Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadx hemm pjan biex l-MCAST issir Università skont il-liġi Maltija?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. interpellant li l-MCAST huwa Kulleġġ Vokazzjonali u Professjonali li joffri edukazzjoni u taħriġ f’kull livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Fl-istrateġija għas-snin 2022-2027, il-Kulleġġ qed jimmira biex ikun aktar qrib tal-komunità Maltija kemm bħala post kif ukoll fl-operat tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid x’se jinvolvi l-proġett ta’ Research Hub fl-MCAST? Kemm se jiswa? Sa meta se jkun lest kollu? X’tip ta’ riċerka se jkun qed isir bis-saħħa tar-Research Hub?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li n-nefqa totali għall-Binja fejn ser ikun hemm ir-Research Hub tammonta għal €9,794,678.90. F’din il-binja, barra r-Research Hub ser ikun hemm faċilitajiet oħra anċillari. Huwa ppjanat li l-Binja tkun lesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Fir-Research Hub sejra ssir riċerka applikata, bħal l-qasam tal-ilma, informatika, intelliġenza artifiċjali, pedagoġija, loġistika, saħħa innovattiva, u inġinerija fost l-oħrajn.
Tista’ l-Ministru tgħid x’riċerka ħadet sehem fiha l-MCAST fl-aħħar ħames snin? Kemm-il lecturer tagħha kien involut dan? X’kien il-valur monetarju ta’ din ir-riċerka?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li 101 lettur tal-MCAST qed jipparteċipaw f’26 proġett ta’ riċerka. L-ammont ta’ fondi allokati lill-MCAST huwa ta’ €3,191,114.
Ir-riċerka tkopri s-sbatax-il għan ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Unit. Ir-riċerka qed issir f’oqsma tal-programmi Ewropej bħal Fusion, Erasmus +, H2020, Space Research Fund, Intereg, Eranet, EIT, EAFRD, Paradise, Prima u Malta Enterprise.
Skejjel Primarji – postijiet ta’ Assistent Kap vakanti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm postijiet vakanti għall-post ta' Assistent Kap ta' skola fil-primarja bħalissa? Mir-riżultat tal-interviews li saru s-sena l-oħra, sa liema numru ġew ingaġġati u kemm se jiġu ingaġġati aktar minn din il-lista? Se terġa' toħroġ l-applikazzjoni għall-post ta' Assistent Kap ta' skola fil-primarja sal-aħħar ta' din is-sena skolastika?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa m’hemmx postijiet vakanti għall-post ta’ Assistent Kap ta’ skola fl-iskejjel primarji. Sa issa ġew ingaġġati l-ewwel 13. Hemm indikazzjoni li jistgħu jiġu ingaġġati sa 21 assistent kap ta' skola għas-sena skolastika li jmiss.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn LSEs bħalissa kulleġġ b’kulleġġ inkluż fl-iskejjel tal-knisja u tal-privat? X’inhuma l-pjanijiet għal dan il-grad?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ LSEs huwa kif indikat f’din it-tabella:
Kulleġġi
Numru ta’ LSEs
Għawdex
183
Maria Reġina
359
San Benedittu
304
Santa Klara
201
San Ġorġ Preca
290
Sant’Injazju
305
Santa Margerita
234
San Nikola
209
Santa Tereza
233
San Tumas More
380
Skejjel tal-Knisja
1000
Skejjel Indipendenti
367
Riferibbilment dwar il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-pjanijiet, nitlob lill-Onor. interpellant jiċċara d-domanda.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-aħħar snin kienx hemm xi persuni li fil-wirt tagħhom, inkludew skejjel statali? Jekk dan huwa l-każ, tista’ tgħid x’kienu l-ammonti, għal-liema skola marru u kif intefqu dawn il-fondi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-aħħar snin kien hemm persuna li ħalliet l-ammont ta’ €50,000 lill-iskola primarja ta’ Bormla. Dawn il-flus ġew rilaxxati s-sena l-oħra. Skont ix-xewqa tal-individwu, dawn il-fondi ser jintefqu għall-ġid ta’ l-akbar numru ta’ studenti ta’ din l-iskola.
Year 8 – Karti tal-Eżami tal-matematika u tax-xjenza
Question
Tista’ l-Ministru sserraħ ras il-ġenituri billi tikkonferma li mhux minnu li l-Karta tal-Eżami tal-Matematika tal-Year 8 kien fiha l-iżbalji u xi domandi li ma kenux fis-sillabu? Tista’ wkoll tikkonferma li l-Karta tax-Xjenza tal-Year 8 ma kelliex madwar 3 faċċati li ma kenux id-domandi t-tajba?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-karta tal-Matematika tal-Year 8 Track 3 filwaqt li ma kienx fiha żbalji, kien hemm parti minn domanda li kienet barra mis-sillabu. Barra minn hekk, id-Dipartiment responsabbli mill-eżamijiet ħa ħsieb li l-iskema tal-marki tkun riveduta sabiex tiżgura li l-istudenti ma jitilfux marki.
