B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14925 u 15170, jista’ l-Ministru jikkonferma hux minnu li f’April li għadda ħarġu struzzjonijiet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex is-sistema tal-Class Support li ġiet introdotta fil-Kindergarten 1 tiġi xolta? Jekk dan huwa minnu x’kien il-ħsieb wara dawn l-istruzzjonijiet? Peress li dan kien parti mill-ftehim kollettiv jista’ jgħid jekk kienx hemm ftehim mal-union dwar dan? Jekk dan mhux minnu, jista’ jgħid jekk il-capacity building sarx u jekk l-LSE Class Support hux se jkun kif stipulat fil-Ftehim Settorali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamenatri 14925 u 15170, jista’ l-Ministru kemm hemm total ta’ LSEs? Kemm hemm LSEs f’kull sena skolastika? Kemm mil-LSEs tal-Kindergarten 1 ħadmu bħala Class support u kemm baqgħu one to one?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li sal-Ġimgħa, 12 ta' Ġunju 2020, il-MEDE għandu 2,621 LSE fl-iskejjel tal-Istat.
Matul is-sena skolastika 2019/20 kien hemm 90 LSE li ħadmu bħala Class Support mal-klassijiet tal-Kindergarten 1 u 132 LSE li kienu mal-istudenti statemented FT 1-1.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, qed tintalab kjarifika għax mhix ċara jekk hix tirreferi għal kull Year Group fis-sena skolastika 2019/2020 jew kemm kien hemm LSEs f’kull sena skolastika fil-Primarji ta-Istat qabel is-sena skolastika 2019/2020.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 14925 u 15170 jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ffirmat d-dokument mal-knisja ta’ capacity building? Meta saret il-laqgħa li fiha ntlaħaq qbil dwar l-LSE Class support mar-rappreżentanti tal-knisja?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-MEDE jikkonferma li l-capacity building tat-Teaching staff ġie ffirmat u din il-ġimgħa reġa’ beda l-eżerċizzju li jwassal għall-għeluq tan-Non-teaching staff, wara li kien hemm l-approvazzjonijiet ta’ miżuri meħtieġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa għax dan hu abbinat ma’ sights visits. Il-capacity building tan-Non-Teaching għandu jiġi konkluż sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Sadanittant, tajjeb jiġi nnotat li l-iStatementing Panels bdew joperaw mill-10 ta’ Ġunju 2020, wara li l-miżuri meħtieġa ġew ukoll approvati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u minn din is-sena bdiet titħaddem ukoll sistema onlajn fejn tinġabar id-dejta meħtieġa mill-iskejjel tal-Knisja dwar studenti statemented u kemm ikun hemm bżonn ta’ LSEs allokati magħhom. Għalhekk il-proċess tal-approvazzjoni tal-capacity building tal-LSEs se jsir bħal ma dejjem sar fejn jibda jiġi diskuss f’Lulju biex jintemm sal-aħħar t’Awwissu.
Dan se jkun qiegħed jimxi pari passu mad-deċiżjonijet li se jittieħdu fl-Iskejjel Statali minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija u l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Studenti li ma humiex eleġibbli għall-benefiċċju tal-COVID-19
Question
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 14045 u 14924 jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li ħadmu wkoll part-time u ħallsu NI bħal kull ħaddiem ieħor humiex se jieħdu l-benefiċċju tal-COVID-19 li ġie miċħud lilhom mill-Gvern fit-tliet xhur li għaddew?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif ġie spjegat mill-Onor. Prim Ministru, permezz tar-reviżjonijiet li saru fil-miżura tal-wage supplement iċċitata fid-domanda, issa anke l-istudenti jistgħu jgawdu. Għaldaqstant, min iħaddem issa jista’ japplika għas-sussidju fuq il-pagi anke ta’ studenti.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14925 dwar Class Support fil-Kinder 2 fejn il-Ministru ma ippubblikax pjan long term, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni fil-konfront tal-Iskejjel tal-Knisja? Il-Gvern approva l-baġit biex dawn il-Class Support jitħallsu mill-istat? X’komunikazzjoni saret mal-Iskejjel tal-Knisja f’dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma jsir kull sena paripassu mal-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja jiddiskutu u jressqu t-talbiet tagħhom ta’ Capacity Building parti mill-Classification Exercise li jsir mad-Dipartiment tar-Riżorsi Edukattivi fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Wara li jkun hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ partijiet, jiġi ffirmat id-dokument ta’ capacity building approvat u maqbul bejn l-MEDE u s-Segretarjat tal-Knisja.
