Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-total ta’ vetturi liċenzjati fil-pajjiż sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ikklassifikati bħala: karozzi privati, muturi, vetturi tal-merkanzija, vetturi tal-kiri, vetturi bil-Y-plate, taxis, karozzi tal-linja, trakkijiet u vetturi oħra? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ reġistrazzjonijiet ġodda, dereġistrazzjonijiet, vetturi skrappjati u vetturi esportati matul l-aħħar għaxar snin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninfora lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.
Malta u Għawdex – Karreġġjati riżervati għall-karozzi tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kilometri ta’ karreġġjati riżervati għall-karozzi tal-linja li bħalissa huma operattivi f’Malta u Għawdex u jidentifika fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll liema karreġġjati ġodda għall-karozzi tal-linja, punti ta’ aċċess ikkontrollat magħrufa bħala “bus gates”, sistemi li jagħtu prijorità lill-karozzi tal-linja fid-dwal tat-traffiku u sistemi ta’ infurzar permezz ta’ cameras, huma ppjanati, flimkien mal-baġit u d-data mistennija għat-tlestija ta’ kull miżura?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fid-dawl tat-tħejjijiet għall-konċessjoni l-ġdida tat-trasport pubbliku li mistennija tidħol fis-seħħ fl-2030, bħalissa għaddejjin diversi studji bħala parti min Malta in Motion, b’mod partikolari dawk relatati mad-disinn mill-ġdid tan-network tat-trasport pubbliku u mal-Intelligent Transport Systems.
Transport Malta u l-Malta Public Transport – Ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew ilmenti Transport Malta u l-Malta Public Transport dwar:
i. iffullar żejjed;
ii. karozzi tal-linja li ma waslux;
iii. karozzi tal-linja li ma waqfux;
iv. ħinijiet twal ta’ stennija;
v. informazzjoni mhux korretta f’ħin reali;
vi. aċċessibbiltà;
vii. l-imġiba tas-sewwieqa; u
viii. l-arja kkundizzjonata,
matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jipprovdi ċ-ċifri skont ir-rotta u x-xahar, flimkien mal-ħin medju li ttieħed biex ġie indirizzat kull ilment?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninfora lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi tal-linja għad-dispożizzjoni tagħha l-kumpanija li tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku, ikklassifikati skont il-mudell, l-età, it-tip ta’ fjuwil, in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-kapaċità totali awtorizzata? Jista’ jgħid ukoll:
i. kemm karozzi tal-linja jitħaddmu fil-ħinijiet tal-ogħla domanda filgħodu u filgħaxija;
ii. x’inhu n-numru medju ta’ karozzi li kuljum ma jkunux disponibbli minħabba manutenzjoni jew ħsarat mekkaniċi; u
iii. jekk nuqqas ta’ karozzi tal-linja jew ta’ sewwieqa wassalx għall-kanċellazzjoni ta’ vjaġġi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar il-karozzi tal-linja għad-dispożizzjoni tal-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku, ikklassifikati skont il-mudell, is-sena tal-manifattura, it-tip ta’ fjuwil, in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-kapaċità totali awtorizzata, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kapaċità tal-passiġġieri hija stabbilita fiċ-Ċertifikat ta’ Konformità tal-vettura.
