Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-average teaching load tal-għalliema tal-Ingliż u tal-Matematika fl-iskejjel tal-istat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-199 għalliema tal-Ingliż fl-iskejjel tal-istat qed jaqsmu bejniethom load ta’ 4,563 lezzjoni. Dan jagħti average load ta’ 22.93. Tajjeb wieħed jinnota li 15.7% tal-load ta’ dawn l-għalliema (718-il lezzjoni) hija ddedikata għal servizzi bħal Guidance, Library, Learning Support Zone u Health & Safety.
Il-183 għalliema tal-Matematika fl-iskejjel tal-istat qed jaqsmu bejniethom load ta’ 4,100 lezzjoni. Dan jagħti average load ta’ 22.4. Tajjeb wieħed jinnota li 14.4% tal-load ta’ dawn l-għalliema (590 lezzjoni) hija ddedikata għal servizzi bħal Guidance, Library, Learning Support Zone u Health & Safety.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ supply teachers li ġew ingaġġati din is-sena mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi fl-iskejjel primarji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru ta’ supply teachers li ġew ingaġġati din is-sena mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi fl-iskejjel primarji huwa ta’ 59.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej, skola b'skola u skont is-sezzjoni lingwistika u ċ-ċiklu (nursery, primarja u sekondarja)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli kif ser nispjega:
L-ewwel tabella turi l-istudenti Maltin li hemm jistudjaw fl-iskejjel Ewropej, kull skola u kull Klassi. M tfisser maternelle (kinder) P hija l-Primarja u S tirreferi għas-sekondarja. S6 u S7 qishom il-post-sekondarja tagħna. Bħala tqassim f'sezzjoni tal-lingwa dawn ġeneralment ikunu fis-sezzjoni tal-Ingliż jew tal-Franċiż. L-informazzjoni preċiża ma jagħtuhiex minħabba data protection u tkun trid tintalab lil kull skola bil-kunsens tal-ġenituri.
It-tieni tabella hija l-istess bħall-ewwel waħda imma tindika lil dawk l-istudenti Maltin li jkollhom ġenituri ta' nazzjonalità mhux Maltija. Għalhekk ikun hemm il-0.5 u l-0.33 li hija s-sistema tagħhom biex jindikaw kemm kull pajjiż ikollu verament studenti tiegħu biex jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet ta' għalliema li kull pajjiż irid jibgħat.
Attachments:PQ 5249 - studenti maltin li jattendu skejjel ewropej.pdf
Jista' l-Ministru jikkonferma l-pjani biex issir Triq Lapsi fis-Siġġiewi li twassal għad-Dar tal-Providenza u Għar Lapsi? Jekk hemm pjan li jsiru xogħlijiet fuq din it-triq, meta hu ppjanat li jibdew u sa meta hu ppjanat li jkunu lesti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ nterventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti l-aktar riċenti dwar il-billboards u r-reklamar li jintużaw minn Transport Malta biex jagħtu jew jirrifjutaw approvazzjonijiet għall-billboards?
Response (BORG, IAN)
L-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet dwar il-billboards u r-reklamar huwa regolat taħt l-Avviz Legali 36 ta’ 2018 liema regolament qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għalliema fl-iskejjel statali –festi pubbliċi li jiġu fil-weekend
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għalliema fl-iskejjel statali ġewx innotifikati meta ser tingħata l-ġurnata leave ta’ dawk il-festi pubbliċi li jaqgħu fil-weekend, hekk kif anke kien ġie miftiehem fil-ftehim settorjali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema kollha ġew informati permezz ta’ ċirkolari li l-ġurnata leave bħala kumpens ser tingħata l-Ħamis 5 ta’ April 2018.
Skejjel primarji – twaqqif ta’ kolazzjon ta’ frott u ħaxix
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-għoti ta’ kolazzjon ta’ frott u ħaxix li kien jingħata lill-istudenti tal-iskejjel primarji u li kien iservi bħala mezz ta’ edukazzjoni dwar dieta aktar b’saħħitha, twaqqaf ħesrem? Huwa minnu li l-Gvern waqqaf din l-iskema għaliex ma sabx fondi għal dan il-programm edukattiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li għalkemm din l-iskema m’għadhiex taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, ninsab infurmat li l-iskema l-ġdida, magħrufa bħala n-'New School Scheme' kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3725, ma bdietx għax għadha fit-tendering process. Nassigura lill-Onor. Interpellant li fondi għal din l-iskema hemm biżżejjed biex ikopru l-istudenti tal-Primarji kollha ta' Malta u Għawdex.