Ta’ min jinnota li dawn il-proċessi għas-sena skolastika 2020-21 huma lesti, ikkomunikati u waslu fl-aħħar fażi tal-proċess li jiġi ffirmat id-dokument maqbul.
Fil-każ ta’ LSEs marbuta mal-Kinder 2, id-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin minħabba ċ-ċirkostanzi kurrenti marbuta ma’ miżuri ta’ saħħa meta jiftħu l-iskejjel u marbuta wkoll mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim Settorali (2017) fejn biex tingħata l-LSE Class Support ma’ klassi, irid ikun hemm aktar minn 14-il student f’dik il-klassi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw każini tal-banda għal skema ta’ għotja ta’ fondi li ħareġ il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzarji? Kemm ħadet kull banda mill-€200,000 allokati?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 90 każin tal-banda applikaw għal skema ta’ għotja ta’ fondi li ħareg il-Ministeru. Kull banda ħadet is-somma ta’ 2,200 Ewro.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni impjegati full-time u part-time fil-korsa ta' Xħajma, informazzjoni dwar ir-rwol tagħhom u l-kundizzjoni tax-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll minn min hu kompost il-kumitat li qiegħed jorganizza t-tiġrijiet fil-korsa ta' Xħajma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-korsa ta’ Xħajma hemm 11 il-ħaddiem full-time u dawn jagħmlu xogħol; wieħed ta’ Foreman, 3 ġardinara u 7 ħaddiema li jagħmlu manutenzjoni tal-post.
Fir-rigward tal-Kumitat Gozo Horse Racing Association, ninforma lill-Interpellant li dan huwa xolt.
Wara li ġie mħabbar pubblikament li fil-ġimgħat li ġejjin se terġa’ tiftaħ SkolaSajf, jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti kienu saru biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal li jattendu f’dawn iċ-ċentri? Ħafna ġenituri jinsabu mħassba dwar klassijiet żgħar biex tinżamm distanza soċjali, dwar il-ħin tal-logħob, tgħanniq, l-ilbies tal-maskra, il-mess tal-ġugarelli, pniezel, imqassijiet eċċ u anke dwar nuqqas ta’ sapun fit-toilets?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa u stakeholders oħra. Kif il-linji gwida jkunu pubbliċi, il-ħaddiema kif ukoll il-ġenituri jkunu infurmati.
B’referenza għall-mistoqsija 14708 u l-iBiNs ta’ Triq id-Deheb Fin Ħal Qormi fejn il-Ministru informani li “l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi huwa konxju ta’ din il-problema u għaddejjin diskussjonijiet biex ikun hemm aktar infurzar mill-gwardjani” jista’ l-Ministru jgħid kif u għaliex l-iBiNs irdoppjaw meta r-residenti jriduhom jitneħħew?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li dawn l-iBiNs tneħħew fit-28 ta’ Mejju 2020 wara li saret talba lill-Greenpak.
Peress li waslu xi ilmenti dwar l-istat perikoluż li jkun fih il-pavimentar ta’ Triq San Bastjan (quddiem il-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan) fix-xita, għaliex isir jiżloq ħafna, u peress li sa dalgħodu stess mutur kien involut f’inċident li fortunatament ma kellu l-ebda konsegwenzi serji għas-sewwieq u għar-residenti li jkunu mexjin fl-akkwati, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tgħin biex jittieħdu miżuri ta’ saħħa u sigurtà fil-pjazza msemmija biex dawn l-inċidenti jiġu evitati?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet kollha vakanti fi ħdan id-direttorati hekk kif inhuma llum? Jista' jgħid min minn dawk li qed iservu fil-kariga taw ir-riżenja tagħhom u dawk li x-xogħol tagħhom ġie estiż għal ftit xhur skont l-esiġenzi tas-servizz?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fi ħdan id-Direttorati hemm ħames postijiet vakanti kif ġej:
· Vakanza waħda ta’ Kap tal-Kulleġġi
· Director Education Resources
· Director General Curriculum, Lifelong Learning and Employability
· Director Learning Assessment Programmes
· Head Education Logistics & Administration
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, hemm riżenja waħda ta’ Direttur Ġenerali Curriculum, Lifelong Learning and Employability peress li applika u ntagħżel għal pożizzjoni oħra barra mis-settur pubbliku, u estensjoni waħda skont l-esiġenzi tas-servizz ta’ post ta’ Kap tal-Kulleġġi.
