Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa r-refurbishment li sar fi blokk fl-eks Skola Sekondarja Maria Assumpta li fih se jkunu akkomodati d-Dipartiment tal-E-learning u entitajiet oħra? Jista’ jgħid min wettaq dan ix-xogħol? Meta ħarġu t-tenders?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qiegħed jinftiehem li b’din il-mistoqsija l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għax-xogħlijiet li saru riċentement fuq żewġ blokkijiet fil-Kumpless Edukattiv Maria Assunta u li fihom hemm l-uffiċini tad-Digital Literacy Unit u l-Education Officers.
L-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9476 - Kumpless Edukattiv Maria Assunta - refurbishment.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rifjutati talbiet minn edukaturi għal
leave
‘
to try alternative employment
’? X’suġġetti jew f’liema qasam jgħallmu dawn l-għalliema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment Strateġija u Sapport, każi ta' talbiet minn edukaturi għal leave 'to try alternative employment' li ġew rifjutati huma kif se nsemmi:
Edukatur - Grad
Talbiet rifjutati
Suġġett
Teacher
- Primarja
3
n/a
KGEs
1
n/a
Teacher
- Sekondarja
3
1 PE / 1 Maths / 1 Religion
LSEs
11
n/a
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Assistant Child Carers li qed jaħdmu f’Malta u Għawdex? X’inhuma l-kwalifiċi minimi li qed jintalbu qabel jingħataw l-impjieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-Istandards ma jipprovdux għall-pożizzjoni ta' Assistant Child Carer.
Jista’ l-Ministru jgħid b’liema rata qed jitħallsu ċ-Child Carers u l-Assistant Child Carers?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) li, skont il-Ftehim Kollettiv, fl-2018 persuna impjegata bħala ChildCare Assistant tista’ titħallas minn minimu ta’ €13,250 (step 1) sa massimu ta’ €18,430 (step 15) fis-sena, jiddependi minn kemm tkun ilha fl-impjieg mal-FES. Dawn ir-rati huma skont il-Ftehim Kollettiv li skada fl-aħħar ta’ Diċembru 2018. Il-Ftehim Kollettiv għadu ma ġiex iffinalizzat, u għalhekk bħalissa r-rati ġodda qegħdin jiġu diskussi.
Child Carers li ma jitkellmux bil-Malti jew Ingliż
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Child Carers li ma jitkellmux bil-Malti jew bl-Ingliż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Child Carers li jrid ikollhom minimu ċertifikat MQF Level 4, kollha jkunu jitkellmu bil-Malti jew bl-Ingliż biex jakkwistaw dan iċ-ċertifikat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Childcare Centres li jitmexxew mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? Jista’ jgħid jekk hux minnu li se jiġu privatizzati ċ-Childcare Centres tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qed topera 14-il ċentru. Wieħed minnhom, dak tal-Gżira, ser jiġi privatizzat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-healthy eating policy hijiex qed tiġi attwata anke fiċ-Childcare Centres?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStandards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum tal-2006 (Standard nru. 9) jirrikjedu miċ-ċentri li min qed jipprovdi s-servizz għandu jippromwovi l-benefiċċji ta’ dieta sanitarja u jinkuraġixxi lill-ġenituri jipprovdu ikel bnin u nutrittiv għat-tfal. Qabel ma ċentru jibda jopera u qabel ma tingħata r-reġistrazzjoni inizjali ta’ ċentru huwa rikjest li ċ-ċentru jinkludi fil-manwal tal-politika u l-proċeduri tiegħu healthy eating policy. Meta ssir l-evalwazzjoni esterna fiċ-ċentri, isir moniteraġġ li Standard nru. 9 qed ikun implimentat kif xieraq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Childcare Centre jopera f’Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma reġistrati? Kemm hawn Childcare Centres li għadhom qed jistennew li jiġu reġistrati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ Childcare Centres li joperaw f’Malta u Għawdex u li huma rreġistrati mad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni huwa ta’ 139 (136 f’Malta u 3 f’Għawdex).