Dwar is-sillabu tax-Xjenza minħabba r-restrizzjonijiet tal-Pandemija, il-fieldworks ma sar xejn minnhom u l-istudenti ntalbu ma jwiġbux mistoqsijiet relatati ma’ topics li ma sarux u minflok ingħatat paġna supplimentari b'mistoqsijiet oħra.
Reading Pen għall-istudenti bil-kundizzjoni ta' dyslexia
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ir-Reader Pen li jingħata lill-istudenti bil-kundizzjoni ta’ Dyslexia fil-year 5 u 6 tal-primarja u jittieħdilhom qabel l-eżamijiet tal-year 6 u ma jingħatalhomx fil-Form 1 u 2 imma jingħatalhom lura biss fil-Form 3 ’l quddiem? Ma taħsibx il-Ministru li f’dawk is-snin b’nuqqas ta’ din it-teknoloġija l-istudenti jibdew imorru lura akkademikament fuq dak li akkwistaw? Kemm hawn tfal li ngħataw dan r-reader pen?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonkluda proġett pilota li nbeda f’Ġunju tal-2020 u ġie konkluż f’April tal-2021. F’dan il-proġett pilota kienu involuti 21 student li jattendu skejjel tal-istat bejn Year 4 u Year 8. Għat-terminu ta’ dan il-proġett, ġiet mislufa Reader Pen lil kull wieħed minn dawn l-istudenti bl-iskop li tintuża kemm id-dar kif ukoll l-iskola biex tiġi evalwata jekk din it-tip ta’ teknoloġija hix ta’ benefiċċju għal studenti bid-Dyslexia. Il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jevalwa l-informazzjoni minn dan il-proġett.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li ġie annullat il-proċess ta’ selezzjoni b’interview ta’ Learning Support Educators LSE1? Fejn kien wasal il-proċess? X’kienet ir-raġuni li ġie annullat il-proċess? Min kienu l-uffiċjali fil-Bord tal-Għażla u f’liema kapaċità kienu hemm? Min għażel lil dawn il-membri tal-bord? X’passi ħadet s’issa l-Ministru dwar l-allegazzjonijiet serji?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tat id-direzzjoni li l-proċess tal-intervisti jiġi annullat u li dan il-proċess jerġa’ jinbeda mill-ġdid.
F’dak l-istadju kien għad iridu jsiru 26 intervista minn total ta’ 113.
Din id-direzzjoni ngħatat wara li waħda mill-kandidati intervistati, allegatament xerrdet dettalji tal-mistoqsijiet tal-intervista fuq
chat group.
Il-bord tal-għażla kien kompost skont Direttiva 9.
Minbarra li ġiet notifikata l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li tat id-direzzjoni tagħha, il-Ministeru ser ikun qed jieħu passi dixxiplinarji fuq każ serju bħal dan.
Skola St Thomas More Middle School – laboratorji ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ħa jinbdew il-laboratorji ġodda fl-iskola San Tumas More Middle School, Ħal Tarxien, minħabba li hemm biss laboratorju wieħed tax-xjenza ta' daqs adegwat li jrid jinqasam bejn l-għalliema u t-tfal kollha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li l-iskola Medja ta’ San Tumas More ta’ Ħal Tarxien, fil-preżent mhux laboratorju wieħed hemm iżda għandha tliet laboratorji tax-Xjenza. F’dan il-mument qiegħed jintuża laboratorju wieħed minħabba l-mizuri implimentati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar il-Covid 19.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi deċiżjoni min-naħa tad-Direttorati, li tfal li għandhom l-għajnuna tal-LSE fil-klassi, kemm dawk one to one kif ukoll dawk shared, ma jistgħux jirrepetu s-sena jekk ikun hemm bżonn?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ħsieb li l-istudenti, kemm dawk one to one kif ukoll dawk shared, jirrepetu s-sena. Hemm il-ħsieb, iżda, li jkun hemm klassijiet supplimentari fis-sajf għal tfal u studenti li fallew matul din is-sena skolastika waqt li l-iskejjel kienu miftuħin għat-tfal kollha u kuljum.