Ħal Qormi – roundabout tal-erba’ qaddisin – xogħol ta’ tisbiħ
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jassigura li issa li għaddew diversi xhur minn meta sar ix-xogħol ta’ twessigħ tat-toroq tal-madwar, jista’ jerġa’ jirrestawra r-roundabout tal-area magħrufa bħala tal-Erba’ Qaddisin għall-istat tajjeb li kienet fih? Peress li snin ilu din ir-roundabout fid-daħla prinċipali ta’ Ħal Qormi kienet imsebbħa mill-Kunsill Lokali Qormi b’monument tal-Gran Mastru Pinto u bi shrubs/xtieli li jesponu b’mod sħiħ il-frażi Citta Pinto (kif jidher fir-ritratt li qed jintbagħat separatament) biex tilqa’ u tagħti merħba lin-nies deħlin f’Ħal Qormi? Jista’ jara li dan ix-xogħol ta’ tisbiħ jerġa’ jsir?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.
Wied is-Sewda Ħal Qormi għal Ħ’Attard – ftuħ ta’ toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetħu t-toroq li jagħtu minn Wied is-Sewda Ħal Qormi għal Ħ’Attard? Jista’ jgħid kemm se jdumu iżjed magħluqa Triq il-Ħofor u Triq Hannibal li issa ilhom fuq tliet ġimgħat magħluqa u l-bdiewa u s-sewwieqa oħra li jużaw trakkijiet, bowsers u inġenji kbar ma jistgħux joħorġu min-naħa ta’ Ħal Qormi bit-trakkijiet għax minn hemm biss huwa safe għalihom għaliex it-toroq l-oħra li jagħtu għal ġo Ħal Qormi huma dojoq wisq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li c-Central Link Project huwa investiment ta’ €55 miljun biex inaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti, itejjeb il-kwalità tal-ajra u joħloq spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.
Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom mal-10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mill-karozzi f’Malta, li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.
Ix-xogħlijiet bdew f’Jannar li għadda bil-pedamenti tal-korsiji ġodda għall-karozzi, il-waqfiet tal-karozzi tal-linja, bankini u korsija għar-roti ġodda li qed isiru biswit Triq l-Imdina u tliet toroq oħra bi drittha, bejn il-Bypass tal-Imrieħel u l-inħawi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard.
Fix-xhur li għaddew il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew it-tħaffir tal-post fejn se tgħaddi din it-triq, peress li partijiet minnha ser ikunu f’livell aktar baxx mit-toroq residenzjali f’Ħ’Attard li jinsabu ftit ‘il bogħod. B’hekk jonqos l-impatt viżiv tat-triq minn dawn it-toroq residenzjali, li wkoll qed jinbnew mill-ġdid b’disinn aħjar bħala parti mill-istess proġett. Bejn it-toroq eżistenti u t-triq il-ġdida, Infrastructure Malta qed tiżviluppa korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi u faxxa ta’ siġar u pjanti oħra.
Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xhur il-ħaddiema bdew iqiegħdu taħt l-art fejn ġejja t-triq il-ġdida kilometri ta’ pajpijiet, katusi u cables għal sistemi ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi, għas-sistema tad-dwal tal-istess triq u anke għall-ilqugħ u l-ġbir tal-ilma tax-xita. Bnew ukoll ħafna mill-ħitan tal-ġnub tat-triq, li qed jinksew bil-ġebel tas-sejjieħ.
