Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Kostruzzjoni

Question

B’referenza għall-artiklu ta’ Lovin Malta, li qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità tal-Kostruzzjoni u awtoritajiet oħra biex jassiguraw li ma jiġrix inċident ieħor bħal dak li ħasad il-ħajja tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li l-Awtorita’ għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħadet kull miżura li tippermettilha l-Liġi biex ikun dejjem assigurat li d-Drittijiet ta’ Terzi jkunu mħarsa. Infurmat ukoll li l-BCA kienet f'kuntatt dirett mal-familja Montebello.
Leg 13 PQ #20728 Sitting 454 2021-04-28 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Proċess fir-riforma edukattiva

Question

B’referenza għall-artiklu intitolat Lost in time: education reform -The Teaching and Allied Professions Act has remained on paper (kif jidher anness ma’ din il-mistoqsija parlamentari) miktub mill-Professur Sandro Caruana eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tar-riforma edukattiva?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20556.

Premjijiet tat-tiġrijiet – ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-premjijiet tat-tiġrijiet ilhom ma’ jitħallsu minn Jannar? Tista’ tgħid għaliex meta r-reġistrazzjonijiet tal-owners jitħallsu qabel u mhux wara? Tista’ tgħid jekk din hux sempliċi każ ta’ traskuraġni jew ta’ klabb li falla finanzjarjament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

EquestriMalta – Kap eżekuttiv

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20422 tista’ l-Ministru tgħid min mela l-kariga ta' Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta? Meta u fejn ħarġet l-applikazzjoni pubblika? Kemm applikaw għal din il-kariga? Min kienu l-membri fil-bord tal-għażla? X'kundizzjonijiet għandu l-Kap Eżekuttiv?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta mtliet mis-Sur Max Zammit. L-applikazzjoni ġiet pubblikata fis-7 ta’ Frar 2021 fuq il-gazzetta The Sunday Times u fuq il-websajt tal-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalita’ tal-Ħajja u ġew riċevuti żewġ applikazzjonijiet. Il-membri fil-bord tal-għażla kienu s-Segretarju Permanenti ta’ dan l-istess Ministeru u żewg uffiċjali pubbliċi li huma rrtirati. S-salarju tal-Kap Eżekuttiv huwa mqabbel ma’ skala 3 tas-Servizz publiku.
Leg 13 PQ #20680 Sitting 453 2021-04-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Introduzzjoni ta’ Teknoloġija edukattiva

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20420 tista’ l-Ministru tagħti timeframe ta’ meta se tiddaħħal it-teknoloġija edukattiva l-ġdida? Tista’ tgħid min qiegħed jaħdem fuq din l-introduzzjoni? Tista’ tpoġġi l-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li filwaqt li f’pajjiżna diġà għandna pjattaforma diġitali u teknoloġika b’saħħitha, ġie konkluż studju dwar x’inhuma l-aħjar modi ta’ kif tiġi introdotta teknoloġija ġdida. Issa qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji biex jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ xiri tal-kontenut diġitali. Hu maħsub li fl-ewwel fażi, l-għalliema mistennija jingħataw taħriġ dwar il-kontenut diġitali għat-tagħlim u l-assessjar. Min-naħa tal-MFED hemm involuti bosta dipartimenti, filwaqt li qed isiru wkoll diskussjonijiet b'mod regolari mal-partijiet konċernati.
Leg 13 PQ #20681 Sitting 453 2021-04-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Eżamijiet tal-Matsec

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20429, tista’ l-Ministru tispeċifika li l-eżamijiet tal-MATSEC se jsiru kif kien stipulat iżda tmexxew għal data iktar tard? Se jsiru kif stipulat? Jew se jsiru aktar tard?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-eżamijiet tas-SEC u tal-Matrikola mistennija jsiru fi żmien stipulat kif tħabbar f’Ottubru 2020 skont l-iskeda tal-eżamijiet. L-eżamijiet qed ikunu iktar tard mis-sessjonijiet preċedenti minħabba l-pandemija. Dawn ser isiru skont il-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Leg 13 PQ #20682 Sitting 453 2021-04-27 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Eżamijiet tal-Benchmark

