Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx assi tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jgħassu l-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament biex jaraw jekk ikunx hemm impatt ambjentali fuq Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li sal-mument li tħejjiet din it-tweġiba parlamentari il-vapur, kien jinsab f’ibħra internazzjonali u l-bogħod minn xtut Maltin. Ninsab infurmat li l-bastiment qed jiġi osservat b’assi tal-ajru tal-Forzi Armati ta' Malta u ta’ pajjiżi ġirien, u ta’ operazzjonijiet militari Ewropej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’bandiera kien qed itajjar il-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament meta seħħet l-isplużjoni u jekk dan jinsabx fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-bandiera li kien qed itajjar il-vapur hija dik Russa. Rigward jekk dan jinsabx fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn kien jinsab il-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament fid-data meta qed issir din il-mistoqsija parlamentari u jagħti l-coordinates:
i) fejn kien il-vapur fil-mument meta seħħet l-isplużjoni u l-ħin x'kien; u
ii) fejn kien il-vapur wara li seħħet l-isplużjoni sat-8 ta’ filgħaxija tat-3 ta’ Marzu 2026, maqsuma siegħa b’siegħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għal-informazzjoni mogħtija waqt l-Istqarrija Ministerjali tas-seduta 441 tal-4 ta' Marzu, 2026, fejn fiha anke ġie komunikat dak riċevut miċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Malta, tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġie infurmat b’sitwazzjoni ta’ periklu barra ż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta. Għaldaqstant dan il-vapur la kien fit-territorju Malti u lanqas fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid liema bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta mar fil-viċinanzi tal-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament, x’ħin telqu minn Malta u kemm kien hemm suldati Maltin abbord?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant ghal-informazzjoni moghtija waqt l-Istqarrija Ministerjali tas-seduta 441 tal-4 ta' Marzu, 2026, fejn diga gie spjegat li din id-dikjarazzjoni mhux korretta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34687, rigward sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru mill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija f’dawn l-aħħar tliet snin, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti d-data tas-sessjonijiet ta’ taħriġ, f'liema sezzjoni, fejn saru u liema tip ta’ arma sparaw b'mod separat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 34687. Iktar minn hekk ninsab infurmat li s-sessjonijiet jkunu dejjem imqassma matul is-sena u huma kontinwi skont l-esiġenzi tas-servizz.
Infurmat li kontinwament ikunu għaddejin sessjonijiet ta’ taħriġ diversi kif imsemmija u t-taħriġ fil-pulizija jkopri dawk l-armi li huma wżati mill-korp.
Forzi Armati ta’ Malta - Sparar tal-armi tan-nar -Taħriġ lis-suldati
Question
Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm-il suldat ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, liema tip ta’ arma sparaw, fejn, u f’liema unit iwettaq is-servizz tiegħu kull suldat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li kull membru tal-Forzi Armati ta’ Malta jingħata taħriġ regolari fl-użu u l-isparar tal-arma primarja tiegħu kif ukoll dik sekondarja. Ukoll jingħataw taħriġ ieħor relatat mal-isparar permezz ta’ sistema ta’ simulazzjoni diġitali li tinsab f’wieħed mir-reġimenti. Skont il-ħtiġijiet operattivi, kemm lokali kif ukoll barra min Malta, ċertu Units fi ħdan il-Forzi Armati jingħataw taħriġ aktar speċjalizzat u intensiv fl-użu ta’ sistemi ta’ armi oħrajn.
Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lill-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm-il uffiċjal ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, liema tip ta’ arma sparaw, fejn, u f’liema taqsima jwettaq is-servizz tiegħu kull uffiċjal?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li it-taqsima relevanti għad-domanda tal-Onorevoli Interpellant hija dik tal-Ispecial Operations Group u t-taħriġ huwa kontinwu fejn anke jsir b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal Pulizija, isir ukoll internament fl-aġenzija u anke b’koperazzjoni ma’ entitajiet esterni li jinkludi koperazzjoni ma’ pajjiżi barranin u ambaxxati.
