP), fejn il-Forzi Armati ta’ Malta tieħu bl-ikbar serjetà is-sigurtà tal-ekwipaġġ tagħha. Din il-manutenzjoni regolari hija dipendenti fuq l-użu tas-sigħat. Il-helicopter AW139, li bħalissa huwa operattiv huwa mmexxi fuq l-istess sistema bħal helicopters kollha. Il-ġestjoni metikoluża tas-sigħat tat-titjir bil-helicopter hija kruċjali biex tinżamm is-sikurezza u l-effiċjenza operattiva u dan isir għal kull helicopter u jsir skedar effettiv li jkun ilu pjanat biex ttejjeb d-disponibbiltà tal-helicopter. Iż-żewġ helicopters li bħalissa qegħdin għal-manutenzjoni (8 year inspection) jinsabu ġo ‘Part 145 Maintenance Facility’ fejn il-progress tagħhom qed jiġi mmonitorjat mill-inġiniera tal-FAM biex jiġu rilaxxati hekk kif jitlesta l-manutenzjoni. Huwa importanti li l-Onor. Interpellant jifhem li wara kull xogħol ta’ manutenzjoni irid ikun hemm verifikai regolatorja fejn jiġi assigurat li x-xogħol sar sew u b’mod korrett, biex b’hekk jiġi minimizzat ir-riskju ta’ inċidenti u ħsarat matul it-titjiriet sussegwenti.

Avukati — Warrants

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi d-data meta se jingħataw il-warrants tal-avukati għas-sena 2025 u fin-nuqqas li għad m’hemmx data stabbilita, jista’ jispjega għalfejn?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk kollha li nstabu idonji biex jipprattikaw il-professjoni t’avukat u li ser jingħataw il-warrant, qed ikunu informati bid-data taċ-ċerimonja.

Helicopters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk preżentament, minn tliet helicopters tat-tip Augusta Westland AW139, hemm wieħed biss attiv u t-tnejn l-oħra mhumiex fi stat operabbli filwaqt li minn żewġ helicopters tat-tip Alouette III, l-ebda wieħed minnhom mhu operabbli? Jista’ l-Ministru jipprovdi d-data minn meta dawn il-helicopters ġew ikkunsidrati bħala “in maintenance”?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta tagħti importanza massima għall-manutenzjoni tal-assi tagħhom u l-ħelikopters mhux eċċezzjoni, iktar u iktar meta dawn huma iktar kumplessi minn inġenji oħra. Falliment f’komponent wieħed meqjus ‘żgħir’ ukoll jista’ jwassal għal konsegwenzi serji ħafna u għalhekk l-armata timxi ma’ skedi ta’ manutenzjoni li huma stretti ħafna u li magħhom m’hemmx kompromess. Infurmat li bħalissa hemm żewġ ħelikopters AW139 li għaddejjin minn spezzjoni u manutenzjoni li tissejjaħ ‘8 year inspection’ kif mitlub mill-kumpanija. Dwar it-tieni parti tad-domanda jien infurmat li matul l-2022, Airbus Helicopters infurmat lill-operaturi kollha ta' Alouette III li kienet qed tirtira l-bqija taċ-ċertifikati ta’ dan it-tip.

Protezzjoni Ċivili — Maritime Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li jkunu assenjati fuq il-baħar u li jistgħu jiġu wkoll imsejħa fuq l-art, jieħdu l-istess allowance bħal dawk il-membri li jkunu assenjati fuq l-art? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li l-Maritime Allowance m’għadux jingħata (bħalma kien jingħata fl-imgħoddi) u jekk iva: meta kien l-aħħar li ngħata; x'kienet ir-raġuni għalfejn m'għadux jingħata u jekk għandux il-ħsieb li jbiddel dan il-fatt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jirċievu Civil Protection Allowance li l-ammont tiegħu jvarja skont il-grad u/jew is-snin ta’ servizz tal-impjegat. Barra minn hekk l-Assistance and Rescue Officers u l-Leading Assistance and Rescue Officers li jkunu ilhom ħames snin u iktar jaqdu dmirijiethom fil-Forza jirċievu wkoll l-additional duties allowance related to Equipment Testing ta’ €975 fis-sena. Nista’ ngħid ukoll li bħalissa għaddejjin ukoll id-diskussjonijiet għal ftehim settorjali ġdid. Infakkar li kien dan il-Gvern li rrikonoxxa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala Korp Dixxiplinat, tahom id-dritt tal-25 sena servizz u li jissieħbu f’union li tirrappreżentahom fid-diskussjonijiet għall-ftehim settorjali u kwalunkwe esiġenzi oħra. Dan filwaqt li saħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom kif anke indikat f’din it-tweġiba. F’dan l-isfond ukoll kien dan il-Gvern li ma aċċettax li l-pumpiera tagħna jkollhom għodda second-hand u investa f’għodda ġdida u infrastruttura aqwa.

Protezzjoni Ċivili — Assikurazzjoni tal-ħajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġi indirizzat il-fatt li min hu bugħaddas mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u japplika biex jieħu faċilità ta’ self minn bank, togħlielu b’mod sostanzjali l-ispiża għall-polza tal-assikurazzjoni tal-ħajja, minħabba r-riskji marbuta mas-servizz fil-baħar - u jkun obbligat jistqarr u jżid li hemm r-riskju marbut mad-diving? Jista’ jgħid ukoll jekk il-gvern għandux il-pjan illi jintroduċi allowance biex tagħmel tajjeb għal dawn it-tip ta’ spejjeż konsegwenzjali li jiġu mas-servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Ministeru u d-Dipartiment ma jinjorax r-realtajiet ta' ħadd meta dawn jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu u tul is-snin ħdimna biex f'diversi ċirkostanzi relatati ma' affarijiet oħra imma daqstant importanti studjajna u fejn kien il-każ jew meħtieġ ħloqna soluzzjonijiet. Nibqgħu kommessi li differenti minn ta' qabilna li kien nesa lil dawn il-ħaddiema sew jekk hux b'għodda second hand u bla kundizzjonijiet u drittijiet sura, nibqgħu ninvestu fil-ħaddiema b'mod dirett.

Korp tal-Pulizija – Trasferimenti ta’ armi pproċessati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il trasferiment ta’ arma ġie pproċessat mill-Korp tal-Pulizija bejn Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm uffiċjali pproċessaw dawn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar li ġew pproċessati mill-Korp tal-Pulizija bejn Novembru 2024 sat-3 ta’ Ġunju 2025 f’Malta u Għawdex kien ta’ 3080.

Uffiċċju Ċentrali – Impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bidla għal sistema ċentralizzata hix qed tħalli impatt, bħal pereżempju fuq it-traffiku, fil-madwar tal-Uffiċċju Ċentrali fil-Floriana? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx impact assessment li jinkludi riperkussjonijiet ambjentali peress li issa ċ-ċittadin ma jistax jirrikorri fl-għassa tal-lokalità tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-tibdil fil-proċess sar biex il-pubbliku jinqeda aħjar. Dan minħabba li primarjament il-ħin tal-proċess kien ser jitnaqqas drastikament, bir-riżorsi u proċeduri li kienu diġà allokati, u dan kuntrarju għal proċess li kien hemm qabel, fejn talba ta’ trasferiment kienet tieħu diversi jiem, ġimgħat u anke xhur f’xi każi, meta issa l-proċess isir istantanjament.

NSDF – Audited Accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-Fond Nazzjonali u Soċjali ta' Żvilupp (NSDF) għas-snin 2023 u 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-audited accounts tal-Fond Nazzjonali u Soċjali ta' Żvilupp (NSDF) għas-snin 2023 u 2024 bħalissa qed jiġu pproċessati. Infurmat li L-accounts għall-2023 mistennija jiġu ppubblikati aktar tard dan ix-xahar, filwaqt li dawk għas sena 2024 huma antiċipati li jitlestew aktar tard din is-sena.

Skema Ċittadinanza b’Investiment – Ċittadinanzi revokati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ċittadinanzi li ngħataw taħt l-iskema 'Ċittadinanza b’Investiment' ġew revokati, sena b’sena, u jipprovdi l-ammonti maqsuma skont is-sena li fiha ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment, ġew ipprivati miċ-ċittadinanza Maltija total ta’ 15-il persuna. Dawn il-persuni kienu akkwistaw iċ-ċittadinanza taħt id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi, mhux biss permezz ta’ investiment. Infurmat li preżentament hemm proċess għaddej skont il-liġi ta' 4 persuni. Infurmat illi 6 persuni pprivati miċ-ċittadinanza Maltija kienu akkwistawha b’investiment, filwaqt li l-4 persuni msemmija li preżentament hemm proċess għaddej skont il-liġi kienu wkoll akkwistaw iċ-ċittadinanza b’investiment.

Il-Belt Valletta — Evans Building

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27449, 27775, 27976, 28274, 28404 u 28711 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u lill-Prim Ministru, lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol rispettivament u jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern favur ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) harġet sejħa għall-proposti għar-riabilitazzjoni tas-sit tal-Evans Building fil-parti ta’ isfel tal-belt kapitali. Is-sit tal-Evans Building huwa rregolat min-Nota dwar l-Iżvilupp ta’ Sant’ Iermu u l-Inħawi 2011, li tagħti lok għall-kunsiderazzjoni ta’ żvilupp mill-ġdid totali ta’ dan l-ispazju. Madanakollu, ittieħdet deċiżjoni biex tinżamm il-qoxra esterna tal-binja filwaqt li jsir tibdil intern. Dan wara proċess konsultattiv mal-UNESCO u s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali. Il-process tas-sejha bhalissa ghadu ghaddej hekk kif hemm appell quddiem il-PCRB.

Faċilità fil-Marsa — Tfal li jitħallew iżuru lill-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28599, jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kemm priġunieri tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom fis-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-total ta’ tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kien biss dan il-Gvern li parti mill-proċess ta’ riabilitazzjoni ġenwina, u differenti ħafna minn kif kien jaġixxi ta’ qablu, għamilha possibbli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma' wliedhom f'binja apposta fil-Marsa, 'il bogħod mill-ħitan tal-istess faċilità taħt il-ħarsien ta' professjonisti soċjali. Din il-binja hija waħda adattata biex tilqa' tfal f'ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn xorta waħda huwa assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta' sigurtà. Din l-inizjattiva kienet possibbli grazzi għall-ħidma tal-Ministeru u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl. Intgħażel propja post lill-hinn mill-faċilità korretta għaliex wieħed jifhem li l-esperjenza ta' ħabs mhux il-post ideali għat-tfal. Ninsab infurmat li huma diversi dawk li qed jagħmlu użu minn din il-faċilità u ta’ kull xahar qed isiru numru ta’ laqgħat bejn residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u wliedhom, li huma differenti minn żjara normali fil-faċilità. Ninsab infurmat li mill-2023 sa Mejju 2025, kienu 100 persuna fil-ħabs li għamlu użu minnha, bit-total ta’ tfal taħt l-14-il sena li kellhom dawn iż-żjarat kien ta’ 177. Dan hekk fis-sena 2023 kienu 42 persuna fil-ħabs li għamlu użu minnha, bit-total ta’ tfal taħt l-14-il sena li kellhom dawn iż-żjarat kien ta’ 73, fis-sena 2024 kienu 39 persuna fil-ħabs li għamlu użu minnha, bit-total ta’ tfal taħt l-14-il sena li kellhom dawn iż-żjarat kien ta’ 74 u minn Jannar sa Mejju 2025, kienu 19-il persuna fil-ħabs li għamlu użu minnha, bit-total ta’ tfal taħt l-14-il sena li kellhom dawn iż-żjarat kien ta’ 30. Ninsab infurmat ukoll li dan ma jfissirx li setgħu jinqatgħu għal kollox iż-żjarat fil-Faċilità, anke jekk kontinwament isir tentattiv biex dan il-post jsir l-iktar użu possibbli minnu. L-amministrazzjoni tal-faċilità korrettiva ta’ kordin qed tkompli taħdem u tagħmel ir-riformi biex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji, partikolarment tfal, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Għal dan il-għan bħalissa għaddejjin bi pjanijiet biex flimkien mad-diversi investimenti li saru u qed isiru, iż-żona tal-viżitaturi titranġa u titjieb bil-għan li tkun toffri post iktar akkoljenti u xieraq għal kulħadd.

