COVID-19 — Malta Racing Club – komunikazzjoni mal-horse owners
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saret komunikazzjoni bil-miktub mal-horse owners, biex dawn jinżammu aġġornati b’kull żvilupp mill-Malta Racing Club minn kemm ilha li faqqgħet il-pandemija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru u qed isiru laqgħat regolari mal-Kunsill tal-Malta Racing Club li hu kompost minn diversi membri, fosthom tliet membri li huma eletti b’mod demokratiku mill-Horse Owners Association.
B'referenza għall-istqarrija pubblika tal-Prim Ministru nhar il-Ħadd 24 ta' Mejju dwar il-ftuħ mill-ġdid taċ-Childcare Centres u skejjel tas-sajf, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li ġie ffinalizzat il-qafas dwar il-ftuħ tal-iskejjel u Childcare Centres? Jekk dan hu l-każ, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-qafas? Jekk dan mhux minnu, jista' jgħid x'linji gwida u rakkomandazzjonijiet ingħataw lid-diretturi ta' dawn l-iskejjel u ċentri in vista ta' dan il-ftuħ mill-ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jaħdem id f'id mal-awtorità tas-Saħħa. Dawn l-obbligi u l-gwidi qed isiru wkoll f'qafas ta' konsultazzjoni mal-imsieħba konċernati wkoll.
Nieħu l-opportunità li nfakkar li f'pajjiżna għandna Child care centre f'San Ġwann li ilu miftuħ sa mis-16 ta' Marzu, 2020 u li ħadem b'mod tajjeb ħafna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-Korsa taż-Żwiemel għal Għawdex? Jista’ jgħid x’manutenzjoni saret fil-Korsa taż-Żwiemel għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan il-quddiem rigward il-korsa ta’ Ta’ Xħajma huwa li jissoktaw it-tiġrijiet taż-żwiemel. Min-naħa l-oħra, fil-preżent, fil-Korsa qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni, fosthom; fit-toilets pubbliċi u fl-uffiċini, fejn ix-xogħol jinkludi tibdil fis-sistema tad-dranaġġ, ilma u dawl, madum tal-ħajt u tal-art u l-aċċessorji sanitarji. Sar ukoll tindif tal-water culverts kif ukoll manutenzjoni tal-wiċċ tat-triq sabiex jibqa’ jsir it-taħriġ taż-żwiemel.
Qed issir ukoll tikħil u tibjid tal-ħitan li jdawwru l-korsa, xogħol ta’ manutenzjoni fl-istallel,
up-keep
tal-korsa bi tfiegħ ta’ aktar ramel u kif ukoll xiri ta’
tractor
ġdid għax-xogħol tal-korsa.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu pjan lest għall-possibilità ta’ ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel? Peress li sal-lum ħadd mhu informat b’xejn u jekk il-pjan huwa lest, jista’ l-Ministru jiċċirkolah mal-Kapijiet tal-Iskejjel u l-għalliema kif ukoll iqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra għall-benefiċċju u s-serħan tal-moħħ tal-ġenituri u l-istudenti? Jekk il-pjan għadu mhux lest, jista’ l-Ministru jgħid sa meta se jkun lest u meta se jiġi ċċirkolat mal-istakeholders kollha biex kulħadd ikollu linji gwida ċari ta’ kif se jaħdmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'laqgħa li saret miegħu stess hu ġie infurmat li dan hu eżerċizzju ta' tħejjija li qed isir f'fażijiet u bħala proċess. Infakkar li l-pjanijiet qed isiru f'framework li ġie żviluppat u li ser ikun qed jiġbor lill-istituzzjonijiet edukattivi differenti miċ-childcare sal-Università ta' Malta u l-MCAST. Il-framework, kif jinsab infurmat diġà l-Onor. interpellant, qed iħejji għal xenarji varji u għal kull wieħed qed isiru tħejjijiet f'ħames aspetti ewlenin. Dan il-framework hu bbażat fuq dak propost min-Nazzjonijiet Uniti. Bħalma saret laqgħa mal-Onor.interpellant, saru u qed isiru oħrajn ma' msieħba varji inkluż ma' unjins u assoċjazzjonijiet, waqt li l-uffiċċjali fid-Dipartimenti, fil-Kulleġġi u fl-entitajiet rispettivi jinsabu għaddejjin bit-tħejjijiet tagħhom.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14863, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż il-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż tas-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-Direttorati, il-bordijiet, il-kunsilli u l-awtoritajiet? Jista’ jagħti l-lista ta’ kull persuna li qiegħda taħt xi forma ta’ kuntratt ta’ xogħol simili bħal konsulenza, contract of service u contract for service? Għal kull wieħed minn dawn jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-persuna, x’esperjenza u kwalifiċi relatati għandu, dwar xiex qed jagħti konsulenza, f’liema entità qed jagħti konsulenza, x’salarju, perkaċċi u kundizzjonijiet għandha dik il-persuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk min kien imwiegħed li ser jieħu refund fi żmien ħames ġimgħat mill-Airmalta għaliex kellu jħassar is-safar tiegħu f’Marzu li għadda minħabba l-miżuri tal-COVID-19, hux fil-fatt se jieħu dan ir-refund jew le, speċjalment jekk l-għażliet li tawh l-Airmalta ma kenux jgħoddu aktar għalih, għaliex is-safar tiegħu kien marbut ma’ attività partikolari?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa t-talbiet għall refunds huma numerużi, u dawn qed jiġu proċessati.