B’referenza għar-rapporti li dehru f’ġurnali lokali dwar il-preżenza ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin f’Malta u l-ħtieġa mbassra ta’ eluf kbar oħra ta’ ħaddiema għas-snin li ġejjin, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema studju qed isir dan it-tbassir? Jista’ jqiegħed kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni relatata mas-suq tax-xogħol dwar il-ħaddiema kemm Maltin jew barranin tinżamm minn Jobsplus. L-informazzjoni storika dwar iż-żieda ta’ barranin jaħdmu f’Malta tinsab fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus. It-tbassir tan-numru ta’ barranin li hemm bżonn f’pajjiżna huwa riżultat ta’ analiżi ekonometrika li tinkludi numru ta’ fatturi, fosthom it-tkabbir ekonomiku, iż-żieda ta’ impjiegi, il-livell ta’ qgħad u l-bżonnijiet ta’ min iħaddem. Din l-analiżi hija għal konsum intern. Għaldaqstant infurmat li l-ebda analiżi ma ġiet ippublikata s'issa.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Integration = Belonging. Migrants Integration Strategy & Action Plan Vision 2020, Malta u xi rapport oħra li l-Gvern seta’ għamel dwar l-integrazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Integration = Belonging. Migrants Integration Strategy & Action Plan Vision 2020, Malta kif ukoll ir-rapport Mind d Gap – Together we can make a difference. Towards a National Migrant Integration Strategy 2015-2020 Framework Document
Siġġiewi – units ta’ akkomodazzjoni soċjali – social impact assessment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx Social Impact Assessment qabel ġie deċiż li jiżdiedu l-ammont ta' units ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid għandux pariri esperti li jgħidu li proġetti esaġerati ta’ akkomodazzjoni soċjali ma' jżidux jew ma joħolqux problemi soċjali ġodda fl-inħawi fejn jinbnew dawn il-proġetti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żieda ta’ units li qed jirreferi għaliha hu hi dik ta’ 4 appartamenti. Kif qalet l-istess awtorita’ tal-ippjanar waqt id-deċiżjoni tagħha, din iż-żieda ma timmeritax li l-proġett jiġi deskritt bħala wieħed ‘esaġerat’. L-awtoritajiet ħadu inkonsiderazzjoni l-assessjar li kien meħtieġ u kif rikjest mill-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma' tax widen għat-tħassib tal-Kunsill Lokali u r-residenti tas-Siġġiewi u anke ambjentalisti dwar dak li huma qed isejħu binja massiva ta' akkomodazzjoni soċjali li qed jibni l-gvern fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll jekk tax każ il-kunsill u r-residenti li qed isostnu li l-binja hija kbira wisq u se toħloq problemi estetiċi u ta' traffiku?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-proġett ilu fuq il-karta mill-2006, u approvat mill-2013. Il-Gvern sema’ t-tħassib tar-residenti, u kien għalhekk li ddeċieda kontra li jibni sular ieħor biex il-proġett jamalgama mal-madwar, u favur li jiżdiedu aktar l-ispazji ta’ parkeġġ ħafna aktar mill-minimu rikjest bil-liġi. Il-proġett se jsaħħaħ ukoll l-aċċess min dak provdut mit-toroq eżistenti. Dan kollu juri li l-kritika tal-oppożizzjoni hija bbażata biss biex tipprova ttellef il-fondi miksuba u tassigura li l-proġett li proponew huma stess 11-il sena ilu jibqa’ fuq il-karta, għad-detriment ta’ dawk li għandhom bżonn akkomodazzjoni soċjali.
Bini ta’ units ta’ akkmodazzjoni soċjali f’Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħsieb li jinbnew units ta' akkomodazzjoni socjali f'Malta u Għawdex f'din il-leġislatura? F'liema lokalitajiet se jinbnew? Ġew identifikati s-siti? Xi studji saru?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn naħa tal- Housing Projects Management Unit Ltd. (HPMU Ltd.), in-numru ta’ units li ser ikunu qed jinbnew għal akkomodazzjoni soċjali huwa ta’ 683 units, fil-lokalitajiet imsemmija hawn taħt:
· Attard;
· B’Kara;
· Cospicua;
· Kirkop;
· Ħal-Luqa;
· Msida;
· Naxxar;
· Qrendi;
· Siġġiewi;
· Ħaż-Żebbuġ u
· Żurrieq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li minn Marzu 2013 sal-lum ingħataw il-kariga ta’ Junior Manager jew pakkett finanzjarju ekwivalenti għal dak ta’ Junior Manager, fil-PBS? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minn dawn saru wara sejħa interna u kemm saru wara sejħa pubblika? Meta ħarġu dawn is-sejħiet? X’inhuwa l-pakkett finanzjarju ta’ Junior Manager fil-PBS?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi fil-PBS kien hemm 5 persuni li ngħataw il-kariga ta’ Junior Manager u 2 persuni li ġew inagħtati l-kariga ta’ Project Manager li tiġi ekwivalenti għal dik ta’ Junior Manager. Minn dawn 5 kienu rġiel u 2 kienu nisa. Dawn il-karigi nħarġu billi saret sejħa 1 interna f’Jannar ta 2014, sejħa oħra pubblika li saret f’April 2015 u l-5 sejħiet l-oħra kienu direct internal appointments. Wieħed jinnota li dawn il-gradi mhumiex fil-ftehim kollettiv u għaldaqstant il-Management għandu d-diskrezzjoni li ma joħrogx sejħa. Il-pakket finanzjarju ta’ Junior Manager huwa ta’ €24,500 - €36,000 fis-sena.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li turi xogħlijiet jew proġetti assenjati lill-
Junior Managers
, jew ekwivalenti.