Introduzzjoni ta’ Class Assistant fl-ewwel sena tal-primarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tiġi introdotta l-class assistant fl-ewwel sena tal-primarja fil-bidu ta' sena skolastika ġdida?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jinħadem eżerċizzju biex naraw kif tista' tiġi introdotta Class Support LSE fl-ewwel sena tal-primarja fil-bidu tas-sena skolastika li jmiss.
EquestriMalta – CEO — Membri tal-Interviewing board
Question
Tista’ l-Ministru tgħid minn min kien kompost l-interviewing board għall-ħatra ta' CEO ta’ EquestriMalta, u kemm mill-membri kienu f'isem il-Malta Racing Club, il-Malta Polo Club u EquestriMalta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat f’din il-leġiżlatura għall-PQ 20679.
B’referenza għall-artiklu intitolat Lost in time: education reform -The Teaching and Allied Professions Act has remained on paper (kif jidher anness ma’ din il-mistoqsija parlamentari) miktub mill-Professur Sandro Caruana eks Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta u l-mistoqsijiet parlamentari 20556 u 20728, tista’ tgħid fiex waslet ir-evalwazzjoni li tkellmet dwarha l-Ministru dwar il-proċess tar-riforma edukattiva? It-tweġiba tal-ministru li qed issir rievalwazzjoni minħabba direttiva tal-UE, ifisser li meta tressqet il-liġi ftit snin ilu ma kinetx saret evalwazzjoni u dan seta wassalna għal infringements? Tista’ tgħid eżatt għal-liema direttiva Ewropea qed tirreferi u fejn eżatt il-liġi proposta mill-Gvern tista’ toħloq ksur tad-direttiva Ewropea? Kemm se ddum biex tintemm l-evalwazzjoni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena infurmata li kienet saret konsultazzjoni wiesgħa lura fis-snin meta beda jiġi diskuss l-Abbozz li wassal għal din il-Liġi.
Id-dħul tad-Direttiva 2018/958 tal-Kummissjoni Ewropeja tirreferi għal dak li hu msejjaħ “Proportionality Test”. Bħalissa qed issir evalvazzjoni biex jiġi żgurat li l-Liġi hi konformi ma’ dan il-“Proportionality Test”.
F’dan ir-rigward qed isiru diskussjonijiet mal-Kummissjoni tal-U.E.
Malta Racing Club — elezjoni għal rappreżenanti tal-horse owners
Question
B’referenza għall-mistqosija parlamentari fejn il-Ministru qed tikkonferma li ma saritx elezzjoni ġdida għal rappreżentanti tal-horse owners fil-kunsilll tal-Malta Racing Club, u ġaladarba l-Ministru qed tirrikonoxxi lil HOADA bħal assoċjazzjoni sportiva indipendenti, tista' l-Ministru tgħid jekk qattx assistiet lill-assoċjazzjoni tal-horse owners biex jorganizzaw ruħhom u l-isport tagħhom kif isir ma’ għaqdiet sportivi oħra?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li assistenza lill-HOADA tingħata fil-kuntest tar-realtajiet speċifiċi tal-isport in kwistjoni. Differenza minn dak li kien isir fil-passat, huwa kommess pubblikament li se tingħata għajnuna sabiex għall-ewwel darba fl-istorja il-HOADA ikollha bażi solida li minnha tkun tista’ twettaq ħidma u tirrapreżenta lis-sidien u s-sewwieqa.
B’referenza għall-mistqosija parlamentari 20653, tista' l-Ministru tgħid jekk dak il-persuna/persuni li semmiet li approvaw r-ramel li għadu kif inġib huwiex/humiex l-istess persuna/persuni li approvaw r-ramel ħażin li għadu kif tneħħa?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma l-istess persuna/persuni li waqqfu l-konsenja preċedenti tar-ramel li kien se jingħata fil-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa.
Kumpless Nazzjonali tal-Isparar – financial statements
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-financial statements tal-Kumpless Nazzjonali tal-Isparar?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-financial statements ta’ SportMalta, li jinkludu l-Kumpless Nazzjonali tal-Isparar, se jiġu ppreżentati fil-kamra tar-rappreżentanti, hekk kif dejjem sar, meta jkunu lesti.
Jista’ l-Ministru ġentilment jara li d-Distrett tal-għassa ta’ Ħal Qormi ma jibqgħux b’karozza tal-pulizija nieqsa biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda tax-xogħol kbir li għandhom, b’mod effiċjenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-vettura tal-pulizija tal-għassa ta’ Ħal Qormi li tinsab nieqsa minħabba ħsarat, ġiet temporanjament sostitwita b’vettura oħra sakemm it-tiswijiet jitlestew.