Skola Nazzjonali tal-Isport – assessjar għall-dħul tal-istudenti
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14494 fejn il-Ministru kkonferma li għad-dħul tal-istudenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS), il-Gvern ma ħassx li għandu joqgħod fuq assessjar kif sar għall-istudenti l-oħra inkluż dawk fi transizzjoni għas-6th form u b’referenza għall-Konferenza Stampa tal-Ministru li fiha indika li d-deċiżjoni li xorta jsiru dawn l-eżamijiet kienet tal-Iskola Nazzjonali tal-Isports u l-istqarrija tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li tavża li l-amministrazzjoni tal-iskola ‘m’għandha x’taqsam xejn mal-assessjar u mal-metodu ta’ kif jidħlu l-istudenti’’, jista’ l-Ministru jiċċara min ħa d-deċiżjoni li xorta jsiru l-eżamijiet? Min ta dawn il-pariri? Jista’ jgħid ukoll meta saret il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa qabel ġie deċiż li jsiru dawn l-eżamijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni ttieħdet b’mod konġunt bejn id-Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni, l-iskola Nazzjonali tal-Isport u l-Bord tal-Għażla. Dan sar wara diskussjoni twila dwar x’possibiltajiet kien hemm li ssir għażla li tkun ġusta mal-istudenti kollha li japplikaw. Il-MEDE ser ikun qiegħed isegwi kull direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar kif għandhom jiġu amministrati dawn l-eżamijiet, kif se jsir ukoll għall-eżamijiet kollha l-oħra, inkluż tas-SEC u l-MATSEC, li se jsiru fl-istess żmien.
Studenti li ma humiex eleġibbli għall-benefiċċju tal-COVID-19
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14045 fejn il-Ministru informa lil din il-Kamra li qed janalizza attivament is-sitwazzjoni ta’ inġustizzja li studenti li kienu wkoll jaħdmu part-time u jħallsu l-NI bħal kull ħaddiem ieħor, ma humiex eleġibbli għall-benefiċċji tal-COVID-19 skont il-kriterji tal-gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li wasalx iż-żmien ta’ soluzzjoni ġusta u ekwa u bla dewmien li wiegħed?
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma dwar l-introduzzjoni tal-Class Support fil-Kinder 2 għas-sena skolastika li ġejja? Jista’ jgħid fiex waslet din il-ħidma preparattiva u jgħid meta se titħabbar deċiżjoni dwar dan? Lil hinn mill-capacity building li skont il-Ministru qiegħed iżomm ix-xogħol lura, l-Ministru jaf li din hija parti mill-ftehim kollettiv li ġie ffirmat sentejn ilu u għaldaqstant kellu żmien biżżejjed biex jippjana? Jista’ jgħid jekk għandux long term plan għal Class Support? Jista’ jippubblika dan il-pjan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħidma tal-Class Support fil-Kinder 2 ilha għaddejja u għalhekk għaddej ukoll l-ingaġġar tal-LSEs minħabba li din is-sistema fejn titqiegħed LSE Class Support ma’ klassi li għandha aktar minn 14-il student/a titlob numru ta’ LSEs aktar milli hemm diġà fis-servizz.
Bħala parti mit-tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, il-Ministeru qed jitħejja għal xenarji differenti u jista' jagħti l-każ li s-sistema tal-LSE Class Support ma titħaddimx kif mistenni imma tiġi adattata skont iċ-ċirkostanzi kif diretti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Kumpaniji tal-Istampar u media – ftehim ta’ sponsorship
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14436 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kumpaniji tal-istampar u media houses li magħhom il-Ministeru għandu ftehim ta’ sponsorship? Jista’ jagħti deskrizzjoni ta’ tali ftehim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Ministeru m'għandux tali ftehim.