Iċ-Childcare Centres li għadhom qed jistennew li jiġu reġistrati huma tlieta (3).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li n-National Standards in Childcare ilhom ma’ jiġu aġġornati mill-2004? Meta se jiġu mħabbra l-istandards aġġornati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStandards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum kienu mnedija fl-2006. Il-proċess ta’ reviżjoni ta’ dawn l-istandards jinsab fi stadju avvanzat. L-istandards (2006) ġew riveduti sabiex ikunu aġġornati u jirriflettu aktar ir-realtajiet tal-kuntest Malti llum. L-abbozz tal-istandards aġġornati tlesta wara konsultazzjoni mal-istakeholders prinċipali f’dan il-qasam, fosthom l-Assoċjazzjoni ta’ min qed jipprovdi s-servizz fiċ-ċentri għat-tfal (Childcare Centre Providers Association – CCPA) u esperti lokali u internazzjonali.
Din ir-reviżjoni waslet fl-istadju fejn l-istandards aġġornati ser imorru għall-konsultazzjoni pubblika estensiva li tinkludi l-pubbliku in-ġenerali u stakeholders varji oħra. L-istandards aġġornati ser ikunu mnedija sal-aħħar tal-2019 u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-2020.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Childcare Centre li hu reġistrat bħalissa, mhux jilħaq l-istandards nazzjonali tal-2004?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iStandards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum tal-2006 jinkorporaw għaxar (10) standards li sabiex jintlaħqu jeħtieġ proċess kontinwu. Madankollu, mill-analiżi tal-evalwazzjonijiet esterni li saru matul dawn l-aħħar sentejn, hemm indikaturi ċari li qed juru li qed ikun hemm titjib fil-kwalità tas-servizz ipprovdut. Infurmat li fi tmiem l-2018, kien hemm tmien (8) ċentri li kellhom nuqqasijiet serji fil-proċessi li jwasslu biex jintlaħqu uħud mill-istandards. Wara moniteraġġ u gwida, il-parti l-kbira minn dawn, diġà ħadu passi sodisfaċenti u kien hemm titjib f’dawn il-proċessi u għalhekk sar titjib fis-servizz li qegħdin joffru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru audits matul l-2018 fuq Childcare Centres? Jista’ jgħid jekk hux minnu li għal dawn l-audits, iċ-Childcare Centres ikunu avżati madwar tliet ġimgħat qabel u qatt ma jsiru audits b’sorpriża?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li matul l-2018 saru 124 evalwazzjoni esterna f’Childcare Centres. Mix-xahar ta’ qabel, iċ-ċentri jkunu avżati li ser issir evalwazzjoni esterna u jintalbu jissottomettu dokumentazzjoni aġġornata sabiex din tkun ikkunsidrata bħala parti mill-proċess tal-evalwazzjoni. Iktar ’il quddiem ikunu avżati bil-ġimgħa li matulha ser ikun hemm iż-żjara esterna. Il-ġurnata eżatta meta ssir iż-żjara ma tingħatax. L-evalwazzjonijiet esterni jsiru sabiex jiġi mmoniterjat il-kwalità tas-servizz u biex jingħataw rakkomandazzjonijiet ħalli jkun hemm titjib kontinwu għall-benefiċċju tat-tfal.
Evalwazzjonijiet esterni b’sorpriża jsiru f’każijiet fejn ikun hemm ilmenti li jirrikjedu żjara ta’ dan it-tip. Isiru wkoll meta wara evalwazzjoni esterna, ikun hemm raġunijiet fejn id-Dipartiment għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità jara li għandu jerġa’ jmur mingħajr ma javża liċ-ċentru. L-intenzjoni wara dawn l-evalwazzjonijiet b’sorpriża hija li nivverifikaw ċertu dettalji u nkomplu niggwidaw liċ-ċentri sabiex titjieb il-kwalità tas-servizz offrut.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn child carers ċertifikati għal kull tifel u tifla fiċ-Childcare Centres f’Malta u Għawdex? Kemm hawn tfal f’dawn iċ-Childcare Centres li ma għandhomx child carer kwalifikati kif stipulat min-National Standards in Childcare?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Ministeru ma jżommx din it-tip ta' informazzjoni. Madankollu, l-Istandards jistipulaw li Child Carer irid ikollu ċertifikat MQF Level 4 u kull ċentru hu marbut li jżomm ratio stabbilit mill-Istandards bejn carers u tfal.