Meta l-proġett ikun lest, din it-triq ġdida b’żewġ korsiji ser tgħaqqad il-karreġġjata tal-Punent tal-Bypass tal-Imrieħel (mill-Imrieħel lejn Ta’Qali) mal-karreġġjata ta’ Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Wied Inċita, viċin id-daħla tal-Isptar Monte Karmeli. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin mill-Imrieħel fid-direzzjoni ta’ Ta’ Qali u r-Rabat, ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jieqfu fit-traffic lights ta’ ħdejn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u dawk li hemm f’Ħal Balzan kantuniera ma’ Vjal de Paule, lejn il-Ġonna ta’ San Anton. Dawn iż-żewġ sistemi ta’ traffic lights se jispiċċaw. Dan se jwassal biex jonqsu drastikament il-ħin tal-ivvjaġġar, ir-riskji t’aċċidenti u t-tniġġis ikkawżawt mill-konġestjoni matul din ir-rotta.
Permezz ta’ din ir-rotta ġdida fid-direzzjoni tal-Punent, mill-Imrieħel lejn Ta’ Qali, Infrastructure Malta ser tkun tista’ tibni mill-ġdid Triq in-Nutar Zarb u Triq iż-Żagħfran, li bħalissa jintu¿aw fl-istess direzzjoni, biex finalment jibdew iservu bħala l-karreġġjata tal-Lvant, minn Ta’ Qali lejn l-Imrieħel. B’hekk, jitneħħa l-bżonn li dawk li jkunu għaddejjin f’din id-direzzjoni jgħaddu mill-qalba ta’ Ħ’Attard, fejn bħalissa r-rotta tidjieq għal korsija waħda.
Finalment għalhekk, matul ir-rotta kollha bejn il-Bypass tal-Imrieħel u r-roundabout qabel tibda tiela’ t-Telgħa tas-Saqqajja se jkollha minn tal-inqas żewġ korsiji f’kull direzzjoni, kuntrarjament għas-sitwazzjoni bħalissa fejn għandek partijiet twal b’korsija waħda.
Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fl-istess waqt, żiedet ukoll infrastruturra ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona.
Infrastructure Malta qed tagħmel ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett f’fażijiet differenti biex tnaqqas kemm tista’ d-diffikultajiet għal aktar minn 30,000 persuna li ta’ kuljum jgħaddu miż-żona, u għar-residenti li jgħixu fil-viċin f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard.
Studji xjentifiċi li saru dwar dan il-proġett jikkonfermaw li jekk ma tiġix imtejba l-infrastruttura preżenti, il-problemi li kuljum qed jolqtu lil eluf ta’ persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, skont dawn l-istudji, jekk ma tiġix imtejba s-sistema ta’ toroq eżistenti fl-inħawi, biex tivvjaġġa mill-Imrieħel sa Ta’ Qali ddum sagħtejn u kwart iġġamjat fit-traffiku, b’veloċità ta’ 1.83km fis-siegħa. L-istudji juru wkoll li permezz tat-titjib ta’ Central Link Project, il-ħin tal-ivjaġġar se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid-domanda għat-trasport li jista’ jkun hemm fil-futur.
Studji tal-kwalità tal-arja bba¿ati fuq monitoraġġ tal-arja f’diversi nħawi matul ir-rotta juri l-effetti ħ¿iena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, il-materja partikolata (particulate matter) fl-inħawi, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, tiżdied b’278% sal-2030. B’Central Link Project tonqos ħafna l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) jonqsu b’41%.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fil-konnessjoni bejn iż-żewġ toroq indikati u t-toroq li qed jinbnew mill-ġdid bħalissa bħala parti minn Central Link Project. Ta’ min jinnota li minħabba s-sensittività arkeoloġika tal-inħawi, ix-xogħlijiet tal-iskavar jieħdu aktar fit-tul minħabba l-metodi li qed ikollhom jitnu¿aw f’dan ir-rigward. L-aċċess għall-vetturi minn Ħal Qormi għal Triq Hannibal jerġa’ jinfetaħ ladarba tiġi kompluta l-ewwel fażi ta’ Central Link Project, li huwa mmirat li titlesta sal-aħħar ta’ Settembru.
Dwar Triq il-Ħofor nispjega li din kienet ingħalqet temporanjament bħala miżura ta’ prekawzjoni u għal raġunijiet ta’ sigurtà minħabba struttura perikoluża li hemm fil-ħruġ ta’ din it-triq f’kantuniera ma’ Triq l-Imdina. Din l-istruttura hija proprjetà ta’ terzi u s-sidien huma fir-responsabbiltà li jassiguraw l-istabbilità tagħha. Din terġa’ tinfetaħ meta jitlestew ix-xogħlijiet u ladarba jkun assigurat li l-istruttura msemmija tkun sigura.