Bridge/flyover ta’ Ħal Qormi – problemi strutturali
Question
Wara rapporti li dehru fit-Times of Malta, jista’ l-Ministru jassigura lis-sewwieqa u l-passiġġieri kollha kull darba li jgħaddu minn fuq jew minn taħt il-bridge/flyover ta’ Ħal Qormi jekk humiex qed ikunu f'riskju, minħabba problemi strutturali serji fl-istess bridge/flyover?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta temmen li tħassib dwar biċċiet tal-konkrit li jistgħu jaqgħu minn struttura għandhom jiġu meħudha serjament u fil-fatt il-pjan huwa li fil-ġranet li ġejjin se jkun hemm intervent fejn kuntrattur ikun qed jaħdem sabiex żoni fejn is-saff tal-konkrit li jagħti protezzjoni lir-rinforz tal-ħadid seta ġie imdgħajjef bl-elementi jew bid-dħaħen tal-vetturi jiġu msaffija u jitneħħa l-periklu li jaqgħu xi biċċiet. Fl-istadju intermedjarju, Transport Malta qeda diġa’ tieħu passi sabiex ikollha pariri tekniċi specjalizzati ta’ kif l-istat tal-istruttura jista’ jiġi mtejjeb.
Transport Malta qiegħda wkoll tħares lejn pjan ta’ rikostruzzjoni u
upgrade
tat-triq bejn il-Marsa-Hamrun Bypass u Triq Aldo Moro. Dan l-
upgrade
mistenni jseħħ fis-snin li ġejjin u ser ikun jinkludi wkoll
upgrade
tal-istruttura eżistenti, li possibilment terġa’ tinbena mill-ġdid.
Bridge/flyover ta’ Ħal Qormi – biċċiet ta’ konkrit li qed jaqgħu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti tekniċi li jiċħdu li l-biċċiet ta' konkrit li qed jaqgħu mill-bridge/flyover ta' Ħal Qormi (ħdejn il-posta) humiex kawża għal tħassib serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni li jgħaddu minn hemm kemm jekk isuqu jew bil-mixi?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 1453.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew units għal akkomodazzjoni soċjali bejn l-2013 u l 2017? X'kienet in-nefqa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-aħħar tenders tal-Awtorita’ tad-Djar għall-bini ta’ units ġodda kienu nħarġu fl-2010. Ix-xogħol fuq 5 mill-units li kienu proġettati fl-2010 tlestew bejn l-2011 u l-2012, filwaqt li x-xogħol fuq 9 units oħra tlestew fl-2014.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern beda bil-ħidma tiegħu sabiex jibni mijiet ta’ binijiet għall-akkomodazzjoni soċjali. Matul l-2017,
Il-Housing Projects Management Unit
beda bl-iskavar f’numru ta’ siti ppjanati għal proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan l-investiment ser ikun qiegħed iwassal għal bini ta’ 683 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammontaw għal ħafna aktar binjiet minn dawk mibnija minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm units ta' akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi? Kemm minnhom ġew mibnija mill-Gvern u kemm ġew mikrija mingħand il-privat? F'liema snin inbnew u f'liema snin inkrew dawn il-proprjetajiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-proprjeta’ allokata għal akkomodazzjoni soċjali b’titolu ta’ kera’ fis-Siġġiewi tikkonsisti fl-imsemmija appartamenti u binijiet:
- 32 appartament fi Blokki 1 – 3, Triq Ramija mibnija u mikrija madwar is-sena 1975;
- 23 dar fi Triq Mons Mikiel Azzopardi, Triq il-Għid u Triq Annunziato Schembri mibnija u mikrija madwar is-sena 1976;
- 32 appartament fi blokk magħruf bħala Binja Ħesri fi Triq Dun Anton Vella ġew mibnija u mikrija madwar is-sena 1991;
- 12-il appartament fi blokk magħruf bħala Binja Ħesri fi Triq Salvatore Mallia ġew mibnija u mikrija madwar is-sena 1995; u
20 appartament jew maisonette mikrija permezz ta’ Skema Kiri bejn l-2012 u l-2014.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu kkonsinjati passaporti ġodda u passaporti mġedda bejn l-2011 u l-2015 lil ċittadini ta' Malta minn rappreżentanzi diplomatiċi jew konsolari Maltin barra minn Malta, sena b'sena u pajjiż b'pajjiż?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat