Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #14866 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti assenti fit-tagħlim li qed jingħata online

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14254 fejn il-Ministru nforma li l-informazzjoni dwar kemm studenti kienu assenti fit-tagħlim li qed jinagħta online fix-xahrejn li l-iskejjel kienu magħluqin, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-data mitluba nġabritx u jekk iva, jista’ jippubblikaha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn is-6 u t-13 ta' Mejju 2020 sar stħarriġ mal-edukaturi kollha mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bi qbil mal-Grupp ta’ Ħidma, b’rappreżentanti mis-Setturi tal-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti u mill-Malta Union of Teachers. F'dan l-istħarriġ ħadu sehem 1910 edukaturi u fih saret mistoqsija wkoll lill-edukaturi dwar kemm l-istudenti qed jieħdu sehem b’mod regolari fit-tagħlim online. Bħalissa qed tiġi analizzata d-data miġbura sabiex jiġi preżentat rapport lill-Grupp ta’ Ħidma.
Leg 13 PQ #14867 Sitting 335 2020-05-26 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tqassim ta’ kompjuter

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14255, jista’ l-Ministru jgħid jekk lil hinn mill-45 kompjuter, ġodda jew użati, li tqassmu għadx baqa’ talbiet pendenti minn studenti biex jinagħtaw kompjuter?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-talbiet li jidħlu ta’ kuljum jiġu evalwati minnufih u, f'temp ta' ftit jiem, kull persuna li jkollu t-talba tiegħu milqugħa jiġu kkuntattjat bla dewmien.

Ħal Qormi – Triq id-Deheb Fin – ħmieġ fejn skips

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li fi Triq id-Deheb Fin f’Ħal Qormi u fl-inħawi fejn hemm l-iskips isir aktar infurzar mill-gwardjani lokali kontra min iħammeġ barra għaliex qed ikun hemm ħafna ħmieġ madwar l-iskips b’inkonvenjent għar-residenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi huwa konxju ta’ din il-problema u għaddejjin diskussjonijiet biex ikun hemm aktar infurzar mill-gwardjani lokali. L-istess Kunsill qed jinsisti mal-Kumpanija GreenPak biex dawn il-bring-in site bins jitneħħew.
Leg 13 PQ #14774 Sitting 334 2020-05-25 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Il-Marsa – Korsa taż-żwiemel – tiġrijiet taż-żwiemel — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jerġgħu jibdew it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Korsa tal-Marsa? Minn meta se jibdew it-tiġrijiet? X’konsultazzjonijiet saru mal-awtoritajiet tas-saħħa? X’miżuri ser jittieħdu rigward l-uffiċjali tat-tiġrija inkluż stewards fil-paddock, stewards fil-vann li jkunu qed isegwu t-tiġrija u uffiċjali oħra fl-uffiċċini u mal-bibien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal fil-każ ta’ kwalunkwe sport ieħor għaddejjin diskussjonijiet kontinwi mal-awtoritajiet tas-saħħa. Wieħed irid jifhem li qed ngħixu realtà li tevolvi b’mod kontinwu. Il-Malta Racing Club, li jorganizza dawn it-tiġrijiet, jinsab f’kuntatt kontinwu mal-uffiċjali tas-Segretarjat Parlamentari kif ukoll mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Leg 13 PQ #14775 Sitting 334 2020-05-25 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tiġrijiet taż-Żwiemel – tnaqqis fil-premjijiet tar-rebħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-premjijiet tar-rebħ tat-tiġrijiet taż-żwiemel hux se jonqsu bin-nofs u jekk ir-reġistrazzjoni tat-tiġrija allura hux se tkun bin-nofs ukoll?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-kunsill tal-Malta Racing Club li jalloka l-premjijiet tat-tiġrijiet kif ukoll it-tariffi tar-reġistrazzjonijiet.
Leg 13 PQ #14776 Sitting 334 2020-05-25 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tiġrijiet taż-Żwiemel – sports betting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jsir sports betting għat-tiġrijiet taż-żwiemel jekk terġa’ tiftaħ il-korsa? Jekk se jsir, kif se jsir? In-nies se jkunu jistgħu jmorru fil-ħwienet/boxes tal-logħob? Kif se jsir it-tote?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif spjegajt fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14774, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe sport ieħor għaddejjin diskussjonijiet kontinwi mal-awtoritajiet tas-saħħa. Wieħed irid jifhem li qed ngħixu realtà li tevolvi b’mod kontinwu. Il-Malta Racing Club, li jorganizza dawn it-tiġrijiet, jinsab f’kuntatt kontinwu mal-uffiċjali tas-Segretarjat Parlamentari kif ukoll mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Leg 13 PQ #14777 Sitting 334 2020-05-25 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Korsa ta’ Għawdex — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-korsa ta’ Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsa ta’ Għawdex taqa’ direttament taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #14778 Sitting 334 2020-05-25 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Sidien ta’ żwiemel — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mas-sidien taż-żwiemel dwar possibbiltà ta’ ftuħ eventwali tal-koros?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sidien taż-żwiemel għandhom tliet rappreżentanti fil-Kunsill tal-Malta Racing Club filwaqt li ninsab infurmat li koros baqgħu miftuħa b’mod regulari.