L-ispezzjonijiet u l-manutenzjoni regolari tal-vetturi jsiru matul il-lejl, tal-inqas darba fix-xahar, sabiex matul il-ġurnata l-kumpanija jkollha l-vetturi meħtieġa biex tipprovdi s-servizz ikkuntrattat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta lestietx ir-reviżjoni tal-metodoloġija użata fl-ispezzjonijiet dwar l-iffullar żejjed fil-karozzi tal-linja, kif imħabbar f’Lulju 2026? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
i. il-metodoloġija preċedenti u dik riveduta;
ii. id-data meta bdiet tintuża l-metodoloġija l-ġdida;
iii. ir-rotot, il-postijiet u l-ħinijiet koperti mill-ispezzjonijiet; u
iv. in-numru ta’ każijiet ta’ iffullar żejjed identifikati bil-metodoloġija l-ġdida?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Trasport pubbliku – Karozzi tal-linja li ma waqfux biex itellgħu l-passiġġieri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati każijiet fejn karozza tal-linja ma waqfitx biex ittella’ passiġġieri minħabba li kienet mimlija, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi ċ-ċifri skont ir-rotta, il-waqfa, id-direzzjoni, ix-xahar u l-ħin tal-ġurnata, u jispjega kif dawn il-każijiet qegħdin jiġu identifikati u rreġistrati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid, separatament għal kull rotta, liema perċentwal tal-karozzi tal-linja telaq fil-ħin u liema perċentwal wasal fil-ħin, skont l-istandards stabbiliti fil-kuntratt tal-obbligu ta’ servizz pubbliku minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-għaxar rotot bl-agħar livell ta’ puntwalità u x’miżuri korrettivi ġew ordnati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid, separatament għal kull rotta tat-trasport pubbliku:
i. kemm kien hemm vjaġġi skedati;
ii. kemm minnhom effettivament saru;
iii. kemm ġew ikkanċellati jew twaqqfu qabel waslu fid-destinazzjoni;
iv. kemm-il kilometru ta’ servizz ma sarx; u
v. ir-raġuni għal kull kanċellazzjoni jew terminazzjoni bikrija,
minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ wkoll iqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid:
i. jekk il-Ministeru għamilx xi studju dwar kif l-inabbiltà li tinkiseb assigurazzjoni fuq il-ħajja qed taffettwa l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), partikolarment dawk b'familji żgħar jew dawk li qed jippruvaw jiksbu self għad-djar (home loans);
ii. kemm kien hemm każijiet fl-aħħar ħames snin fejn familji ta' suldati tal-AFM li tilfu ħajjithom jew weġġgħu serjament spiċċaw f'diffikultajiet finanzjarji minħabba n-nuqqas ta' polza tal-assigurazzjoni kummerċjali; u
iii. x'inhi r-raġuni li sal-lum, minkejja r-riskji inerenti fil-professjoni militari, l-Istat għadu ma intervjeniex biex joffri soluzzjoni komprensiva u permanenti għal din il-lakuna fil-protezzjoni soċjali tas-suldati tagħna?
B'referenza għad-diskrepanzi li jeżistu bejn il-korpi dixxiplinati differenti fir-rigward tal-koperturi tal-assigurazzjoni, jista’ l-Ministru:
i. jgħid kif iqabbel is-sitwazzjoni attwali tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ma' dik ta' membri ta’ korpi dixxiplinati oħra, bħall-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fejn jidħol aċċess għal poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u benefiċċji f'każ ta' mewt;
ii. jipprovdi rendikont ta' liema skemi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja jeżistu bħalissa, jekk hemm, għall-membri tal-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li mhumiex disponibbli għall-AFM; u
iii. jgħid jekk hemmx pjan konkret u marbut biż-żmien biex tiġi żgurata l-ugwaljanza fil-benefiċċji u biex jiġi ggarantit li l-membri kollha tal-AFM ikollhom aċċess għal assigurazzjoni fuq il-ħajja adegwata?
AFM – Poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja – Diffikultajiet
Question
Fid-dawl tad-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-membri tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM) biex jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, jista’ l-Ministru:
i. jgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex jindirizza din is-sitwazzjoni, u jekk hemmx xi pjanijiet biex tiġi introdotta skema ta' assigurazzjoni tal-grupp (group insurance scheme) iffinanzjata jew appoġġjata mill-Istat għall-militar; u
ii. jgħid x'negozjati qed isiru mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni lokali, jew x'azzjoni leġiżlattiva qed tiġi kkunsidrata biex jiġi żgurat li dawk li jservu f'uniformi ma jiġux diskriminati meta jippruvaw jipproteġu lill-familji tagħhom finanzjarjament?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Forza tas-Servizzi Korrettivi, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika n-numru ta' uffiċjali f'kull wieħed mill-gradi li ġejjin:
i. Uffiċjali Korrettivi;
ii. Surġenti Korrettivi;
iii. Surġenti Maġġuri Korrettivi;
iv. Spetturi Korrettivi;
v. Spetturi Korrettivi Anzjani; u
vi. Supretendenti Korrettivi?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi timpjega total ta’ 425 uffiċjal, li jinkludu 332 Uffiċjal Korrettiv, 42 Surġent Korrettiv, 32 Surġent Maġġur Korrettiv, 14 Spettur Korrettiv u 5 Spetturi Korrettivi Anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid:
i. kemm Spetturi Korrettivi irtiraw mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi matul l-aħħar ħames snin, u jindika s-sena li fiha seħħ kull irtirar;
ii. kemm minn dawn il-karigi vakanti, ġew mimlija permezz ta' promozzjonijiet ġodda; u
iii. jekk għad hemm karigi ta' Spetturi Korrettivi vakanti li ma ġewx mimlija, għaliex sal-lum ma nħarġitx sejħa għall-promozzjonijiet sabiex jimtlew dawn il-karigi fi ħdan din l-aġenzija?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar ħames snin kien hemm erba’ spetturi li rtiraw, hekk kif indikat fit-tabella t’hawn taħt.