Foundation for Educational Services — Childcare Centres privatizzati
Question
Jista' l-Ministru jgħid hux minnu li s-seba' ChildCare Centres immexxija mill-Foundation For Educational Services se jiġu pprivatizzati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi għandha diġà ċentri amministrati mill-privat, bil-kuntratt tagħhom jiġi fi tmiem it-terminu tagħhom. Dan il-mudell kien introdott fl-2008. Il-Fondazzjoni ser tkun qed iżżomm dan il-mudell u tinkludi wkoll ċentri ġodda li għadhom ma nfetħux u dak tal-Gżira. Fil-każ tal-Gżira l-impjegati ser jibqgħu impjegati mal-FES.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-għamara li tpoġġiet fl-iskola l-ġdida ta’ Marsascala hi fil-fatt dik li ħarġet t-tender għaliha u li għaldaqstant hija skont l-ispecifications mitlub fit-tender document?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li, kif dejjem isir u skont il-proċedura normali, l-aċċertamenti meħtieġa fuq din il-materja ser ikunu qed isiru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux it-track u l-pool għan-National Sports School imħabbra fil-miżuri tal-baġit tal-2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-MEDE wettaq ħidma interna għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-ħidma inkwistjoni saret ma’ numru ta’ partijiet interessati, fosthom esperti tal-isport u esperti tekniċi. B’segwitu ta’ dan, qed jiġi abbozzat dokument li jissottolinja l-possibiltajiet u l-bżonnijiet varji kemm tal-istudenti, kif ukoll tal-pubbliku ġenerali fl-użu ta’ dawn il-faċilitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inħass il-bżonn li jerġgħu jinbnew issa aktar kmamar fl-iskola l-ġdida ta’ Ħad-Dingli li nfetħet biss tliet snin ilu? X’kien il-pjan li jinbnew issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini ta' klassijiet ġodda fis-Senior School f'Ħad-Dingli qiegħed isir biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-laboratorji u l-workshops għal suġġetti vokazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskola ġdida ta’ Ħad-Dingli għada mingħajr faċilitajiet sportivi? Ħadd ma għamel studji u pjanijiet preliminari dwar jekk dawn setgħux isiru fl-inħawi proposti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Senior School f'Ħad-Dingli għandha faċilitajiet sportivi, kif filfatt jixhed ir-ritratt li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma' din it-tweġiba. Jista' jkun li l-Onor. interpellant qed jagħmel referenza għall-applikazzjoni li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada għamlet mal-Awtorità għall-Ippjanar sabiex ikun żviluppat kumpless sportiv biswit l-istess skola. Dan il-kumpless ikun qed itejjeb il-faċilitajiet sportivi eżistenti.
Attachments:PQ 9147 - Ħad-Dingli - Skola ġdida - faċilitajiet sportivi.pdf
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux studju/kalkolu ta’ kemm huwa stmat li se jirtiraw għalliema bl-età fil-ħames snin li ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment Strateġija u Sapport, l-għadd ta’ persuni preżentement fil-grad ta’ għalliem li fil-ħames snin li ġejjin jilħqu l-età li jistgħu jirtiraw huwa ta’ 122.
In-numru ta’ kemm għalliema effettivament se jirtiraw fil-ħames snin li ġejjin jista' jvarja għal diversi raġunijiet fosthom għalliema li jieħdu promozzjoni, irtirar kmieni għal raġunijiet mediċi u oħrajn. Barra minn hekk, persuna tista’ tibqa’ fl-impjieg sa l-età ta’ 65 sena jew tagħżel li tirtira qabel jekk ikollha l-ammont rikjest ta’ bolol imħallsa.