Faċilità fil-Marsa — Tfal li jitħallew iżuru lill-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28600, jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kemm priġunieri tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom fis-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-total ta’ tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 28956.

Faċilità fil-Marsa — Tfal li jitħallew iżuru lill-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28601, jista’ l-Ministru jagħti break down ta’ kemm priġunieri tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom fis-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-total ta’ tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 28956.

Korp tal-Pulizija – Proċess ta’ trasferiment ta’ armi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn saret bidla biex il-proċess ta’ trasferiment ta’ armi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li kien isir ġewwa l-uffiċini tad-distrett, issa qed isir f’post ċentrali mill-Uffiċċju tal-Armi fil-Furjana?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-bidla li saret sabiex il-proċess ta’ trasferiment ta’ armi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija isir ċentralizzat u proċessat mill-Uffiċċju tal-Armi fil-Furjana, kien sabiex tinżamm uniformità fl-istess proċess, biex b’hekk iż-żmien ta’ trasferiment jitnaqqas konsiderevolment, għal benefiċċju ta’ minn ikun ser jakkwista l-arma u dawk li jkunu ser jittrasferixxu l-istess arma fuq ħaddieħor u fejn qabel iċ-ċentralizzazzjoni kien jieħu diversi ġranet, ġimgħat u f’xi każi anke xhur biex proċess jitlesta, issa jitlesta istantanjament.

Korp tal-Pulizija – Trasferimenti ta’ armi pproċessati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il trasferiment ta’ arma ġie pproċessat mill-Korp tal-Pulizija bejn Novembru 2022 sa Novembru 2023, u bejn Novembru 2023 sa Novembru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ trasferimenti ta’ armi tan-nar li ġew pproċessati mill-Korp tal-Pulizija bejn Novembru 2022 sa Novembru 2023, f'Malta u Għawdex huwa 5073 u bejn Novembru 2023 sa Novembru 2024 f'Malta u Għawdex huwa 5134.

Faċilità fil-Marsa — Tfal li jitħallew iżuru lill-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm priġunieri tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom fis-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-total ta’ tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kien biss dan il-Gvern li parti mill-proċess ta’ riabilitazzjoni ġenwina, u differenti ħafna minn kif kien jaġixxi ta’ qablu, għamilha possibbli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ikunu jistgħu jibdew jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma' wliedhom f'binja apposta fil-Marsa, 'il bogħod mill-ħitan tal-istess faċilità taħt il-ħarsien ta' professjonisti soċjali. Din il-binja hija waħda adattata biex tilqa' tfal f'ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn xorta waħda huwa assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta' sigurtà. Din l-inizjattiva kienet possibbli grazzi għall-ħidma tal-Ministeru u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl. Intgħażel propja post lill-hinn mill-faċilità korretta għaliex wieħed jifhem li l-esperjenza ta' ħabs mhux il-post ideali għat-tfal. Ninsab infurmat li huma diversi dawk li qed jagħmlu użu minn din il-faċilità u ta’ kull xahar qed isiru numru ta’ laqgħat bejn residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u wliedhom, li huma differenti minn żjara normali fil-faċilità. Ninsab infurmat li mill-2023 sa Mejju 2025, kienu 100 persuna fil-ħabs li għamlu użu minnha, bit-total ta’ tfal taħt l-14-il sena li kellhom dawn iż-żjarat kien ta’ 177. Ninsab infurmat ukoll li dan ma jfissirx li setgħu jinqatgħu għal kollox iż-żjarat fil-Faċilità, anke jekk kontinwament isir tentattiv biex dan il-post jsir l-iktar użu possibbli minnu. L-amministrazzjoni tal-faċilità korrettiva ta’ kordin qed tkompli taħdem u tagħmel ir-riformi biex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji, partikolarment tfal, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Għal dan il-għan bħalissa għaddejjin bi pjanijiet biex flimkien mad-diversi investimenti li saru u qed isiru, iż-żona tal-viżitaturi titranġa u titjieb bil-għan li tkun toffri post iktar akkoljenti u xieraq għal kulħadd.

Faċilità fil-Marsa — Tfal li jitħallew iżuru lill-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm priġunieri tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom fis-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-total ta’ tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28599.