· 2022 - Spettur Korrettiv Klassi II
· 2023 - 0
· 2024 - 0
· 2025 - 2 Spetturi Korrettiv Klassi II
· 2026 - Spettur Korrettiv Klassi II
L-Aġenzija qed tevalwa l-aktar żmien opportun għall-ħruġ tas-sejħa għall-promozzjoni għall-grad ta’ Spettur Korrettiv, skont l-esiġenzi tas-servizz u skond il-ftehim kollettiv tal-Aġenzija.
Jista' l-Ministru jgħid:
i. kemm hemm avukati ingaġġati mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, u jindika kemm minnhom huma impjegati fuq bażi full-time, part-time, jew bħala persons of trust;
ii. x'inhuma r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet assenjati lil kull wieħed minn dawn l-avukati; u
iii. x'inhi r-remunerazzjoni annwali, inklużi s-salarju u kwalunkwe allowances jew benefiċċji oħra, li jirċievi kull wieħed minn dawn l-avukati?
Politika dwar il-Migrazzjoni tax-Xogħol – Infurzar u riżorsi
Question
B’referenza għall-implimentazzjoni tal-Politika dwar il-Migrazzjoni tax-Xogħol tal-2025 u l-infurzar tagħha, jista’ l-Ministru jgħid:
i. kif beħsiebu jinforza b'mod effettiv ir-regoli aktar stretti tal-permess uniku u l-monitoraġġ tar-rata ta' terminazzjoni tal-impjegaturi introdotti mill-Politika, fid-dawl tar-restrizzjonijiet tar-riżorsi fl-Identità u fil-Korp tal-Pulizija ta' Malta;
ii. x'riżorsi addizzjonali ġew allokati lill-Identità u lill-Korp tal-Pulizija speċifikament biex jimmaniġġjaw il-Kors ta' Qabel it-Tluq obbligatorju u l-elementi tal-pass tal-ħiliet; u
iii. kif qed jindirizza il-preokkupazzjonijiet dwar l-ordni pubblika f'żoni b'konċentrazzjonijiet għoljin ta' ħaddiema ċittadini ta' pajjiżi terzi (TCNs), lil hinn mill-introduzzjoni ta' multi fuq il-post?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mistoqsijiet relatati mal-implimentazzjoni Politika dwar il-Migrazzjoni tax-Xoghol għandhom jiġu riferuti lill-Ministeru kkonċernat.
Ninsab infurmat li, fil-kuntest tal-kontrolli u r-rondi li twettaq, il-Pulizija ser tkompli tivverifika li persuni ta’ pajjiżi terzi jkollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti meħtieġa u permess ta’ residenza validu. Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija mhijiex involuta fil-proċess relatat mal-Kors Obbligatorju ta’ Qabel it-Tluq u mal-elementi tal-pass tal-ħiliet.
Fir-rigward tal-ordni pubblika, il-Pulizija ser tkompli tindirizza kwalunkwe sitwazzjoni permezz ta’ preżenza u sorveljanza adegwata fiż-żoni affettwati, kif ukoll permezz tal-infurzar tal-liġi fejn ikun meħtieġ. Dan isir b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-aġenziji kkonċernati, kif ukoll mal-komunitajiet lokali tal-lokalitajiet rispettivi. Fejn ikun hemm
problemi speċifiċi, dawn ser jibqgħu jiġu indirizzati, u tali azzjoni dejjem tittieħed irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-istatus ta’ persuni li jiksru il-liġi.