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm tibdil fid-dati ta’ meta se jsiru l-eżamijiet tal-benchmark fis-sitt sena tal-primarja? Jekk iva, għaliex inħass il-bżonn li jsir dan?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li minħabba li jridu jinżammu l-miżuri tas-saħħa, l-eżamijiet tal-Benchmark se jsiru fuq tlett (3) ijiem minflok fuq ħamest (5) ijiem kif kien isir qabel il-pandemija.

Mtarfa – Triq l-Anzjani – proġett ta’ housing

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 20321, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett fl-inħawi ta’ Triq l-Anzjani l-Imtarfa? Għal meta hu ppjanat? X’ser isir mill-Mtarfa Drama Group u l-Iscout Groups li jużaw proprjetà pubblika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan il-Ministeru ma għandu l-ebda proġett ippjanat fi Triq L-Anzjani, l-Imtarfa.
Leg 13 PQ #20555 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Funerali – sussidju tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu s-sussidju tal-VAT fuq il-funerali? Kemm ilha li saret l-iskema u kemm ilha ma tiġi aġġustata? Hemm xi ħsieb li din tiġi aġġustata issa li għolew l-ispejjeż tal-funeral?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema kurrenti ta’ għotja għal spejje¿ ta’ funerali u servizzi oħra ġiet fis-seħħ permezz ta’ Notifika tal-Gvern Nru 965 tat-23 ta’ Settembru 2014, li rrevokat l-iskema ta’ qabel li kienet ġiet fis-seħħ permezz ta’ Notifika tal-Gvern Nru 585, tal-11 ta’ Lulju 2001. L-iskema hija forma ta’ għotja ta’ 13.04% tan-nefqa rapportata fuq kull applikazzjoni eliġibbli, sa massimu ta’ Ewro 175. Aġġustamenti fil-mizuri ezistenti jiġu evalwati u ikkunsidrati għal Budget li jmiss.
Leg 13 PQ #20556 Sitting 452 2021-04-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Att li jirregola l-Professjonijiet fl-Edukazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jidħol fis-seħħ l-Att li jirregola l-professjonijiet fl-Edukazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista ta’ direttiva tal-UE, qed issir ri-evalwazzjoni intiera. Dan sabiex nassiguraw konformità sħiħa u nevitaw infringements kontra pajjiżna.

Korsa tal-Marsa – ramel

Question

Wara li l-Ministru ċaħdet li r-ramel tal-Korsa tal-Marsa kien ħażin u li qed iweġġgħu ż-żwiemel u allura ma kellux għalfejn jinbidel ir-ramel, meta wara biss ftit ġranet is-Segretarju Parlamentari niżel il-Korsa u wiegħed li se jinbidel ir-ramel, u wara li l-Ministru wegħditni li r-ramel tal-korsa kien se jinbidel il-ġimgħa li għaddiet u wara li l-Kumitat tal-Korsa tal-Marsa avża lis-sidien taż-żwiemel li l-korsa se tingħalaq biex jingħata r-ramel biex imbagħad skoprew li r-ramel ma kienx tajjeb u reġgħu għalquha, tista’ l-Ministru tgħid meta se jingħata r-ramel tal-Korsa? Tista’ tgħid x’tip ta’ ramel se jingħata? Tista’ tgħid min qed iħallas għar-ramel? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-Korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-ramel beda’ jingħata l-Ħamis 22 t’April u dan huwa tip ta’ ramel li min jaħdem il-korsa b’mod regolari u għandu esperjenza għal numru ta’ snin f’dan is-settur ikkonferma li dan huwa ta’ kwalita’ tajba. Rigward l-aħħar mistoqsija nitolbok tirreferi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20416.

Kunsill tal-Korsa tal-Marsa – rappreżentanti tal-horse owners

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilha ma ssir elezzjoni għar-rappreżentanti tal-horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid jekk in-nuqqas ta’ horse owners fil-Kunsill tal-Korsa tal-Marsa hux konformi ma dak li jitlob l-istatut? Tista’ tpoġġi kopja tal-istatut tal-kunsill fuq il-Mejda tal-Kamra? Fin-nuqqas ta’ rappreżentanti tal-horse owners fil-kunsill, tista’ tgħid min hu dak ir-rappreżentant uffiċjali li qed jitkellem f’isimhom? Dan ir-rappreżentant minn min inħatar, mill-Gvern jew mill-horse owners? U jekk inħatar mill-Gvern, l-interessi ta’ min qed iħares tal-Gvern jew tal-owners?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar elezzjoni tal-horse owners saret bejn l-Ġimgħa 9 ta’ Frar u l-Ħadd 11 ta’ Frar 2018 fejn għall-ewwel darba fl-istorja kien hemm rekord ta’ aktar minn 50% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw biex jaħtru r-rappreżentanti fil-Kunsill. Għalkemm fil-Malta Racing Club jidher li m’hemmx rekord ta’ elezzjonijiet preċedenti, dawn qatt ma’ saru b’mod regolari jew kull sena. L-ebda rappreżentant elett mill-elezzjoni tal-‘horse owners’ ma huwa maħtur mill-Gvern fil-Kunsill tal-Malta Racing Club. Tajjeb li wieħed ifakkar li minkejja li l-Malta Racing Club tkun ta’ sostenn sabiex jiġu organizzati dawn l-elezzjonijiet il-HOADA hija totalment indipendenti mill-Malta Racing Club u l-istess Malta Racing Club ma’ għandu l-ebda obbligu li jorganizza dawn l-elezzjonijiet.

Korsa tal-Marsa – training licence u driving licence

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tiswa training licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm tiswa driving licence għall-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid kemm daħlu flus f’Jannar li għadda minn dawn il-liċenzji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-‘Training licence’ tiswa €125 pero’ ma jeżisti l-ebda ħlas speċifiku bħala ‘driving license’

Korsa tal-Marsa – horse owners reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta’ horse owners reġistrati mal-Korsa tal-Marsa, kemm hu t-total ta’ ġerrejja reġistrati u kemm hu t-total ta’ żwiemel? Tista’ tgħid x’inhu l-valur finanzjarju taż-żwiemel reġistrati magħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-totali mitluba għas-sena preżenti li fl-istess waqt konformi ma’ ħlasijiet li huma obbligati li jitħallsu qabel jibda l-istagun, bħalma dejjem kien, huma dawn; Horse Owners 251, Ġerrejja 242 u żwiemel 511. Ma jeżistix u qatt ma eżista xi forma ta’ reġistru biex wieħed ikun jaf kemm jinxtraw iż-żwiemel. Li hu żgur hu li l-valur ta’ żiemel tat-tiġrija jista jogħla jew jitbaxxa abbażi ta’ numru ta’ ċirkustanzi.

Kumpless Nazzjonali tal-Isparar Ta’ Kandja – ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li qed jaħdmu fil-kumpless nazzjonali tal-isparar ta’ Kandja? Kemm minnhom huma fuq bażi full time, kemm part time u x'inhu r-rwol tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless nazzjonali tal-isparar ta’ Kandja, jaħdmu 13 il-ħaddiem, 12 minnhom ‘full-time’ u 1 ‘part-time’ kif ġej: 1 Maniġer tal-Faċilità 1 ‘Assistant Technical Officer’ 3 ‘Range Technical Officers’ 2 Ħaddiema fil-Manutenzjoni 2 ‘General Hand’ 2 Skrivani 1 ‘Receptionist’ 1 ‘Sport Attendant’