COVID-19 – ħaddiema li qed jaħdmu four-day week — drittijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma d-drittijiet tal-ħaddiema li ġew mitluba jiffirmaw ftehim biex jaħdmu u jiġu mħallsa madwar 20% inqas mis-soltu (four-day week) minħabba li naqas ix-xogħol kawża tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID-19? X’jiġri jekk dawn ma jiffirmawx il-ftehim u jiġi tterminat l-impjieg tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex impjegat jaħdem inqas sigħat minn dawk stipulati fil-kuntratt tax-xogħol, irid ikun hemm permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg taħt l-Artiklu 42 tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Talba għal dan il-permess trid issir mill-impjegatur wara li jkunu ġew maqbula miżuri temporanji bejn il-ħaddiema kkonċernati u l-impjegatur. Fejn id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg ikun sodisfatt bil-miżuri proposti - bħal per eżempju li s-sigħat ta' xogħol jonqsu b'20% sabiex ħadd mill-impjegati ma jitlef xogħlu - jinħareg permess validu għal erba' ġimgħat, u liema permess jistá jiġi mġedded jew irtirat, skont iċ-ċirkostanzi. Mingħajr dan il-permess l-imgħallem ma jistax jimponi kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli għalkemm jistá jkun hemm każijiet fejn talba għal tnaqqis ta' sigħat ta' xogħol issir mill-impjegat, u hemmhekk ma hemmx bżonn ta' permess mid-DIER jekk jinstab qbil bejn il-partijiet. Fejn l-imgħallem jimponi kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli mingħajr il-permess tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjieg skont il-kriterji stabiliti f'Artiklu 42, l-impjegat għandu dritt jitħallas skont il-kundizzjonijijet maqbula fil-kuntratt tax-xogħol/ftehim kollettiv minkejja li s-sigħat tax-xogħol ikunu qed jiġu mnaqqsa. Jekk ħaddiem jidhirlu li tkun saret tkeċċija inġusta, jista' jiftaħ każ quddiem it-Tribunal Industrijali.
Leg 13 PQ #14494 Sitting 331 2020-05-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola nazzjonali tal-isport – eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet wara l-eżamijiet għall-istudenti li jixtiequ jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport? X’tip ta’ appoġġ qed joffri l-Gvern lil dawk l-istudenti li se jkunu mistennija jagħmlu l-eżamijiet f’Awwissu minkejja s-sitwazzjoni preżenti? Għaliex f’dan il-każ il-Gvern ma’ ħassx li għandu joqgħod fuq l-assesjar li se jkun sar għal student ta’ skejjel tal-istat, tal-knisja u l-indipendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dħul ġewwa l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) dejjem involva eżami, assessment prattiku u interview. Għaldaqstant, l-użu ta’ eżamijiet kien dejjem parti integrali tal-marka finali tal-proċess tal-għażla għal dħul fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Fil-proċess normali jintużaw il-marki tal-Benchmark Assessment tal-Year 6. Billi din is-sena dan l-assessment ma setax isir minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ġie deċiż li jingħata eżami ridott ibbażat fuq xogħol li sar mill-istudenti qabel ma għalqu l-iskejjel. Dan sar wara diskussjonijiet twal u wara pariri ta' esperti fil-qasam. Ma kienx possibbli li jintużaw eżamijiet li saru fil-passat mill-applikanti għaliex studenti li jattendu skejjel Privati, tal-Knisja u tal-Gvern ma jagħmlux l-istess karti tal-eżamijiet. B’hekk qed jiġi assigurat l-aktar proċess ġust u trasparenti għall-ġid tal-istudenti li se japplikaw għan-NSS.
Leg 13 PQ #14495 Sitting 331 2020-05-18 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Malta Visual and Performing Arts — kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji se jintużaw għad-dħul fl-Iskola Malta Visual and Performing Arts? Jista’ jgħid x’inhuma r-raġunijiet wara dawn il-kriterji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li ntużaw fis-snin preċedenti se jkunu applikati wkoll għas-sena skolastika li jmiss, ibbażati fuq awdizzjoni u intervista. Mhux se jintuża l-kriterju marbut mar-riżultat tal-Benchmark Assessment tal-Year 6 għaliex dan ir-riżultat qatt ma kien parti mill-marka finali tar-riżultat tal-proċess tal-għażla.
Leg 13 PQ #14436 Sitting 329 2020-05-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Kumpaniji tal-Istampar u media – ftehim ta’ sponsorship

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tal-kumpaniji tal-istampar u media houses li magħhom il-Ministeru għandu ftehim ta' sponsorship? Jista’ jagħti deskrizzjoni ta' tali ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 13 PQ #14437 Sitting 329 2020-05-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