Jista’ l-Ministru jindika f’lista s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jindika wkoll kemm-il uffiċjal ħa sehem, id-data tas-sessjoni ta’ taħriġ, fejn, liema tip ta’ arma sparaw, u f’liema taqsima jwettaq is-servizz tiegħu kull uffiċjal?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li t-taħriġ li qed jistaqsi dwaru l-Onorevoli Interpellant huwa regolari. Fil-fatt b’kollaborazzjoni bejn il-Pulizija u l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant sar taħriġ divers li kellu fih 3,126 parteċipant. Hemm taqsimiet bħal m’huma r-Rapid Intervention Unit u l-Special Inervention Unit li minħabba r-raġuni tax-xogħol tagħhom l-istess taħriġ huwa parti mix-xogħol kontinwu tagħhom.
Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri - Rapporti annwali
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali kollha li ġew ippreżentati lilu mill-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri kif obbligat ai termini ta’ S.L. 260.07 f’regolament 7?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li dan ir-rapport ser ikun konkluż fil-viċin u jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin - Psikjatri li ġew ingaġġati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il psikjatra ġie ingaġġat mal-Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin matul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għandha ngaġġat magħha fuq bażi ta’ servizz bi ħlas Direttur tal-Psikjatrija, Psikjatra u High Specialist Trainee. Filwaqt li l-Aġenzija għandha wkoll ftehim mad-Dipartiment tas-Saħħa sabiex Konsulent Psikjatra jagħti servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex persuna tkun eleġibbli biex tinħatar uffiċjal korrettiv, u jekk isirux xi eżamijiet mediċi? Jekk iva, jista’ jgħid min huma l-psikjatri jew tobba li jagħmlu dan l-eżami?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-aħħar sejħa li ħarġet, filwaqt li ninsab infurmat li l-kandidati jiġu nvistati minn tobba li huma impjegati tal-Aġenzija. F’każ li t-tabib li jkun invista l-kandidat jemmen, dejjem skont il-ġudizzju professjonali tiegħu, li l-kandidat għandu jkollu bżonn vista psikjatrika, il-kandidat jiġi riferut għal-vista minn psikjatra li joffri s-servizzi tiegħu lill-istess Aġenzija.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Membri tal-Forzi Armati fuq bażi part-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jissejħu biex jaħdmu fuq bażi part-time fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex kwistjoni ta’ sigurtà, problema fl-ingaġġ ta’ uffiċjali korrettivi, il-popolazzjoni fil-ħabs jew xi raġuni oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar snin l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi tejbet il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħha u baqgħet tissaħħaħ b’diversi reklutaġġi ġodda.
Minn naħa l-oħra din l-opportunità lil persuni b’esperjenza f’Korpi Dixxiplinati oħra tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, li qed isiru wkoll f’kuntest fejn is-servizzi mogħtija mill-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi qed jibqgħu jkunu dejjem imsaħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet minn uffiċjali tal-infurzar fit-toroq speċifikament għal persuni li m’għandhomx dokumentazzjoni valida biex ikunu fil-pajjiż mis-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il persuna nstabet li m’għandhiex il-permessi meħtieġa biex tkun fil-pajjiż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tagħha, ħafna drabi assistita minn uffiċjali ta’ aġenziji tal-infurzar oħra, f’dawn il-gżejjer. Fost dawn saru spezzjonijiet f’toroq u lokalitajiet oħra fejn kienu nvoluti uffiċjali mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni biex jidentifikaw persuni ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’dawn il-gżejjer bi ksur tal-liġi, u li jinkludi persuni li m’għandhomx dokumentazzjoni valida biex ikunu fil-pajjiż u li jinkludi minn jabbuża mis-schengen. Mis-sena 2025 sal-15 ta’ Frar 2026 saru tlett mija u seba’ u erbgħin (347) spezzjoni minn din it-Taqsima, li filwaqt li l-maġġoranza assoluta ta' dawk spezzjonati kienu konformi mal-liġi, ġew identifikati seba’ mija u tmienja u għoxrin (728), persuna minn pajjiżi terzi li ttieħdu proċeduri kontrihom.
Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Ċaqliq fil-bini - Azzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet kellmux lir-residenti milquta miċ-ċaqliq tal-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, f’Santa Venera? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet fil-konfront ta’ kull min kien jew huwa fil-periklu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 34344 fejn intqal li l-Awtorità għal Bini u Kostruzzjoni għamlet laqgħat mar-residenti tat-toroq msemmija kif ukoll mal-periti tal-proġett u s-Sindku ta’ Santa Venera. F’din il-laqgħa ġie spjegat li s-sitwazzjoni se tibqa’ tiġi assesjata u li se jsir iżjed xogħol ta’ prekawzjoni. Qed jiġu assessjati l-proprjetajiet li minnhom ġew evakwati familji biex jiġi determinat jekk dawn jistgħux jitħallew jidħlu lura b’mod sigur. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li l-uffiċjali tal- Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol ukoll kellmu r-residenti waqt li kienu fuq is-sit dakinhar li ġie rappurtat il-każ u saret l-ewwel spezzjoni. L-uffiċjali ta’ l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol għamlu żjarat oħra sabiex jaċċertaw li l-ordnijiet qed jiġu esegwiti, u ma hemm l-ebda periklu relatat mas-sit imsemmi. L-ordnijiet li nħarġu mill- Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol għadhom effettivi sakemm id-dokumentazzjoni mitluba tintbagħat kif ordnata u tiġi evalwata. Spezzjonijiet ta’segwietu ser jibqgħu issiru sakemm l-istess Awtorità tassigura li sit huwa sigur.
Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini - Familji li ġew evakwati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja nħarġet minn darha għal raġunijiet ta’ sigurtà wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026 u kemm minnhom irritornaw? Jista’ jgħid ukoll meta l-familji l-oħrajn se jiġu assigurati li jistgħu jidħlu lura fi djarhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li b’kollox ġew evakwati sitt familji li ser jibqgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa mill-BCA u se jibqgħu f’akkomodazzjoni alternattiva sakemm il-proprjetajiet tagħhom ikunu dikjarati li ma hemmx periklu. Il-BCA flimkien mal-OHSA, bħal ma dejjem għamlu, se jibqgħu f’kuntatt kontinwu mal-partijiet kollha u jkunu qed jaraw li jiġu salvagwardjati l-interessi u d-drittijiet tat-terzi affettwati u kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha involuti. Ġa la darba l-proprjetajiet tagħhom jiġu dikjarati siguri mill-Perit tal-proġett u kif ukoll minn periti oħrajn, dawn il-familji jkunu jistgħu jirritornaw lura lejn djarhom.
Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini - Pjan ta’ azzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan ta’ azzjoni hemm fis-seħħ wara li numru ta’ familji kellhom jiġu evakwati minn darhom għal raġunijiet ta’ sigurtà, wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-għada tal-każ imsemmi, u ċioe’ nhar it-Tnejn 9 ta’ Frar, saret laqgħa bejn il-BCA, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera, ir-residenti affettwati miċ-ċaqliq tal-bini fi Triq Misraħ il-Barrieri u Triq is-Soll flimkien ma’ resident oħra fl-imsemmija toroq. Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-kuntrattur u l-iżvilupattur tal-proġett. Il-laqgħa kienet indirizzata mis-Sindku ta’ Santa Venera, s-Sur Gian Luca Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, l-Perit Roderick Bonnici, u l-Perit tal-proġett, Anthony Robinson. Fil-laqgħa ntqal li s-sitwazzjoni se tibqa’ tiġi assessjata u li aktar xogħol ta’ prekawzjoni kien se jitkompla, fil-fatt qed jiġu assesjati wkoll il-proprjetajiet li minnhom ġew evakwati l-familji biex jiġi determinat jekk dawn jistgħux jitħallew jidħlu lura b’mod sigur. Sadanittant il-BCA se tibqa’ tipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lil dawn il-familji affettwati. Ix-xogħlijiet kollha, fuq is-sit ta’ kostruzzjoni, huma mwaqqfa u l-BCA u l-Kunsill Lokali se jkunu qed jevalwaw il-permessi kollha approvati fiż-żona minħabba l-possibbiltà ta’ proprjetajiet oħrajn mibnija fuq fondazzjonijiet fraġli fl-istess żona. F’dan il-proċess se jkunu qegħdin jiġu notifikati l-periti u l-iżviluppaturi biex jintlaħaq ftehim ta’ metodu ta’ xogħol qabel jibdew ix-xogħlijiet.