Infrastructure Malta qiegħda tistinka biex Central Link Project li tant ilu mistenni jitlesta fl-inqas żmien possibbli, iżda bl-inqas diffikultajiet għar-residenti u dawk kollha li jaħdmu jew jivvjaġġaw fil-madwar, b’mod partikolari l-bdiewa fost oħrajn.
Kemm ilu li ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni inkluż il-konsulenti kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permananeti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm ilu Ministru hu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet - lista ta' persuni appuntati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14864 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li huma appuntati fuq diversi bordijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu kif ukoll jgħid xi kwalifiki għandhom għal dik il-kariga u x’remunerazzjoni qed jieħu għal dik il-kariga kull wieħed u waħda minnhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14864 se tingħata f'seduta oħra.
Wara li ġie mħabbar pubblikament li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġgħu jiftħu ċ-Childcare Centres, jista’ l-Ministru jgħid xi preparamenti kienu saru biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal li jattendu f’dawn iċ-ċentri? Minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni, ħafna ġenituri jinsabu mħassba dwar x’inhuwa l-pjan biex tiġi żgurata distanza soċjali f’każijiet ta’ trabi li jridu jbidlulhom u jitimgħawhom u qed jistaqsu jekk hux se jkun meħtieġ u kif se jkun possibbli li dawn it-trabi jilbsu l-maskri; u ġenituri ta’ tfal akbar qed jistaqsu kif se żżomm it-tfal milli jgħannqu lil xulxin meta jerġgħu jiltaqgħu peress li dan huwa stint naturali tat-tfal u x’se jiġri fil-ħin li dawn normali jilagħbu meta nafu li l-logħob f’din l-età huwa mod ta’ tagħlim; u qed jistaqsu wkoll dwar l-isfidi ta’ ċerti tfal li jneħħu ż-żarbun u l-kalzetti għax idejquhom u għax ikunu jridu jħossu l-art (a sensory experience) u allura kif se tassigura li dawn it-tfal iżommu l-maskra għal tul ta’ ħin? Jista’ jixħet dawl fuq l-istrateġija li se jadotta fil-ftuħ mill-ġdid taċ-Childcare Centres filwaqt li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li se jiġu addottati? X’inhi d-data li se jiftħu fiha dawn iċ-Childcare Centres?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa. Kif il-linji gwida jkunu pubbliċi, il-ħaddiema kif ukoll il-ġenituri jkunu infurmati.
Wara li ġie mħabbar pubblikament li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġgħu jiftħu ċ-Childcare Centres jista’ l-Ministru jgħid jekk in-numru ta’ tfal imfarfrin għal kull carer hux se jibqa’ 1:6 jew hux se jinbidel, biex il-carer tkun tista’ tlaħħaq mat-tfal fiċ-ċirkostanzi l-ġodda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa. Kif il-linji gwida jkunu pubbliċi, il-ħaddiema kif ukoll il-ġenituri jkunu infurmati.
Wara li ġie mħabbar pubblikament li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġgħu jiftħu ċ-Childcare Centres, jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun qiegħed jieħu ħsieb aspetti importanti ta’ tagħlim f’ċirkostanza li timponi social distancing? X’se jiġri waqt il-ħin tal-ikel, meta f’dan il-mument it-tfal jitgħallmu kif jissoċjalizzaw fi grupp filwaqt li jitgħallmu ċerti manjieri? Kif se tiġi assigurata s-soċjalizzazzjoni f’din iċ-ċirkostanza? Xi ħsibijiet hemm fuq il-logħob li huwa aspett importanti ta’ kif jitgħallmu t-tfal fis-snin bikrin? Wieħed mill-prinċipji importanti fis-snin bikrin huwa l-iżvilupp tal-lingwa, li fil-każ tat-tfal żgħar tissejjaħ ‘serve and return’. Kif jista’ jkun assigurat li ċ-childcarer tagħti importanza lil dan l-aspett mingħajr ma tilbes maskra biex it-tarbija tkun tista’ tħares lejn u ssegwi ħalq il-carer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa. Kif il-linji gwida jkunu pubbliċi, il-ħaddiema kif ukoll il-ġenituri jkunu infurmati.