B’referenza għall-qafas tal-Att dwar is-Servizz tas-Sigurtà tal-1996, jista’ l-Ministru jgħid:
i. x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dak li ħareġ fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Privatezza fejn intqal li s-sistema attwali, li l-Ministru responsabbli mill-Intern għandu l-awtorità li joħroġ mandati ta' interċettazzjoni mingħajr sorveljanza ġudizzjarja, hija fundamentalment difettuża;
ii. jekk il-Gvern hux se jimpenja ruħu li jemenda l-Att biex jittrasferixxi l-awtorità tal-mandat ta' interċettazzjoni lill-ġudikatura u jistabbilixxi kumitat parlamentari permanenti għas-sorveljanza tas-sigurtà; u
iii. kif se jkun indirizzat in-nuqqas ta' sorveljanza indipendenti fuq is-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta, partikolarment fid-dawl tal-każ reċenti ta' wiretapping fil-ħabs?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
L-Onor Interpellant għandu jkun infurmat illi mistoqsijiet dwar is-Servizz tas-Sigurta jkunu mwieġba fil-Kumitat tas-sigurta mwaqqaf skont l-Artikolu 14 tal-Kap 391 tal-Liġijiet ta’ Malta
Detenzjoni illegali ta' tfal – Riformi/bidliet leġiżlattivi u operazzjonali
Question
B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECtHR) J.B. and Others v. Malta f'Ottubru 2024, li kkundannat id-detenzjoni illegali ta' tfal f'kundizzjonijiet koroh, jista’ l-Ministru jgħid:
i. x'bidliet leġiżlattivi u operazzjonali ġew promulgati biex jiġi żgurat li l-minorenni qatt ma jerġgħu jinżammu ma' adulti mingħajr appoġġ edukattiv;
ii. għaliex il-Gvern naqas milli jirriforma l-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni (IAB), li l-ECtHR sab li kien nieqes mill-imparzjalità u l-indipendenza meħtieġa taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; u
iii. kif jiġġustifika l-prattika li l-biċċa l-kbira tal-wasliet ġodda awtomatikament jinżammu għal madwar xahrejn għal raġunijiet ta' saħħa pubblika, minkejja deċiżjonijiet ripetuti li dan huwa illegali?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:
(i)
Il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 420.09, li tittrasponi d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza (Recast), tistipula li, fejn minuri mhux akkumpanjati jinżammu f’detenzjoni, dawn għandhom jiġu akkomodati separatament mill-adulti.
Bħala regola ġenerali, minuri, kemm akkumpanjati kif ukoll mhux akkumpanjati, ma jinżammux f’detenzjoni. Minuri mhux akkumpanjati jitqiegħdu taħt il-kura tal-Aġenzija għall-Benesseri ta’ Dawk li jfittxu l-Ażil (AWAS) u jiġu akkomodati f’ċentru apposta għalihom.
F’ċirkostanzi fejn jinħareġ ordni ta’ detenzjoni fir-rigward ta’ individwu li jiddikjara li huwa minuri mhux akkumpanjat, iżda li l-età tiegħu tkun għadha ma ġietx ivverifikata mill-Awtorità kompetenti, dik il-persuna tiġi akkomodata f’żona apposta fi ħdan iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi, maħsuba esklussivament għal persuni allegatament minuri.
Għandu jiġi nnutat ukoll li, fil-każ
J.B. u Oħrajn vs Malta
quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECtHR), l-individwi kkonċernati inizjalment inżammu flimkien ma’ adulti minħabba li, mal-iżbark tagħhom f’Malta, iddikjaraw li kienu adulti.
Sussegwentement, huma sostnew li kienu minuri mhux akkumpanjati waqt li kienu qed jappellaw kontra l-ordni ta’ detenzjoni tagħhom. Din l-informazzjoni waslet għand l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni fi stadju aktar tard u, minnufih malli din l-informazzjoni saret magħrufa, l-individwi ġew trasferiti għal sezzjoni separata, f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli.
(ii)
Il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni huwa bord indipendenti u imparzjali li għandu l-mandat li jisma’ firxa wiesgħa ta’ appelli relatati mal-immigrazzjoni, inklużi appelli kontra deċiżjonijiet ta’ ritorn, ordnijiet ta’ detenzjoni, deċiżjonijiet dwar l-assessjar tal-età, kif ukoll deċiżjonijiet dwar permessi ta’ residenza maħruġa minn Identità.
F’Awwissu 2025, il-Gvern introduċa sensiela ta’ emendi leġiżlattivi mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza u l-funzjonament ġenerali tal-Bord. Dawn kienu jinkludu t-twaqqif ta’ Diviżjoni addizzjonali ppreseduta minn membru li jopera fuq bażi full-time, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ regoli proċedurali ċari u skadenzi definiti għad-determinazzjoni tal-appelli.