COVID-19 — Korsa tal-Marsa – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħol ta' manutenzjoni sar fil-kumpless tal-Korsa tal-Marsa minn meta waqfu t-tiġrijiet minħabba l-COVID-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta waqfu t-tiġrijiet minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-ħaddiema tal-Malta Racing Club baqgħu għaddejjin b’diversi xogħlijiet kemm fil-korsa ewlenija kif ukoll fil-korsa l-antika fosthom tindif tal-culverts tal-ilma, tiswijiet ta’ paddocks, qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar u tindif ġenerali ieħor. Barra dan kollu iż-żewġ korsiji baqgħu jinħadmu u jingħataw l-ilma skont il-ħtieġa.
Leg 13 PQ #14438 Sitting 329 2020-05-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Il-Marsa — Kumpless tal-Korsa taż-Żwiemel - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx data ppjanata meta mistenni jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-kumpless tal-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa wara l-ftehim milħuq mal-konsorzju privat is-sajf li għadda?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li bħalissa l-konsorzju qed jistenna li l-outline planning permit ikun approvat sabiex tiġi stabbilita data meta jkun jista’ jibda x-xogħol.
Leg 13 PQ #14477 Sitting 329 2020-05-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Introduzzjoni ta’ Learning Class Assistant fil-Kinder 2

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma dwar l-introduzzjoni tal-learning class assistant tal-kinder 2 għas-sena skolastika li ġejja? Jista’ jgħid fiex waslet din il-ħidma preparattiva u meta se titħabbar deċiżjoni dwar dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Tajjeb li wieħed jikkjarifika li n-nomenklatura ta’ dan il-proviżjon t’assistenza introdott matul is-sena skolastika li qiegħda tagħlaq hija Class Support. Dan il-proviżjon ta’ Learning Support Educator (LSE) tassisti lill-Kindergarten Educator (KGE), ingħata lill-klassijiet tal-Kinder 1 li kellhom aktar minn 12-il student/a fil-klassi skont il-Ftehim Settorali 2017. Studenti li kellhom Statement of Support FT 1-1 ingħataw LSE assenjata magħhom u tqiegħdu fi klassi ta’ 12-il student/a jew iżgħar. Sadanitttant, ix-xogħol u l-eżerċizzji meħtieġa bi preparazzjoni għall-ftuħ ta’ sena skolastika oħra ilu għaddej u parti minnu huwa l-allokazzjoni tal-LSEs fl-iskejjel kollha tal-Primarja u Sekondarja u mhux biss fil-livell ta’ Kinder. Sintendi, parti mill-eżerċizzju hija l-allokazzjoni tal-Class Support issa mal-Kinder 2 ukoll fejn irid ikun hemm aktar minn 14-il student/a fil-klassi biex tiġi assenjata LSE ħalli tassisti lill-KGE. Madwar nofs Mejju l-iskejjel Primarji se jkunu ffinalizzaw il-Classification tal-iskola tagħhom biex hekk l-Education Resources Department fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jkun jista’ jevalwa x’riżorsi umani hemm meħtieġa fosthom LSEs u class support fil-Kinder 2.
Leg 13 PQ #14478 Sitting 329 2020-05-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Learning Outcome Framework ta’ diversi suġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-learning outcomes framework ta' diversi suġġetti li kellhom jibdew ikunu implimentati fil-ħames sena tal-primarja minn Settembru 2020 u fis-sekondarja u li ġew posposti għas-sena skolastika ta' wara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sillabi bil-Learning Outcomes li kellhom jibdew fil-Year 5 minn Settembru li ġej jinsabu onlajn https://curriculum.gov.mt/en/new_syllabi/Pages/year_05.aspx Is-sillabi bil-Learning Outcomes li kellhom jibdew fil-Year 9 minn Settembru li ġej, huma s-sillabi tas-SEC, li jinsabu onlajn https://www.um.edu.mt/matsec/syllabi/secsyllabi2024.
Leg 13 PQ #14253 Sitting 328 2020-05-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-konsulenti li hemm fi ħdan il-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’salarji u perkaċċi għandhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #14254 Sitting 328 2020-05-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Studenti assenti fit-tagħlim li qed jingħata online

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika statistika ta’ kemm studenti kienu assenti fit-tagħlim li qed jingħata online f’xi forma jew oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Working Group imwaqqaf għal dan l-iskop qed ifassal kwestjonarji għall-għalliema, għall-istudenti u għall-genituri ħalli tkun tista’ tinġabar id-data f’dan ir-rigward.
Leg 13 PQ #14255 Sitting 328 2020-05-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tqassim ta’ kompjuter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu kompjuters lill-istudenti s’issa mill-ġabriet li għamel il-Ministeru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sas-6 ta’ Mejju bħala donazzjoni rċevejna: 35 tablets (ġodda) 1 laptop (ġdid) 7 PCs (użati) 2 laptops (użati) Dawn kollha tqassmu lil studenti differenti.
Leg 13 PQ #14433 Sitting 328 2020-05-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST – riżenja tal-President

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-ittra tar-riżenja tal-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST?

Response (BONNICI, OWEN)

Jien ma rċevejtx ittra formali ta' riżenja, iżda kien hemm korrispondenza by email li jien bil-qalb kollha dispost li ngħaddieha lill-Onor. Interpellant jekk huwa juri dika x-xewqa.