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Malta Racing Club għandha problemi kbar ta’ cash flow tant li għall-affarijiet bażiċi bħal diesel u ramel għall-korsa qed ikollhom isiru barters mal-horses owners għaliex ma hemmx flus biex jitħallsu? Jekk dan mhux minnu jista’ jgħid kemm ġie jiswa r-ramel u minn għand min inxtara u meta tħallas? Jekk dan mhux minnu jista’ jgħid kemm intefaq f’diesel mit-13 ta’ Marzu sal-lum, mingħand min inxtara u meta tħallas?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-mistqosija parlamentari 14050 fejn il-Ministru indika li kien għad ma kellux pjan għall-edukazzjoni għal perjodu post covid, jista’ l-Ministru jgħid sa meta se jkun qed jissottemeti pjan dwar kif se jimxi s-settur edukattiv mis-sena skolastika li jmiss?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ħa bosta deċiżjonijiet biex jindirizza s-sitwazzjoni preżenti u dik eventwali. Infakkar li f'Marzu, l-Ministeru ħadem mal-awtoritajiet edukattivi kollha biex ħabbar pjan miċ-childcare services sal-Università ta' Malta u l-MCAST. Dan il-pjan ħolistiku ffoka fuq il-loġistika, l-eżamijiet u d-dħul tal-istudenti fil-vjaġġ edukattiv tagħhom għas-sena skolastika li jmiss.
Il-Ministeru ħa ħsieb ukoll iwaqqaf Working Group responsabbli mit-tagħlim online u mill-kurrikulu. Dipartiment ieħor ħa ħsieb is-servizzi psiko-soċjali u ta' sapport, waqt li Dipartiment ieħor ħa ħsieb il-loġistika fit-tqassim tal-lunches, tal-aċċess għall-internet u l-kompjuters lil tfal u studenti vulnerabbli. Għaddejja wkoll ħidma fuq livell Ministerjali fuq tħejjijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi miċ-childcare sal-Università, inkluż programmi bħal SkolaSajf u l-programmi għall-adulti. Qed tkun kordinata konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba u l-unjins kollha involuti biex inkunu mħejjija għal xenarji possibbli differenti.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14053, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jidħlu l-ewwel studenti fl-iskola l-ġdida tar-Rabat Għawdex imħabbra snin ilu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li l-mira hi li l-iskola tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2022-2023.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14052, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jidħlu l-ewwel student fl-iskola l-ġdida tal-Imsida mħabbra snin ilu? Jista’ jgħid sa meta se tkun lesta l-aġġudikazzjoni tat-tenders li għalqu fil-5 ta’ Mejju 2020?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proċess t'aġġudikazzjoni tal-bini tal-iskola għaddej b'ritmu mgħaġġel u mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li l-mira hi li l-iskola tilqa' l-ewwel studenti tagħha fis-sena skolastika 2022-2023.
MCAST – Dipartiment tar-Riżorsi Umani – eżitu ta’ investigazzjoni
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14435, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-MCAST?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi wara l-inkjesta interna mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-investigazzjoni kriminali mill-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, għadha għaddejja.
Ftuħ ta' skejjel wara l-għeluq minħabba l-Covid-19 — working group
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-working group li qed ifassal il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel wara l-għeluq minħabba l-Covid-19?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Ministeru qiegħed jitħejja għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi li jinkludu miċ-childcare services sal-Università u l-MCAST. Il-pjan qed jitfassal ukoll għal programmi edukattivi bħalma huma SkolaSajf u t-tagħlim għall-adulti. Il-Ministeru fassal qafas fuq ħames xenarji probabbli li għalihom qed jittieħdu l-prekawzjonijiet fuq ħames livelli. Dan il-proċess, li nbeda fix-xahar t'April, qed jinbena b'mod konsultattiv ma' msieħba fis-settur, inkluż ma' unjins.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14253, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-persuni kollha li huma konsulenti fil-Ministeru tiegħu, x’tip ta’ konsulenza qed jagħtu u x’salarji u perkaċċi għandhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Bordijiet - lista ta' persuni appuntati
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li huma appuntati fuq diversi bordijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu kif ukoll jgħid xi kwalifiki għandom għal dik il-kariga u x’remunerazzjoni qed jieħu għal dik il-kariga kull wieħed u waħda minnhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Statementing Moderating Panel — applikazzjonijiet pendenti u applikazzjonijiet li nstemgħu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti u kemm applikazzjonijiet nstemgħu quddiem l-Istatemening moderating panel bejn it-13 ta' Marzu u llum? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn kienu applikazzjonijiet ta' bniet, subien u l-etajiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bordijiet tal-Istatementing Panel kienu u għadhom qegħdin jimxu id f'id mad-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 u dan biex la jipperikolaw saħħet il-ġenituri/tuturi u tfal u lanqas saħħithom stess. Minn wara li ġie mħabbar li ċertu miżuri ser jiġu rilassati, bdew isiru komunikazzjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jiġi maqbul proċess dettaljat u sikur, u li jippermetti li l-Bordjiet jerġgħu jibdew jiltaqgħu.
Bejn it-13 ta' Marzu u t-22 ta’ Mejju, l-iStatementing Board irċieva 34 applikazzjoni.