Dawn ir-riformi diġà taw riżultati pożittivi, kif rifless fit-tnaqqis tal-għadd ta’ każijiet pendenti minn 5,027 każ fl-aħħar ta’ Lulju 2025 għal 3,336 każ fl-aħħar ta’ Awwissu 2026.
(iii)
Għall-kuntrarju ta’ dak li huwa implikat fil-mistoqsija, wara l-iżbark wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ, l-individwi kkonċernati jinżammu f’detenzjoni għal perjodu qasir, ġeneralment li ma jaqbiżx sebat ijiem, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika.
Ladarba jitlestew il-proċeduri ta’ skrutinju meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti, id-detenzjoni tista’ tiġi kkunsidrata skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 420.09 għal dawk li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, jew skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 217.12 għal dawk li ma japplikawx għall-ażil u għalhekk ikunu soġġetti għal proċeduri ta’ ritorn.
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ordnijiet ta’ detenzjoni jinħarġu biss wara assessjar individwali ta’ kull każ u ladarba jiġi stabbilit li alternattivi inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv.
Barra minn hekk, l-ordnijiet ta’ detenzjoni huma soġġetti għal rieżami awtomatiku mill-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni fi żmien massimu ta’ 21 jum, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex validi jew le, u għal rieżami regolari kull xahrejn minn hemm ’il quddiem.
Fid-dawl tar-rapport tal-Ombudsman ta' Jannar 2025 li espona "s-soġġezzjoni intenzjonata u sistematika ta' xi priġunieri għal trattament degradanti" taħt id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ta’ dak iż-żmien, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru:
i. jgħid jekk hux se jieħu pożizzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtar lil din il-persuna bħala r-rappreżentant speċjali ta' Malta fil-Libja;
ii. jgħid x'riformi speċifiċi ġew implimentati fid-dawl tar-rapport tal-Ombudsman; u
iii. jgħid kif qed ikun indirizzat in-nuqqas sever ta' madwar 100 uffiċjal korrettiv biex jiġi evitat ir-riskju ta’ burnout tal-istaff u r-rijabilitazzjoni tal-priġunieri ma tkunx kompromessa?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandi fiduċja assoluta fix-xogħol li qed iwettaq il-persuna li isimha qed jingħata separatament.
Rifortmi fil-Ħabs isiru kontiwament. Dwar l-ingaġġ ta’ uffiċjali kienu konklużi ingaġgi ta’ madwar 50 uffiċjal korrettiv. Ninfurmah ukoll li fil-5 t’Ottubru beda ngaġġ ieħor ta’ madwar 25 rekluta. Dan juri l-impenn tal-Aġenzija sabiex tieħu ħsieb kemm l-istaff tagħha kif ukoll il-persuni ġewwa l-ħabs.
LESA – Trasferiment tal-punti ta’ penali – Inkjesta maġisterjali
Question
B’referenza għall-inkjesta maġisterjali li nfetħet f'Settembru 2024 dwar allegazzjonijiet ta’ trasferiment tal-punti ta' penali fl-Aġenzija għas-Sistema ta' Infurzar Lokali (LESA), jista’ l-Ministru:
i. jipprovdi aġġornament dwar il-progress ta' din l-inkjesta u jimpenja ruħu li jippubblika l-konklużjonijiet sħaħ tagħha ladarba titlesta;
ii. jgħid x'investigazzjonijiet interni twettqu dwar l-allegazzjonijiet li s-sistema tal-IT kienet immanipulata mill-istaff tal-LESA biex multi tat-traffiku jkunu trasferiti minn sewwieqa Maltin għal turisti barranin li ma jissuspettaw xejn;
iii. jikkonferma li multi tal-ipparkjar li jammontaw għal €33,500 maħruġa lil operatur ewlieni tat-trasport ġew maħfura mill-Kap Eżekuttiv tal-LESA; u
iv. jgħid x'passi qed jittieħdu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku fl-aġenzija?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant illi bħala Ministru għall-Intern tajt il-kelma tieghi lill-poplu Malti u lil Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg illi mhux se nkun qed nindaħal fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Di piu din il-materja hija wkoll soġġetta għall-inkjesta maġisterjali u lanqas kieku rrid m’mħandi viżibilta tagħħa.