Korsa l-Qadima tal-Marsa – żamma ta’ indafa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-indafa u ż-żamma tal-parti li tagħmel mill-kumpless tal-Korsa l-Qadima tal-Marsa mid-daħla minn Triq Aldo Moro sa taħt il-paddocks tal-Korsa tal-Marsa? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni ttieħdu passi dixxiplinarji kontrihom minħabba rimi ta' skart goff u skart mod ieħor?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti li qed jirreferi għaliha ma’ tagħmilx parti mill-kumpless tal-korsa tal-Marsa u jekk jogħġbu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #20428 Sitting 451 2021-04-21 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Higher Secondary – eżamijiet u lezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum l-istudenti tal-Higher Secondary għad m’għandomx data ta’ meta se jibdew l-eżamijiet? Tista’ tikkonferma jew mod ieħor jekk dawn l-istudenti humiex se jibqgħu jitgħallmu online sal-aħħar tas-sena skolastika jew le u jekk sal-lum dawn l-istess studenti humiex informati b’dan jew le?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmata li f'laqgħa virtwali li saret għall-istudenti ġew infurmati li l-iskola qed tipprepara biex isiru l-eżamijiet matul ix-xahar ta' Ġunju. Ġie spjegat li dawn isiru jekk l-iskejjel ikunu miftuħin, filwaqt li ngħatat dettal dwar il-metodu kif student jiġi promoss għat-tieni sena. Kif ġie uffiċjalment imħabbar mill-awtoritajiet it-tagħlim fil-post-secondary institutions ser jibqa’ online. L-iskola tibqa' tinforma b'kollox lill-istudenti fil-ħin opportun, ta' żviluppi li jista' jkun hemm.
Leg 13 PQ #20429 Sitting 451 2021-04-21 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet dwar l-eżamijiet tal-MATSEC fid-dawl tal-pandemija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet tal-MATSEC ser isiru kif kien stipulat iżda tmexxew għal data iktar tard. Fiċ-ċentri fejn ser isiru l-eżamijiet, ser jiġu rrispettati d-direttivi kollha maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kif sar fis-sessjonijiet tal-2020.

Ħal Qormi — Triq San Bastjan - pavimentar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsijiet parlamentari 15097, 15391, 15392, 15702, jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol ta’ pavimentar imsemmi quddiem il-Knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità aċċettatx ir-rapport ta’ konformità mitlub minnha stess mingħajr verifikazzjonijiet ulterjuri jew jekk għamlitx spezzjonijiet qabel iċċertifikat dan ix-xogħol? X’irriżulta minn dawk l-ispezzjonjiet? Jista’ jqiegħed ir-rapport taċ-ċertifikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x’nuqqasijiet kellu dan il-pavimentar li kienu qed iwasslu għal tant inċidenti ta’ skiddjar f’din it-triq? Jista’ jgħid kif qed jiġu rrimedjati dawk in-nuqqasijiet? X’inhu x-xogħol li qed isir u x’garanziji qed jingħataw li l-iskiddjar jieqaf?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba l-azzjoni industrijali tas-Segretarji Eżekuttivi, din l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #20418 Sitting 450 2021-04-20 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Edukaturi fl-iskejjel tal-istat u tal-knisja — vaċċin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-edukaturi li jgħallmu fl-iskejjel tal-stat u tal-knisja ngħataw l-ewwel tilqima tal-vaċċin u kemm minnhom ingħataw it-tieni tilqima tal-vaċċin sal-11 ta’ April 2021, lejliet li spiċċaw il-vaganzi tal-Għid u hekk kif l-edukaturi daħħlu lura jgħallmu fl-iskejjel minflok online?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ftehim li hemm bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, bi qbil mar-rappreżentanti tal-edukaturi, hu li dan il-Ministeru jgħaddi l-listi tal-edukaturi lill-awtoritajiet konċernati sabiex jirranġaw appuntamenti għal vaċċinazzjoni. Kull informazzjoni ta' kemm tlaqqmu, tinżamm mill-Ministeru tas-Saħħa.