Ninforma lill-Onor Interpellant ukoll li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol ħarġet “Stop Order” lil kuntrattur, “Stop Order” lis-sid tal-binja u “Stop Order” lil Project Supervisor, fejn intalab li x-xogħol jieqaf u jsir biss xogħol ta’ rimedju sabiex is-sit ikun sigur. Intalab ukoll evalwazzjoni tar-riski inkluż kif ser issir ix-xogħol ta’ rimedju.
Santa Venera - Triq Misraħ il-Barrieri - Rapporti dwar ċaqliq fil-bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prekawzjonijiet li ttieħdu wara r-rapporti mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar ċaqliq fil-bini fl-akkwati ta’ Triq Misraħ il-Barrieri, Santa Venera fi Frar 2026?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Awtoritá tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) kienet qed issegwi s-sit inkwistjoni u l-bini ta’ madwaru għal madwar xahar, fosthom permezz ta’ crack monitors. Mall-ewwel moviment fil-bini, nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar filgħodu, il-BCA intervjenit minnufih u saru l-evakwazzjonijiet meħtieġa bħala prekawzjoni. Dawk il-familji li nħarġu minn djarhom ġew provduti b’akkomodazzjoni alternattiva sakemm il-bini rispettiv tagħhom jiġi dikjarat sigur. Dakinhar stess, tal-Ħadd 8 ta’ Frar, filgħaxija sar xogħol ta’ prekawzjoni b’emerġenza f’waħda mill-proprjetajiet biswit is-sit ta’ kostruzzjoni. Ix-xogħlijiet saru kollha mill-iżvilupattur tal-proġett taħt is-superviżjoni tal-perit tal-proġett u l-periti tat-terzi u kienu jikkonsistu fl-irfid tal-binja fost oħrajn.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34242 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm-il ċittadin ta’ pajjiżi terzi (TCNs) ma kellux il-permess ta' residenza mġedded? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ma applikawx biex iġeddu l-permess u kemm minnhom kellhom il-permess imġedded, mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u jaqsam din l-informazzjoni f'kolonni separati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-lista ta’ permessi ta’ residenza, kemm dawk mġedda kif ukoll dawk li ma ġewx imġedda, huma ndikati fit-tabella t’hawn taħt, maqsuma xahar b’xahar.
Sena
Xahar
TCNs li ma kellhomx il-permess ta' residenza mġedded
TCNs li kellhom il-permess ta' residenza mġedded
2024
Jan
1,616
1,408
2024
Feb
1,375
1,463
2024
Mar
1,400
1,933
2024
Apr
2,431
2,803
2024
May
1,720
2,574
2024
Jun
1,051
2,345
2024
Jul
992
2,151
2024
Aug
891
2,231
2024
Sep
928
2,338
2024
Oct
845
2,216
2024
Nov
1,024
2,730
2024
Dec
702
2,088
2025
Jan
1,521
1,736
2025
Feb
1,351
1,797
2025
Mar
1,312
2,092
2025
Apr
2,309
2,888
2025
May
1,345
2,687
2025
Jun
804
2,329
2025
Jul
1,290
2,526
2025
Aug
891
2,629